Saviour Balzan | Pappoċċ mqatta'

L-ADPD, għandhom bżonn xi ħadd vivaċi u żgħir, imbagħad jibdew jiċċaqaqu fis-sondaġġi!

Papoċċ imqatta' lanqas għall-iskarpan mhu tajjeb. Nafuh dan, hux hekk? Pappoċċ mqatta’ tarmih. Mhux hekk?

Ma nafx kif sewwa Cacopardo (ħdejja fuq din il-paġna) u anke Cassola ma jafuhx dan! Jiena li ħdimt fl-Alternattiva Demokratika u tkissirt u kont wieħed mill-fundaturi fl-1989 naf Cacopardo kemm huwa bniedem onest u bravu. Imma sfortunament il-votanti jridu jaraw persuna iżgħar u iktar kariżmatiku. Jekk mhux qed jifhem din, mela irid xi ħadd jispjegahielu!

L-ADPD, għandhom bżonn xi ħadd vivaċi u żgħir, imbagħad jibdew jiċċaqalu fis-sondaġġi!

Fil-każ ta’ Cassola, din storja oħra! Dan jaħseb li huwa ċ-ċentru tad-dinja, meta fil-fatt huwa individwu -  mhux partit -  li jaf iwerżaq u jgħajjat biex kemm jista' jkun jiġi rrappurtat. Huwa fil-fatt, kompletament irrelevanti.

Ifakkarni f’Marlene Farrugia, moħħha biex tkun l-attrazzjoni tal-ġimgħa anke jekk tgħid iċ-ċuċati. Issa wara li xebgħet tgħid kemm hi konta l-abort, saret il-gladjatur favur.

U le, le!

.............................................................................

Ridt nikkumenta qabel, fuq din.

Kont qrajt li l-għalliema huma fost l-iktar stressjati . Issa naf kif nikteb dan li ġej, Marco Bonnici tal-MUT ser joħroġ il-pinna u jirremetti fuqi.

Nitnejjek. Għax infakkar lil Bonnici, li jien nħallas taxxi bħal ħafna nies oħra, flus li jmorru biex iżommu l-iskejjel tal-Gvern miftuħa u l-pagi tal-għalliema, u apparti hekk nħallas miżati mdaqqsa biex nibgħat lit-tfal tiegħi fi skola privata.

Imma jekk kien hemm farsa dwar l-istress, hi din tal-għalliema.

Jekk hawn settur li huma komdi daqs farfett bajdani tal-kabboċċi huma l-għalliema.

Mela tajjeb! Biex jagħmlu laqgħa bejn it-teachers, lanqas jagħmluha wara l-iskola. Le, ma tarax! Jew jagħlqu l-iskola jew inkella jibgħatu t-tfal kmieni d-dar.

Mhux hekk, imma biex jagħtu privat wara l-iskola mhux problema!

(Ara l-MUT ma titkellimx dwar għalliema li jagħtu privat lill-istudenti tagħhom tal-iskola stess).

U ma rridx ninsa wkoll, li jekk allaħaresqatt kien hemm xi vaganza mitlufa għax waqgħet fuq il-weekend, mela importanti li dawn l-istressjati li jieħdu leave daqs ħaddiem Għawdxi tal-gvern li jiskarta x-xogħol, jingħataw ġurnata oħra vaganza.

Taf x’naf, msieken il-ġenituri li għal-sena u nofs kellhom jagħmluha ta’ għalliema d-dar!

Ara dawk mhux stressjati!

More in Politika