Carmel Cacopardo | Xejn ma jsir b’xejn

Meta l-Awditur Ġenerali jgħid li l-kien hemm ksur tar-regoli tax-xiri pubbliku (f'San Vinċenz de Paule) ma kienx qed jitkellem fuq xi proċeduri żgħar li ma ġewx osservati. Anke meta jgħid li d-deċiżjoni kienet waħda illegali, kien ċar daqs il-kristall

Ir-rapport dwar ir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenż, li ħafna drabi nirreferu għaliha bħala l-Imgieret, ippubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-Awditur Ġenerali hu wieħed twil. Jista’, iżda faċilment jinġabar f’sentenza waħda: meta tagħmel dak li jaqbel, addio governanza tajba!

L-ewwel reazzjoni tal-Ministru politikament responsabbli minn din il-froġa kienet li l-Awditur Ġenerali mhux interessat fl-anzjani! Qalilna ukoll li hu, l-Ministru, ma ndaħalx. Mid-dehra l-Onorevoli Ministru ma jafx li għandu resposabbiltà li “jindaħal” u jagħti direzzjoni. Direzzjoni favur it-tisħiħ kontinwu tal-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika. Flimkien mal-Ministru Falzon iridu jerfgħu ukoll ir-responsabbiltà politika l-Ministru Justyne Caruana u l-ex-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis. It-tnejn li huma kienu responsabbli għall-anzjani bħala Segretarji Parlamentari u allura għandhom sehem fil-ħolqien ta’ din il-froġa.

Li ma tagħmel xejn, għax ma tagħtix kaz inkella għax tiġi taqa’ u tqum hu nuqqas. Nuqqas kbir li l-politiċi jridu jerfgħu r-responsabbiltà għalih.  Politiċi serji u ta’ stoffa jirreżenjaw f’dawn iċ-ċirkustanzi. Jiena naħseb li ma hu ser jirreżenja ħadd.

Bħas-soltu l-Prim Ministru Robert Abela jipprova jmewwet l-affarijiet. Qalilna li kien żball li l-każ ma telax għall-approvazzjoni tal-Kabinett. Bħal dak li qallu li deċiżjoni tal-Kabinett kienet ser iddawwar froġa f’deċiżjoni tajba!  Il-Ministru Falzon qalilna waħda aħjar: 'ma hemm xejn ħażin f’din id-deċiżjoni,' qal Falzon. Azzarda jgħid ukoll li jidhirlu li l-Awditur Ġenerali għandu jikkoreġi uħud mill-konklużjonijiet tiegħu.

Meta f’Malta l-istituzzjonijiet jaħdmu, sfortunatament ikollhom jiffaċċjaw dawn ir-reazzjonijiet tal-politiċi. Dawn huma kollha ostakli għat-twettieq tal-governanza tajba.  

Jippruvaw kontinwament inaqqsu is-sinifikat tal-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali billi jgħidu li, forsi, kull ma hemm huma “xi żbalji żgħar proċedurali”! Dawn huma attentati biex jimminaw l-istituzzjonijiet li jaħdmu.

Meta l-Awditur Ġenerali jgħid li l-kien hemm ksur tar-regoli tax-xiri pubbliku ma kienx qed jitkellem fuq xi proċeduri żgħar li ma ġewx osservati. Anke meta jgħid li d-deċiżjoni kienet waħda illegali, kien ċar daqs il-kristall.

Kelliema għall-Gvern jemfasizzaw li din id-deċiżjoni wasslet għal investiment sostanzjali li ġie b’xejn. Anke hawn l-Awditur Ġenerali hu ċarissimu:  Ma hemm xejn b’xejn, jgħidilna. Juża dan il-kliem preċiż fir-rapport tiegħu: “In a transaction of such significant value with commercial interests, nothing is ever secured for free”.

L-Awditur Ġenerali kellu kliem iebes anke għad-Direttur tal-Kuntratti talli dan ma ħax prewkazzjonijiet billi pprovda gwida ċara. Dan kien meħtieġ essenzjali minħabba l-konsiderazzjoni tal-hekk imsejjaħ investiment addizzjonali bla ħlas! In-nuqqas ta’ gwida ċara min-naħa tad-Direttur tal-Kuntratti, sostna l-Awditur Ġenerali, jesponi lill-proġett għall-ħafna riskji.

Id-deċiżjoni waslu għaliha permezz ta’ negozjati ma’ min għamel l-offerti. Dan jemfasizza l-Awditur Ġenerali imur kontra dak li jipprovdu r-regolamenti dwar ix-xiri pubbliku.  Kien possibli, jkompli jemfasizza l-Awditur Ġenerali li l-istess servizz jinkiseb mingħand operaturi ekonomiċi oħra u allura is-sistema tal-offerti kompetittivi kienet l-għażla addattata li sfortunatament ġiet skartata.

Dan hu każ ieħor ta’ falliment fit-twettiq ta’ governanza tajba minkejja l-mod kif jipprova jpinġi l-każ il-Prim Ministru Robert Abela. Hemm lezzjoni waħda ċara: xejn ma jiġi b’xejn. Il-kont kollu jitħallas mit-taxxi li jħallsu uħud minna.

Qed jingħad fil-media li saret laqgħa bejn il-pulizija u l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Hu tal-biki li qed jingħad li “f’dan l-istadju” mhemmx ħtieġa ta’ investigazzjoni mill-pulizija.

Qed nittama li l-pulizija ma jdumux ma jindunaw li hu neċessarju li issir l-investigazzjoni tagħhom b’mod immedjat.

Mela mill-iżbalji tal-passat ma tgħallmu xejn?

More in Politika