Editorjal | Il-PN baqa' fejn kien - mifrud u mhux rilevanti! Se jiċċaċlaq Bernard Grech?

Hekk kif fil-pajjiż qed tinbidel sew il-burdata, bir-rilaxx tal-miżuri tal-Covid-19 u hekk kif jidher ċar li l-PN reġa' qed jitlef l-appoġġ - Bernard Grech irid jiddeċiedi! 

Għidniha f'editorjali oħra u nerġgħu nibdew biha hawnhekk.  Il-vera oppożizzjoni f'pajjiżna bħalissa - mhux dik uffiċjali u tal-isem, imma il-vera moviment ta' nies li janalizzaw, jevalvaw u jiskrutinizzaw l-azzjonijiet tal-Gvern, il-moviment ta' nies li mhux biss ma jaqblux mal-gvern imma li taqbel jew ma taqbilx magħhom jieħdu pożizzjoni ta' prinċipju kontra xi ħaġa li wettaq il-Gvern, li jipprotesta fejn hemm bżonn, li jsemma' leħnu  - m'għadux il-Partit Nazzjonalista.  Illum sar jew qed issir dejjem aktar, parti mis-soċjetà ċivili - immexxija primarjament minn Repubblika fuq naħa u l-Moviment Graffitti fuq in-naħa l-oħra.  Il-punt mhuwiex jekk taqbilx ma' Repubblika jew Graffitti, jogħġbukx jew idejqukx!  Il-punt hu li kull meta fl-aħħar snin - speċjalment wara l-2017 - ġejna għas-si u n-no - fuq ħafna kwistjonijiet, li suppost il-PN uża bil-kbir għal vantaġġ tiegħu kienu dawn l-għaqdiet li deheru fuq quddiem, jopponu lill-Gvern u jiġġieledu kontra ċerti deċiżjonijiet jew in-nuqqas tagħhom. 

Ħa nagħtu tliet eżempji ċari fejn il-Partit Nazzjonalista - minflok kien preżenti, fuq quddiem, jieħu pożizzjonijiet ċari u jkun alternattiva qagħad juża ħafna platitutdnijiet vagi, filwaqt li jipprova jinħabb ma' Alla u max-xitan.  Bil-konsegwenza ovvja u ċara - anke fin-numri diżastrużi għall-PN  li qed jirriżultaw fis-sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday ilum - li la qed jinħabb ma' Alla u lanqas max-xitan. 

Il-kwistjoni tal-IIP:  Huwa ċar, anke jekk ilu ċar għal ħafna nies, li hemm abbuż f'din l-iskema speċjalment fejn jidħol residenza u rabta mal-pajjiż.  Huwa ċar li l-għan ta' dawk li qed jixtru ċ-ċittadinanza huwa li jkollhom passaport ħieles għal ġol-Unjoni Ewropea u daqshekk - kontra l-ispirtu tal-iskema!  Ir-rapporti u l-istejjer fil-midja dwar dan l-abbuż, kellu jkun il-mument illi l-PN jagħmel din il-kwistjoni tiegħu u jkun skjett u ċar x'irid u x'ma jridx jagħmel b'din l-iskema jekk ikun fil-Gvern.  L-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien kontriha u huwa kkwotat jgħid li Malta għandha tarmi din l-iskema. Adrian Delia qal l-istess ħaġa.  Illum il-PN bilkemm għamel ħoss. X'irid ibiddel minnha? Minflok daħlet l-għaqda Repubblika, ħadet pożizzjoni skjetta u ċara (taqbilx jew le  - mhux importanti) u l-eluf ta' Nazzjonalisti li huma kontra din l-iskema per prinċipju, f'Repubblika sabu min jirrapreżenta l-opinjoni tagħhom. 

Il-kannabis:  Il-Liġi dwar il-Kannabis, proposta u appoġġjata mill-Partit Laburista, ħolqot diskussjoni.  Min jaqbel u min le.  Min jaraha bħala pass ieħor 'l quddiem għal soċjetà aktar ġusta u min jaraha theddida għall-ġenerazzjoni żagħżugħa.  U l-PN? U l-MŻPN? X'jaħsbu dawn?  Xi jbiddlu minn din il-liġi?  Jekk il-PN jitla' fil-Gvern, ireġġa din il-liġi lura?  Iva jew le? U jekk ibiddel, xi jbiddel? Ma nafu xejn.  Sadanittant id-diskussjoni għaddejja, il-kontroversja għaddejja wkoll - bil-PN jew mingħajru!

Irid ikun il-Kap li jieħu lill-partit sal-elezzjoni li jmiss u lilhinn? Jew irid iservi ta' tapp? Jekk ir-risposta hija li jrid ikun Kap li jieħu lill-PN sal-elezzjoni u lilhinn, mela wasal iż-żmien li jiddeċiedi u jidher li qed jiddeċiedi, jieħu pożizzjonijiet u jagħmel lill-PN rilevanti

L-ambjent u l-oxxenitajiet ambjentali:  Oxxenitajiet ambjentali kellna u kellna ħafna taħt dan il-Gvern. Krejnijiet, tqaċċit ta' siġar u nistgħu nibqgħu għaddejjin.  Ħa nsemmu dak li ġara f'Ħad Dingli u anke l-kwistjoni tal-Imrieħel.  Hawnhekk kellek fuq quddiem lill-Moviment Graffitti jipprotesta kontra tqaċċit ta' siġar ta' 300 sena u fil-każ tal-Imrieħel kien hemm Graffitti wkoll kif ukoll il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li ħareġ bil-proposta alternattiva għall-proġett propost mill-Gvern.  Proposta li ntogħġbot u hija meqjusa minn diversi bħala vijabbli u aktar sostenibbli.  Għaliex ma kienx il-PN li għamel dawn il-proposti? Possibbli l-PN - organizzazzjoni - m'għandux biżżejjed entużjażmu u biżżejjed riżorsa biex dak li għamel Kunsill Lokali jagħmlu hu? 

Mela filwaqt li Graffitti u oħrajn jibbattaljaw proġetti ta' toroq f'Burmarrad li ppjanati jieħdu aktar art agrikola - il-PN jibqa' jiżfen fin-nofs jipprova jintogħġob mal-ambjentalisti imma fl-istess ħin ma jdejjaqx wisq lill-kuntratturi.  Ħudu pożizzjoni!  Morru pprotestaw!  Ħallu lin-nies jarawkhom!  Offru soluzzjonijiet kontroversjali. Min ma jogħġbux, ma jogħġbux ... imma ħudu pożizzjoni!  

Din il-ġimgħa din l-indeċiżjoni u nuqqas ta' tmexxija soda laħqet il-qofol tagħha meta l-PN ipprova jillapazza biex la jdejjaq lin-nies ta' Delia u lanqas idejjaq lill-attivisti li lil Delia għadhom ma jaħmulħx pinġut!  U x'ġara minflok?  Bernard Grech spiċċa ddgħajjef bil-kbir għax qalagħa minn nies ta' Delia li għal uħud minnhom hu issa tela'  - jew kien mgħejjun biex jitla' - b'gidba! U qed jaqlagħa wkoll mill-attivisti ta' kontra Delia.  Min jitlob għal qasma u min jakkużah fuq il-blog ta' Manuel Delia li waqagħtlu l-maskra! 

Qed tara kif ma tistax tinħabb ma' Alla u max-Xitan! 

Hekk kif fil-pajjiż qed tinbidel sew il-burdata, bir-rilaxx tal-miżuri tal-Covid-19 u hekk kif jidher ċar li l-PN reġa' qed jitlef l-appoġġ - Bernard Grech irid jiddeċiedi!  Irid ikun il-Kap li jieħu lill-partit sal-elezzjoni li jmiss u lilhinn?  Jew irid iservi ta' tapp? Jekk ir-risposta hija li jrid ikun Kap li jieħu lill-PN sal-elezzjoni u lilhinn, mela wasal iż-żmien li jiddeċiedi u jidher li qed jiddeċiedi, jieħu pożizzjonijiet u jagħmel lill-PN rilevanti.  

Altru minn hekk l-elezzjoni li jmiss - li dalwaqt tkun magħna - mhux se tferraħ wisq, la lin-Nazzjonalisti u wisq inqas lilu!

More in Politika