Saviour Balzan | Ejja ninsew ftit!

Ikolli nammetti li issa għajjejt naqra u nisma' dawn l-affarijiet. Ejja nitolbu ħalli nkunu nistgħu nsiefru malajr, ħa ninsew ftit!

Jien ma kontx naf li bħala Standards Commissioner George Hyzler kien għażel  lill-eks Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet.  U biex ngħidu kollox dan ilu konsulent minn April 2019 meta fil-tmun tal-Gvern kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat!

Muscat ma nafx jekk kienx jaf, imma ma niskantax.  Għax il-politika tiegħu kienet li l-aħjar ħaġa hija li żżomm lil dawk li kienu kontrik, viċin tiegħek.  Tattika li mhux taħdem u ħafna drabi tisplodi f’idejk.

Meta ġie biex jappunta lil George Hyzler, kien qed ifittex persuna li tkun aċċettabli għal kulħadd u għall-PN.  

Għamel hekk, għal ħafna ħatriet Muscat.

Imma issa, ejja nkunu ċari. Ma kienx idoneu li dik il-pożizzjoni timtela' minn eks politiku.  Għax xi darba jew oħra kien ser jinqala' intopp u kien ser ikollna aktar mistoqsijiet milli risposti.  U l-bramel tal-ħara mhux mistennija, minn dawk li jkunu taħt il-lenti.

Biex tgħaxxaqha Hyzler, meta ġie biex jappunta, qabbad nies bħal Anthony Borg Barthet u Rachel Attard, l-eks editur tal-Malta Independent. Issa Rachel Attard għandha storja twila ta’ kitbiet li ma tantx ispiraw fiduċja fix-xogħol indipendenti tagħha f’din il-Kummissjoni – imma m' hemmx tagħmel!  Imma l-każ ta’ Borg Barthet huwa differenti.

Dan kien l-Avukat Ġenerali illi meta l-eks Kummissarju tal-Pulizija George Grech kien akkużat bi stupru u abbuż ta’ poter - taħt Gvern Nazzjonalista - qabad u applika n-nolle prosequi.  Li kien ifisser li l-azzjoni li tinfetaħ il-kawża titwaqqaf u kollox jieqaf ħesrem u kollox jintesa'.

Jien naħseb li dan Borg Barthet għamel hekk għax xi ħadd mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru  ta’ dak iż-żmien sefsislu xi ħaġa f'widnejh.  Insomma George Grech li kien Kummissarju u kif ukoll Kap tas-Servizzi Sigrieti rriżenja.  Borg Barthet, għax-xogħol utli tiegħu, inkluż li ta sitt nolle prosequi oħrajn, intbagħat bħala Imħallef fil-Qorti Ewropea għal numru ta’ snin.  

Meta ġie lura sab ruħu konsulent ta’ Hyzler!

Ikolli nammetti li issa għajjejt naqra u nisma' dawn l-affarijiet. Ejja nitolbu ħalli nkunu nistgħu nsiefru malajr, ħa ninsew ftit!

More in Politika