Peppi Azzopardi | 'Jekk tridu tmorru tajjeb fl-elezzjoni agħmlu bħall-mara ta' Bernard Grech!'

AnneMarie ġenwina, meta tistaqsik kif inti, tkun sinċerament interessata fir-risposta tiegħek, u tisma’ lilek titkellem qabel titkellem hi. Lil tal-PN ngħidilhom: imitaw lil din il-mara u jibda ċ-ċans li tmorru tajjeb ħafna fl-Elezzjoni

Kull darba li joħroġ survey u tal-PN ma jkunux kuntenti bih, nibdew nisimgħu ħafna nies –  l-biċċa l-kbira tagħhom  dawk li jkunu jixtiequ li l-PN jisparixxi u li Simon Busuttil qatt ma twieled – li jibdew jagħtu dawn il-pariri lill-PN: 

  • Neħħu l-uċuh il-qodma u ġibu uċuh ġodda, u
  • Tkunux negattivi.

U niskanta nara esponenti tal-PN qishom se jibdew jaqblu magħhom u jagħtuhom raġun.

Lill-PN nixtieq ngħidilhom: Tisimgħux minn dawn il-pariri. Agħmlu, mhux kif jgħidilkom tagħmlu l-Labour, imma kif għamel il-Labour stess meta kien fl-Oppożizzjoni taħt Joseph Muscat.

Intom tiftakruha l-kampanja ta’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013? Tiftakru kemm kienet kampanja negattiva? Tiftakruhom ir-reklami negattivi li kienu jġibu lil Lawrence Gonzi bħala kriminal? Tiftakru kif xterdet l-aħbar negattiva li Tonio Fenech kien irċieva arloġġ tal-Lira u li l-aħbar negattiva li l-ministri kienu qed jitħallsu €500 aktar fil-ġimgħa? Dawn l-aħbarijiet negattivi kienu jkunu kuljum fuq l-Aħbarijiet tal-ONE, fuq TVM, f’kull konferenza stampa, f’kull diskors taħt it-tinda. X’ma kinux negattivi! U rebħu b’35,000 vot.

U tiftakru x’kien għamel Joseph Muscat hekk kif sar mexxej? Kien indirizza konferenza ġenerali. Kollox kien issettjat. In-nies antiki tpoġġew f’postijiet strateġiċi fis-sala. Id-direttur televiżiv kellu l-iscript tad-diskors ta’ Muscat, u kellu x-shots pjanati lesti. Kollox sinkronizzat. Waqt id-diskors Muscat jgħajjat lin-nies lura fil-Partit – “Lil din jien ivvutajtilha, nilqa’ magħna lil Maria Camilleri, welcome Maria, fil-Moviment.” U shot tagħha f’nos il-folla. Ċapċip kbir. “Nilqa’ magħna lil Alex Sciberras Trigona, inti issa parti mill-familja tagħna.” Shot tiegħu f’nofs il-folla. Kulħadd iċapċap.

Meta kien fl-Oppożizzjoni, Muscat ma ħebiex lill-qodma, anzi tefagħhom fuq il-front mal-ġodda, u fil-kritika tieghu kien iktar negattiv milli huma il-PN tal-lum.

Jien naħseb li l-PN mhux talli m’għandux jaħbi l-qodma, imma talli għandu jipprova jġib lura politiċi ta’ stoffa bħal George Pullicino, Tonio Fenech u Giovanna Debono. X’se tagħmlu biex tisimgħu mil-Labour? Se taħbu lil Mario de Marco, wieħed mill-ifjen imħuħ li għandu l-PN? Se taħbu lil David Agius, wieħed mill-iżjed politiċi li jifhem  il-grassroots tal-Partit?

U meta jgħidulkom tkunu pożittivi x’suppost tagħmlu? Tfaħħru l-affarijiet tal-biża’ li ġraw f’pajjiżna? Se tgħidu kemm intom kburin li wara l-qtil ta’ Daphne Malta qed tissemma’ fil-films tal-Mafia? Hekk se tagħmlu? Biex tkunu pożittivi?

Allura l-PN kif jista’ jerġa’ jibda jirbaħ?

  • Billi jagħmel proposti kontroversjali ta' ġid, anke għall-minoranzi. Jekk verament temmnu li n-nies għandu jkollhom id-dritt li jżommu erba’ qsari kannabis id-dar, għalfejn ma ħriġtux biha, intom tal-PN? Biex lahaq ħareġ biha l-Gvern u issa l-PN se jkollu jaqbel magħha. Nittama li mhux għall-voti.
  • Niftakar meta kien fil-Parlament kien hemm il-vot  dwar l-unjoni ċivili u li koppji gay ikunu jistgħu jaddottaw. Kont maħruq li l-PN kienu se  jasjtenu. Kont bgħatt SMS lil tal-PN u għedtilhom, “Morru fil-Parlament u itolbu li tagħmlu emenda fuq din il-liġi. Għidulhom li flok unjoni ċivili, għandu jissejjaħ u jkun żwieġ. Ara kif kien jibqa’ Joseph Muscat, li l-iskop tiegħu kien li l-PN ma jivvutax favur għax ried il-voti tal-LGBTIQ, u bl-astensjoni tal-PN kien rebaħhom kollha hu.
  • Meta sar mexxej, Joseph Muscat kien għamel time-table ta’ kif se jqassam il-ħin tiegħu. 80% tal-ħin kollu tiegħu kien li jiltaqa’ man-nies. Jiltaqa’ man-nies, mhux billi jmur il-festi u joqgħod jieħu s-selfies. Mhux ġol-każini jew fuq il-monti. Jiltaqa’ man-nies jiġifieri jmur għandhom, id-dar, jew jistedinhom għandu. U kien minn hemmhekk li dawwar ħafna votanti Nazzjonalisti. Mhux bil-media, u mhux bis-slogan “tagħna lkoll.”

Jiġifieri l-kampanja ma kinitx importanti? Li kieku Muscat ma kienx qed jiltaqa’ b’mod individwali ma’ eluf ta’ nies, il-kampanja ma kinitx tkun effettiva, le. L-istess kien għamel Alfred Sant biex rebaħ l-Elezzjoni tal-1996. Dar 10,000 familja. Kellu kampanja brodu, għax flok ħela l-ħin jidher ’l hemm u ’l hawn, kien imur fid-djar.

Fil-PN illum, il-kandidati l-ġodda, u aktar u aktar il-qodma jridu jikkommettu ruħhom biex iżuru familji indikati mill-Partit. Mhux kulħadd imur għand dawk li anyway se jivvutaw PN. Ikollok min marru sitta għandu u min ħa għalih għax ma resaq ħadd. Għandha ssir ħidma intensiva biex hekk kif noħorġu mill-COVID, il-Kap tal-Partit u d-Deputati jinsew kollox u jmorru għand in-nies. B’mod strateġiku. B’dixxiplina. B’deadline. B’feedback immedjat, u b’follow ups. U mhux imorru biex ikunu marru, għax inkella jkunu qed jitnejku bin-nies.

L-aktar ħaġa tajba li qed jagħmel il-PN bħalissa qed tagħmilha AnneMarie, il-mara ta’ Bernard Grech. Kuljum iċċempel lit-tesserati li jkollhom il-birthday u titkellem magħhom. Kuljum. Kull tesserat u tesserata. Tkellimt ma’ nies li ċemplitilhom u rrakkuntawli, fetħu qalbhom magħha, ftakru fejn jafuha, kif kienet tgħallem lil xi hadd qrib. AnneMarie ġenwina, meta tistaqsik kif inti, tkun sinċerament interessata fir-risposta tiegħek, u tisma’ lilek titkellem qabel titkellem hi. Lil tal-PN ngħidilhom: imitaw lil din il-mara u jibda ċ-ċans li tmorru tajjeb ħafna fl-Elezzjoni. 

Tirbħu? Nagħżel li ma nweġibx.

More in Politika