Robert Aquilina | Tħallux lill-Gvern joqtol lill-għaqdiet volontarji

Hija inġustizzja kbira li se jkunu l-organizzazzjonijiet volontarji li se jkollhom jagħmlu tajjeb għal dawk li abbużaw mill-poter bil-barka ta’ Robert Abela. Huwa skandlu fuq skandlu li l-prezz għall-ħażin li għamlu l-ħbieb ta’ Robert Abela se jkollu jħallsu min ħlief ġid m’għamilx. 

Pajjiżna għandu ħafna pożittiv. Il-poplu tagħna għandu ħafna biex jiftaħar. Hija ħasra kbira li dak kollu li għandna tajjeb, matul dawn l-aħħar snin, tgħatta bid-dell ikrah ta’ skandli kbar ta’ korruzzjoni, governanza ħażina u saħansitra assassinju feroċi ta’ ġurnalista. Tkun ħasra ikbar jekk minħabba dan il-ħażin – li fuqu ssib il-marki tas-swaba tal-qarnita mafjuża li ħakmet lill-Gvern Laburista u lill-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż – jitkisser il-ħafna tajjeb li ma jaħti assolutament xejn.

Pajjiżna għandu jiftaħar mhux b’politiċi skjavi tal-mafja imma b’dawk l-eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jikkontribwixxu l-ħiliet u l-ħin tagħhom għal għanijiet li jservu l-ġid komuni. Dawn mhumiex nies li jaħsbu kif se jagħmlu l-miljuni bil-qerq biex jaħbuhom il-Panama, Dubaj jew iċ-Ċina. Dawn huma n-nies li jżommu għaddejjin servizzi li l-Gvern ma joffrix.

Dawn huma n-nies tal-każini tal-banda, tal-għaqdiet li jħarsu l-ambjent, tad-dilettanti tal-logħob tan-nar, u tal-għaqdiet li jagħtu servizz lil dawk l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà tagħna. Dawn huma n-nies tal-għaqdiet volontarji. Dawn huma l-Malta li għandna niftaħru biha u mhux il-Malta li tbigħ ruħha b’nies bħal Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech fit-tmun.

Il-Malta tal-volontarjat hija l-Malta li rridu nħarsu u nimbuttaw ’il quddiem. Huma dawn in-nies – il-voluntiera – li joffru eżempju tajjeb ta’ x’inhi ċittadinanza tajba. Kuljum, dawn jagħtu l-ħin liberu tagħhom, u spiss anke flushom, għal dak li jemmnu fih. Kuljum, l-organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti minnhom joffru servizzi li kieku ma jeżistux.

Avviż Legali bla ebda konsultazzjoni

Fl-2007 is-settur tal-volontajat ingħata struttura xierqa bil-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Matul is-snin, bosta organizzazzjonijiet volontarji rreġistraw u bdew jippreżentaw rapporti regolari dwar id-dħul u l-ispejjeż tagħhom lill-Kummissarju.

Iżda dan  l-aħħar il-Gvern ta’ Robert Abela iddeċieda, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, li jibdel dawn ir-regoli b’avviż legali li se jeqred il-volontarjat minn pajjiżna. Ibda biex, permezz tal-Avviż Legali 371/2020, il-Gvern ta’ Robert Abela impona restrizzjonijiet ġodda u imprattikabbli fuq il-mod kif l-organizzazzjonijiet volontarji jiffinanzjaw lilhom infushom.

Huwa evidenti wkoll li dan l-attakk fuq l-għaqdiet volontarji ġej mill-isforz tal-Gvern li jgħaddi mill-iskrutinju tal-Moneyval. Bħal dak li qallu li pajjiżna jinsab fiex jinsab mal-Moneyval minħabba l-għaqdiet tal-festa u mhux minħabba l-klijenti u s-sidien li kien iservi Robert Abela qabel sar Prim Ministru

Skont dan l-Avviż Legali, l-organizzazzjonijiet volontarji ma jistgħux jiġbru donazzjonijiet mill-pubbliku kif dejjem għamlu. Biex għaqda, tkun liema tkun, tkun tista’ tagħmel ġabra, issa trid titlob permess speċjali lill-Kummissarju. Jekk jingħata, dan il-permess ikun validu għal sitt xhur biss.

L-għaqdiet issa huma obbligati wkoll jinformaw lill-Kummissarju bid-dati ta’ meta se jsir il-ġbir u għandhom jgħidulu isem u kunjom kull min se jkunu qed jiġbor f’isimhom. Il-Kummissarju ngħata wkoll l-awtorità li jitlob ċertifikat tal-Kondotta mill-Pulizija mingħand dawn il-persuni!

Trid tiġbor landa biex tkun tista’ tiġbor!

Jekk dan mhux biżżejjed, ir-restrizzjonijiet il-ġodda imposti mill-gvern ta’ Robert Abela jistipulaw li dawk l-għaqdiet li jixtiequ jiġbru l-flus f’postijiet pubbliċi huma obbligati jużaw laned speċjali pprovduti mill-Kummissarju! Jiġifieri qabel tibda tiġbor issa trid tmur iġbor il-laned tal-ġbir!

Dawn il-laned se jkunu ssiġillati minn persuni maħtura mill-Kummissarju. Wara li jiġbru l-flus, l-organizzazzjonijiet huma obbligati li jieħdu l-laned lura fl-Uffiċċju tal-Kummissarju. Hemmhekk, is-siġilli jinkisru u l-flus jingħaddu fil-preżenza ta’ uffiċjal pubbliku, li wkoll ikun maħtur mill-Kummissarju.

Każini tal-banda, għaqdiet tal-logħob tan-nar u dawk inkarigati mid-dekorazzjonijiet tal-festa spiss jaħdmu iebes biex jiġbru l-flus għall-festa lokali tagħhom. Huma jiġbru fondi prinċipalment billi jwasslu envelops fid-djar tan-nies, fejn id-donazzjonijiet jitpoġġew u wara jinġabru.

L-avviż legali jobbliga lil dawn l-organizzazzjonijiet jistampaw numri fuq kull envelop. Dawn l-envelops issa se jkunu jistgħu jinfetħu biss fil-preżenza ta’ professjonist li jkollu warrant, bħalma huma n-nutara u l-avukati. 

Dawn ir-restrizzjonijiet huma vot ta’ sfiduċja qawwi mill-Gvern ta’ Robert Abela fl-għaqdiet volontarji u fil-voluntiera kollha ta’ Malta u Għawdex. Huwa evidenti li l-Gvern mifni bi skandli multimiljunarji qed idawwar il-kanuni fuq eluf ta’ Maltin u Għawdxin li tassew jiġbru l-ftit mingħand il-ħafna biex irodduh lura f’ġid lis-soċjetà.

Dan kollu mhuwiex aċċettabbli f’demokrazija.

Tneħħa mill-Pulizija u twikka lill-għaqdiet

Biex tgħaxxaqha, il-persuna li l-Gvern ta’ Robert Abela għażel biex tgħasses lill-voluntiera mhi ħadd ħlief eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija li kellu jirriżenja mill-Korp tal-Pulizija wara stejjer ta’ għajb.

Huwa evidenti wkoll li dan l-attakk fuq l-għaqdiet volontarji ġej mill-isforz tal-Gvern li jgħaddi mill-iskrutinju tal-Moneyval. Bħal dak li qallu li pajjiżna jinsab fiex jinsab mal-Moneyval minħabba l-għaqdiet tal-festa u mhux minħabba l-klijenti u s-sidien li kien iservi Robert Abela qabel sar Prim Ministru.

Hija inġustizzja kbira li se jkunu l-organizzazzjonijiet volontarji li se jkollhom jagħmlu tajjeb għal dawk li abbużaw mill-poter bil-barka ta’ Robert Abela. Huwa skandlu fuq skandlu li l-prezz għall-ħażin li għamlu l-ħbieb ta’ Robert Abela se jkollu jħallsu min ħlief ġid m’għamilx. 

Waqt li hemm dubji serji dwar il-legalità ta' dawn l-impożizzjonijiet, hemm iċ-ċertezza li dawn se jagħmluha diffiċli immens għall-organizzazzjonijiet volontarji biex jiffunzjonaw. 

Dan m’għandux ikun. Il-kontribut tal-volontarjat lis-soċjetà Maltija huwa imprezzabbli u ħadd m’għandu jitħalla jkissru. Hija l-ħidma ta’ dawn in-nies, ta’ dawn l-għaqdiet, li ġġedded ta’ kuljum dak li hu tajjeb f’pajjiżna. Huma dawn in-nies li jagħmluna kburin li aħna Maltin.

Repubblika ser torganizza online seminar dwar dan is-suġġett nhar it-Tnejn 19 ta’ April 2021 fis-7:00pm. L-għaqdiet volontarji u l-voluntiera li jixtiequ jieħdu sehem fih huma mitluba jibgħatu email fl-indirizz: [email protected].

More in Politika