Stefan Zrinzo Azzopardi | Iż-żgħażagħ minn ta’ l-ewwel jibbenefikaw mill-Fondi Ewropej għall-2021-2027

Erasmus+ qed joffri opportunita lil miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej u anke oħrajn minn pajjiżi terzi jirċievu tagħlim u taħriġ ta’ l-ogħla kwalita f’ambjenti ta’ tagħlim kemm formali kif ukoll informali

L-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej (EUPA) għadha kemm ħabbret li nfetħu l-applikazzjonijiet għall-Programm il-ġdid ERASMUS+ imniedi mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Fondi għal dan il-programm ġejjin mill-allokazzjoni ġdida li rnexxielha takkwista Malta għas-snin 2021-2027, liema allokazzjoni hija waħda rekord u li tiżboq id-doppju ta’ dak li kisbet Malta fis-seba’ snin ta’ qabel.

Il-Programm Erasmus+ huwa l-programm tal-Unjoni Ewropea għall-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u li sport. Dawn huma oqsma li qed ikunu appoġġjati mill-Unjoni Ewropea bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej u partikolarment iż-żgħażagħ jiżviluppaw kemm personalment kif ukoll professjonalment.

Erasmus+ qed joffri opportunita lil miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej u anke oħrajn minn pajjiżi terzi jirċievu tagħlim u taħriġ ta’ l-ogħla kwalita f’ambjenti ta’ tagħlim kemm formali kif ukoll informali. L-għan ewlieni jkun li ż-żgħażagħ li jiffurmaw il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum ikollhom il-kwalifiċi u l-ħiliet meħtieġa ħalli jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ soċjeta demokratika u inklussiva ħalli meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu ppreparati sewwa.

Il-programm il-ġdid Erasmus+ qed ikompli jibni fuq is-suċċess tal-programm tas-seba’ snin ta’ qabel u qed isaħħaħ l-isforzi biex ikomplu jiżdiedu l-opportunitajiet għal aktar żgħażagħ u aktar organiżazzjonijiet biex jipparteċipaw f’dawn il-programmi. 

Erasmus+ iħeġġeg liż-żgħażagħ jaħtfu l-opportunitajiet biex jieħdu esperjenza ta’ tagħlim u taħrig barra pajjiżhom filwaqt li qed jisħaq fuq l-importanza li l-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ tal-lum jkunu jafu jitkellmu b’żewġ lingwi oħra barra ilsien twelidhom. 

L-elementi ewlenin tal-Erasmus+ jimmiraw li jilħqu l-għanijiet tal-programmi tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala l-European Education Area, id-Digital Education Action Plan 2021-2027, il-European Youth Strategy u l-European Union Workplan for Sport. 

Skont il-prijoritajiet tal-Kummissjon Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, il-programmi mfassla mill-pajjiżi individwali għandhom ikunu imħejjija b’mod li jagħtu importanza lill-ħarsien ambjentali. Kemm l-organiżazzjonijiet kif ukoll l-individwu li japplikaw għal fondi tal-Erasmus+ għandhom iżommu l-prijorita ambjentali fuq quddiem nett meta jfasslu l-proġetti tagħhhom għall-finazjament. 

L-istess jista’ jingħad għal proġetti konnessi mat-transiżżjoni għal ekonomija diġitali li qed timbotta ‘l quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Erasmus+ se jappoġġja u jiffaċilita proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bejn organiżazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u li sport bil-għan li ż-żgħażagħ jirċievu jiksbu l-aqwa taħriġ fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tagħhom. 

Huma bosta l-programmi li għalihom bdiet tirċievi l-applikazzjoni l-aġenzija Maltija responsabbli minn Erasmus+, il-EUPA. Hemm programmi dwar il-mobbilita taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni terzjarja u post-sekondarja. Hemm programmi dwar youth exchanges bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u programmi ta’ sħubija bejn Organiżazzjonijiet non-Governattivi (NGOs) Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

Fetħu wkoll applikazzjonijiet għal programmi ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-isport, dwar it-twaqqif ta’ Ċentri għat-Taħrig Vokazzjonali, programmi ta’ skambji għal għalliema u akkademiċi, twaqqif ta’ allejanzi għall-Innovazzjoni u anke għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tat-tmexxija taż-żgħażagħ.

Bla dubju, issa huwa l-mument, li ż-żgħażagħ flimkien mal-organiżazzjonijiet li jirrappreżentaw u dawk kollha li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, jaħtfu dawn l-opportunitajiet kbar li Erasmus+ qed jagħtihom biex inkomplu nkattru l-opportunitajiet li magħhom iġibu diversi kisbiet.

More in Politika