Saviour Balzan | In-nagħma

'L-ewwel waħda kienet l-istorja ta’ Lou Bondi, li wara li għamel snin jirremetti u jifflaġella fuq dawk kollha li kkritikaw il-PN f’daqqa waħda sar konsulent tal-Gvern ta’ Muscat' - Saviour Balzan

In-nagħma
In-nagħma

Nista' nifhem u nista' ma nifhimx.

Xi snin ilu kien hemm skandlu jew tnejn fil-futbol. L-iskandlu fil-Juventus, fejn kien hemm rabja kbira fost il- partitarji u s-supporters tat-tim. Kien hemm tlett kategoriji ta’ partitarji: dawk li deffsu rashom fir-ramel u argumentaw kontra min kien qed jikxef il-korruzzjoni.
It-tieni kategorija hija ta' nies li baqgħu leali u qalu li hemm bżonn li jsiru l-bidliet kollha biex it-tim jerġa' jirbaħ ġieħu u t-tielet kategorija ta' nies li tant kienu diżgustati li ddeċidew li jaħarbu u ma jkunux jafu aktar dwar il-futbol u l-Juventus.

U fil-politika l-istess.

U qed ngħid għall-Partit Laburista.

Lil hinn mill-argumenti ideoloġiċi, hemm l-element storiku għalfejn persuni huma Nazzjonalisti jew Laburisti, Demokratiċi jew Repubblikani … u ma tistax taħrab mill-fatt li l-politika hija simili ħafna għal-futbol.  Intriċċi, tribaliżmu u territorju.

Imma dan ma jfissirx li meta jsir żball nippruvaw mmewtuh, u ngħattuh bi ftit weraq, u mingħalina għadda kollox.

Ma għaddiex kollox!

L-ewwel żbalji dejjem ngħid kellhom jiftħulna għajnejna. Imma għax konna kuntenti jew maħsudin bid-daqs tar-rebħa tal-Labour fl-2013 ma tajnix każ.

Vera rrapurtajna kollox imma ma fhimna assolutament xejn. Ma konniex għorrief biżżejjed biex nifhmu x’qed jiġri fil-moħħ ta’ min kien qed imexxi.

L-ewwel waħda kienet l-istorja ta’ Lou Bondi, li wara li għamel snin jirremetti u jifflaġella fuq dawk kollha li kkritikaw il-PN f’daqqa waħda sar konsulent tal-Gvern ta’ Muscat,  ġranet wara li l-Labour telgħa fil-Gvern.

Kienet mossa żgur li ma kelliex għalfejn iseħħ. Ħadd ma kien qed jistenna li Bondi jingħata kuntratt bħal dan.
Imbagħad kien hemm il-każ tal-Kafè Premier fil-Belt Valletta. Fejn kumpanija ta’ żewġ persuni li kienu magħrufin u li ċertament ma kellhom l-ebda rabta mal-Labour (anzi) spiċċaw b’dejn ta’ €5 miljuni mal-banek privati u mhux f’pożizzjoni li joperaw.  U bla spjegazzjoni daħal il-Gvern - permezz ta’ kastilja ‘and you know who’ - biex jitħallas id-dejn tagħhom.

Spjegazzjonijiet għalfejn ġara dan kollu u li ngħata dakinhar, kienu fjakki għall-aħħar!

Il-mistoqsijiet li jiġuna f’moħħna u li nistgħu nagħmlu, b’dak li qed nisimgħu b’Cheng Chen u Konrad Mizzi, u Keith Schembri u Yorgen Fenech huwa ovvju.

Li Joseph Muscat dejjem qisu ma jaf xejn u qisu ma jafx’qed jiġri, hija l-iskuża ta’ dawk li jridu jagħmlu bħan-Nagħma.
Il-ħuta minn rasha tinten.

Jien għalissa jista' jkun li nibqa' nżomm mal-Juventus, imma jien mhux ser ngħid li ma kienx hemm korruzzjoni u li ma rridux nieħdu azzjoni.

Bħan-Nagħma ma rridx nagħmel!  Żgur!

 

More in Politika