Editorjal | Covid: F'salib it-toroq mill-ġdid

Xi kultant naħsbu li hawn Malta, dak li ġara barra minn pajjiżna ma jistax jiġri hawn.  Pero' jista' u huwa għalhekk li ninsabu f'mument kruċjali ieħor li jeħtieġ kawtela u deċiżjonijiet mnebbħin mill-għaqal, mhux skont it-twerżiq ta' nies li forsi ħobżhom maħbuż, fuq il-midja soċjali. Wasal mument ieħor li fih jeħtieġ insibu bilanċ

Minkejja li dawn l-aħħar ġimagħtejn kienu ddominati mill-każ li jitratta lil Keith Schembri, persuni mill-Allied Newspapers u oħrajn minn Nexia BT u minkejja li dan is-suġġett okkupa l-maġġoranza tal-ispazju fuq il-gazzetti u l-portals - kif inhu xieraq - in-nies barra l-Kmamar tal-Aħbarijiet u lilhinn miċ-ċrieki ta' nies iffissati bil-politika, għadhom inkwetati u inkwetati bil-kbir fuq kwistjoni waħda:  Il-pandemija u l-effett li qed ikollha fuq is-saħħa - fiżika u mentali - kif ukoll fuq l-ekonomija. 

Kif qal mal-gazzetta ILLUM is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja (Ara paġni 6 u 7) bħalissa hawn min verament qed ibati.  Mhux ċajta tara n-negozju tiegħek, li ħdimt tant għalih jitbiel u jitkisser - minkejja l-għajnuna kbira u fejjieda tal-Gvern bħas-Suppliment tal-Paga, roħs fil-kontijiet għan-negozji, għajnuna fil-kirjiet u anke l-ħruġ tal-vouchers.  Mhux ċajta li persuna issa ilha sena b'impjieg imdendel, tibża' tfittex impjieg ieħor għax xogħol ma tantx hawn.  Mhux faċli tara lill-pajjiż jżid fid-defiċit b'mod qawwi, filwaqt li d-dħul ikompli jkun daqstant nieqes. 

Xi kultant naħsbu li hawn Malta, dak li ġara barra minn pajjiżna ma jistax jiġri hawn.  Pero' jista' u huwa għalhekk li ninsabu f'mument kruċjali ieħor li jeħtieġ kawtela u deċiżjonijiet mnebbħin mill-għaqal, mhux skont it-twerżiq ta' nies li forsi ħobżhom maħbuż, fuq il-midja soċjali. Wasal mument ieħor li fih jeħtieġ insibu bilanċ. 

Il-gazzetta ILLUM irrappurtat fuq il-faċċata tagħha kif il-ftuħ mill-ġdid tan-negozji se jsir bil-mod il-mod, fuq medda ta' madwar tlieta u erba' ġimgħat.  Jiġifieri fit-12 ta' April mhux se jkun hemm estensjoni assoluta, imma lanqas se mmorru lura għal xi forma ta' normalità.  U dan jagħmel sens, inkella jasal it-12 ta' April u nerġgħu nitilfu l-kontroll u jekk nitilfu l-kontroll issa - nitilfu s-sajf.  Dan ikun diżastru bla preċedent għal Malta, primarjament għal eluf ta' negozjanti żgħar u anke medji, ħafna drabi immexxjin minn familji onesti u bieżla. Jiġri x'jiġri - u nittamaw li ma jiġri xejn aktar li ma konniex qed nistennew - huwa importanti li f'Mejju naqbdu vera mexjin lura lejn xi forma ta' normalità ħalli pajjiżna ma jaqax lura. 

Naturalment kif qalulna s-sorsi tagħna s-sitwazzjoni għadha fluwida ħafna u wieħed ma jistax ħlief ikun realistiku.  Huwa importanti ħafna iżda illi din il-ġimgħa l-Ministru Clayton Bartolo ħabbar l-ewwel dettalji ta' kif Malta se tipprova tattira xi forma ta' turiżmu aktar tard din is-sena.  Anke hawn - mhux it-twerżiq fuq Facebook importanti - imma li jkollna pjan ċar. 

L-ewwelnett din il-gazzetta taqbel mal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba:  Iċ-ċertifikzzjoni u t-testijiet tal-Covid-19 għandhom isiru qabel persuna taqbad l-ajruplan biex tiġi lejn Malta mhux meta tasal.  Ħadd mhux se joqgħod kwarantina, ladarba wasal hawn!   

Din il-gazzetta taqbel ukoll li d-Digital Green Pass għandu jkun għodda li nużaw mhux biss meta nsiefru imma wkoll għal aċċess ta' postijiet ta' divertiment f'Malta.  Nifhmu li din toffri sfida legali wkoll, hekk kif xi wħud jirrifjutaw li jieħdu l-vaċċin jew saħansitra ma jistgħux - għalhekk dan iċ-ċertifikat għandu jkun qed jopera ma' sistema effiċjenti ta' rapid testing għal dawk kollha li jkunu se jiffrekwentaw postijiet ta' divertiment jew inkella xi kunċert, anke jekk żgħir u bir-restrizzjonijiet neċessarji.  B'hekk, jekk ma jkollokx dan iċ-ċertifikat, biex tidħol f'ċerti postijiet jew tattendi attivitajiet ikun jeħtieġ li tieħu test normali jew inkella rapid test. 

Nemmnu - u nifhmu li l-Gvern hekk se jagħmel - illi l-vouchers jintbagħtu biss, meta jkunu miftuħin in-negozji kollha - inkluż bars u clubs - anke jekk b'restrizzjonijiet. 

Huwa pożittiv li pajjiżna għaddej b'diskussjonijiet ma' diversi linji tal-ajru, biex jinfetħu mill-ġdid rotot jew jinfetħu rotot ġodda - infakkru li mingħajr rotot tajbin li jgħaqdu lil Malta ma' destinazzjonijiet kruċjali, l-ajruport ma jistax ikun effettiv u t-turiżmu jbati.

Naturalment, xejn ma jfisser li għandna garanzija li n-nurmi mhux se jerġgħu jiżdiedu xi ftit.  Din mediċina, xejn mhu 100% garantit fil-mediċina, kif fil-fatt l-ebda vaċċin li jeżsiti sal-lum ma huwa 100% effettiv - la l-vaċċin tal-Covid-19 u lanqas kontra mard ieħor.  Għalhekk l-aqwa għodda se tibqa' li kemm jista' jkun ikunu vvaċinati nies. 

Ilbieraħ rapporti fuq il-midja qalu illi sa madwar is-7 ta' Ġunju li ġej kulħadd ikun ħa l-ewwel doża tal-vaċċin, li jkun ifisser allura li f'Awwissu - sakemm ma jinbidel xejn u ma jkunx hemm xi varjanti ġodda li jheddu kollox - inkunu ersaqna sew lejn xi forma ta' normalità.  

Imma l-esperjenza urietna li f'dan il-każ wieħed jeħtieġ jistenna qabel jaqtagħha.  Li hu żgur huwa li ftit doża ta' kuraġġ il-poplu għandu bżonnha bħalissa. 

Vera t-tazza għadha vojta, imma qed timtela' wkoll.  Ejja ngħinu biex fejn possibbli, filwaqt li nibqgħu realistiċi, nagħtu tama.  Hawn ħafna nies qed ibatu mentalment u ma nkunux qed nagħmlu ħażin li nużaw kliemna, il-poter tal-pinna (fil-każ tal-midja) jew l-ispazji mislufa lilna fuq il-midja soċjali - biex inqawwu qalb il-poplu, minflok naqtgħuh! 

Żbalji saru, paroli fil-vojt dwar mewġ intqal ... issa nittamaw li kulħadd itgħallem u din id-darba l-affarijiet isiru sew mill-ewwel, ħalli jekk Alla jrid niftħu u ma nerġgħux ngħalqu!

More in Politika