Editorjal | Ir-reputazzjoni kollox ... M'għandniex lilha, m'għandna xejn!

Mela kelma ta' twissija lill-politiċi l-ewwelnett. Pajjiżna mhuwiex fonti li fih intom titħanżru, titħammġu u li minnu tisirqu.  Dak li tagħmlu hawn Malta, jasal ma' kull rokna tad-dinja. Ikollkhom imqar farka diċenza! Farka irġulija! Farka prinċipju!

Ir-reputazzjoni hija kollox u titqarqux!  Ir-reputazzjoni tiddetermina kemm se jkollok xogħol u flus fil-but.  It-tnejn li huma mhumiex separati, imma ħaġa waħda. 

Ħarsu lejn il-Borża.  Kumpaniji li jkunu qed jiffaċċjaw skandli, kritika qawwija fuq is-servizz jew korruzzjoni kważi dejjem jaraw il-prezz tal-ishma tagħhom jieħdu daqqa anke jekk temporanjament.  Dik hija l-liġi "tan-natura umana".  Ħadd ma jrid jidher, jassoċja ruħu jew jiċċappas ma' kumpanija li fuqha hemm dellijiet serji.  Rajniha tiġri hawn Malta fl-2019!  Meta Yorgen Fenech kien arrestat u akkużat illi huwa l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - akkuża li jiċħad għax qal lill-pulizija li l-mandant huwa Keith Schembri - l-ishma tal-kumpanija li fiha kien direttur ħadu daqqa kbira 'l isfel għal xi żmien.  Ħadd ma xxokkja ruħu jew baqa' skantat, għax dik hija l-liġi tan-natura umana - dik hija l-liġi naturali tar-reputazzjoni. 

Pajjiż l-istess jopera.  Pajjiż ikollu x-xogħol, imur fih l-investiment u allura jkun hemm il-flus fil-but għax ikun joffri ambjent li jinkoraġġixxi it-tkabbir u għax ikollu reputazzjoni tajba.  Ir-reputazzjoni kollox, anke f'sempliċi każ ta' ristorant.  Illum tara lil kulħadd ifittex fuq apps bħal tripadviser, per eżempju, biex jara x'inhi r-reputazzjoni ta' dak ir-ristorant fost dawk li marru, qabel jiddeċiedi jmurx jew le.  Illum kulħadd ifittex ir-reputazzjoni ta' pajjiż mat-turisti qabel iżuru, biex jara x'inhi r-reputazzjoni ta' dak il-pajjiż vis-a-vis it-turist u s-servizz mogħti. 

U l-istess l-investitur. 

Ħadd mhu obbligat lejna!  Ħadd mhu se jiġi jinvesti hawn għax ta' bilfors, biex jagħmlilna xi pjaċir jew għax aħna ċ-ċentru tad-dinja.  Aħna m'aħniex iċ-ċentru tad-dinja - la qatt konna u qatt mhu ħa nkunu. Aħna niddependu mir-riżosra tagħna, mill-kapaċitajiet tagħna, mil-leġiżlazzjoni tagħna li tagħmilna kompettitivi u finalment niddependu mir-reputazzjoni - biex nikbru, nistagħnew u nissaħħu.

Kif irridu li pajjiżna jidher quddiem investitur?  Meta jisimgħu 'Malta' x'inhuma l-affarijiet li rridu illi jiġi quddiem għajnejn l-investitur?  Irriduhom jaħsbu - pajjiż kompettitiv, b'saħħtu, nadif, ta' opportunitajiet?  jew irriduhom jaħsbu pajjiż korrott, nepotista u maħmuġ? 

Ilbieraħ l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-industrija tal-iGaming xegħlet bozza ħamra u avżat li saret ħsara kbira lill-industrija, ħsara li jeħtieġ tkun irranġata - u li bil-passi li ħa l-Gvern ta' Robert Abela dan l-editorjal jemmen li bdiet tkun irranġata. 

Imma ejja ma nieħdu xejn for granted!  Għax jekk allaħaresqatt jibdew jaħsbuha darbtejn il-kumpaniji qabel jiġu pajjiżna, mhux biss nipperikolaw isimna - imma nipperikolaw l-għixien, l-impjiegi, l-ekonomija u l-finanzi tagħna u ħadd mhu se jiġi jsalvana imbagħad!  Kull sold li jagħtuna, ikollna nagħtuh lura kif kellha tagħmel il-Greċja! 

Mela kelma ta' twissija lill-politiċi l-ewwelnett. Pajjiżna mhuwiex fonti li fih intom titħanżru, titħammġu u li minnu tisirqu.  Dak li tagħmlu hawn Malta, jasal ma' kull rokna tad-dinja.  Ikollkhom imqar farka diċenza! Farka irġulija! Farka prinċipju!

It-tieni, lill-forzi tal-ordni:  Kunu bla ħniena ma' min qatel lil Daphne Caruana Galizia u kull min iffaċilità b'mod dirett dan il-qtil.  Hemm bżonn messaġġ storiku, li jinkiteb fil-kotba tal-istorja - messaġġ bla ħniena kontra t-tradituri kriminali li niżżlu isem dan il-pajjiż fil-ħama. 

Lill-Partit Laburista:  Il-poplu u l-Laburist ġenwin, onest u leali ħaqqu aħjar minn hekk.  Huwa ta' sodisfazzjon li l-PM Robert Abela qed inaddaf u jirranġa fejn kien hemm bżonn, anke jekk ċerti deċiżjonijiet, diversi Laburisti ma fehemuhomx jew dejquhom.  Infakkru li huwa s-sewwa li se jirbaħ fl-aħħar tal-jum, mhux il-politika mnawwra u skaduta u tribalistika li jagħmlu x'jagħmlu "in-nies tagħna" jibqgħu f'posthom - qishom allat! 

Lill-Partit Nazzjonalista: Tajjeb li niddiskutu dak li qed jiġri f'Malta fil-fora Ewropej, imma ejja nkunu ġusti.  Ejja nirriflettu mhux biss il-ħażin u l-oxxen - imma dawk il-passi kollha tajbin li saru fl-aħħar snin, speċjament fl-aħħar sena!  Ir-riformi fil-ġudikatura, fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fl-Ombudsman, fil-Korp tal-Pulizija, liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Whistleblowers' Act u diversi oħrajn. 

Mhux qed nippretendu li toħorġu tgħidu "Viva Robert!" imma kunu ġusti.  Għax il-ħsara li ssir illum jekk ma nkunux ġusti ma' pajjiżna, irridu nħallsu għaliha għada, meta forsi jkun fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista. 

U finalment, lin-negozji l-kbar:  Stick to business - ħallu l-politika għall-politiċi, titħammġux u tarawx kbir - ikun jaqbel għalikhom, għal Malta u għar-reputazzjoni tagħkom u tagħna lkoll!

More in Politika