Peppi Azzopardi | 'In-nies terġa' tagħżel lil Joseph Muscat'

'Kieku Joseph Muscat ma rreżenjax u kieku l-elezzjoni isir issa, Muscat jerġa' jirbaħ bil-kbir' imma għaliex?

Kieku Joseph Muscat ma rreżenjax u kieku l-elezzjoni isir issa, Muscat jerġa' jirbaħ bil-kbir.

Se nittanta ngħid għaliex.

Ejja ngħidu li se tixtri karozza.

Tagħmel ġranet jew sigħat tiġri fuq l-Internet u f’showrooms biex tagħżel.

Jekk dejjem xtrajt karozza ta' ditta, diffiċli taqleb għal ditta oħra.

Imbagħad wara ħafna ħsieb tagħżel.

U tixtri l-karozza. Ta’ ditta oħra.

Tgħid ma’ kulħadd li din hija l-aqwa karozza li hawn fis-suq. L-aktar ekonomika. L-aktar komda.

Wara ġimgħa li l-karozza l-ġdida tkun ilha għandek , tqum filgħodu u ma tistartjax.

Iċċempel ix-xoghol li se tasal tard imma ma tgħidilhomx li l-karozza l-ġdida tiegħek ma startjatx. Taqbad taxi.

Ftit jiem wara tibda tagħmel ħoss ikrah.

Bil-moħbi tieħu l-karozza għand l-aġent u tinsisti miegħu li jsewwuha malajr għax għandek bżonnha.

Ma tridx li tal-familja u sħabek jindunaw li l-karozza ġdida li xtrajt qed tagħtik it-trouble.

F’qalbek tibda tixtieq li xtrajt karozza tad-ditta li dejjem emmint fiha. Imma biex ma taqgħax għan-nejk tibda tgħid “u dawn il-karozzi mhux kollha xorta, mhux kollha jiġu bit-trouble”. U minkejja li tħossok tradut mill-aġent tal-karozza li xtrajt, xorta miegħek innifsek u man-nies tibqa' tiddefendiha.

Għax fil-fatt inti ma tkunx qed tiddefendi l-karozza imma l-għażla li għamilt inti. Ma tkunx qed tiddefendi id-ditta imma lilek innifsek. Biex ma taqax għan-nejk. Miegħek. U mal-kumplament.

Hekk ġara meta minkejja l-korruzzjoni ċara li kien hemm fl-ewwel erba' snin ta’ Gvern Laburista, il-maġġoranza tan-nies xorta vvutaw Labour. Mhux għax riedu jiddefendu l-korruzzjoni tal-Labour, imma għax riedu jiddefendu l-għażla li għamlu. U jekk kienu telqu mill-PN iktar u iktar riedu juru li dik kienet u għadha deċiżjoni ta’ għazla tajba.

Imbagħad meta aktar nies jibdew jgħidu li bl-istess għamla tal-karozza li xtrajt inti għandhom biss trouble jibdew jagħmlu kurraġġ b'xulxin u f’daqqa waħda jibdew jeħduha kontra l-karozza u jinsistu li huma kienu traduti

Imbagħad b’mod brutali u oxxen, għax kienet se tkompli tikxifhom, inqatlet Daphne.

Ix-xhieda dwar il-qtil brutali u insensat tagħha qed jibda jisfida l-għażla tan-nies favur il-Labour. U bil-mod in-nies li kienu mxew lejn il-Labour qed jagħmlu l-kuraġġ b’xulxin. “Mhux it-tort tagħna li għażilna ħażin imma tradewna”

Sa issa din l-ammissjoni kolletiva għadha ma ġratx

Imma se tiġri.  M’iniex ċert meta, imma ċert li se tiġri

U meta tiġri l-Labour se jibda jitlef il-voti minn kullimkien. U dan ma jkunx tort ta’ Robert Abela

Veru li kien konsulent tal-Gvern u ma nistax nifhem kif ma ntebaħx jew żamm sieket dwar l-oxxenitajiet li kienu qed jiġru.

Imma veru wkoll li Robert Abela bħala Priministru ħa deċiżjonijiet iebsin li wrew biċ-ċar li bil-fatti jrid jibda ir-rivoluzzjoni għas-sewwa li għandu bżonn dan il-pajjiż.

Pero.

Robert Abela jrid ikun iżjed assertiv. F’għemilu. Sitwazzjoni estrema titlob miżuri estremi.

U meta se jasal iż-żmien li n-nies tirrealizza il-ħsara li saret lilhom u lill-uliedhom, lil min se tivvota?

Skont x'se jagħmel Robert u skont x’se jagħmel Bernard.

Apposta qed ngħidilhom b’isimhom. Għax l-għażla mhix fit-titli u n-nejk li t-titli jġibu magħhom.

More in Politika