Editorjal | Pass għall-ġustizzja, daqqa għall-midja indipendenti u l-krettu fejn mistħoqq

Min żbalja ħa jieħu li ħaqqu. Minn daħak bin-nies, ħa jitniżżel fil-kotba tal-istorja kif verament ħaqqu.  Pero' wara li nkunu smajna dan kollu, hemm bżonn kbir li nimxu 'l quddiem u naċċertaw li ma nħarsu lura qatt aktar

L-arresti li saru s-Sibt huma bla dubju pass 'l quddiem għall-ġustizzja u għall-aċċertazzjoni tal-buon ordni fil-pajjiż.  Ikun x'ikun l-eżitu tal-proċeduri li issa jridu jibdew fil-Qrati tal-Ġustizzja, dak tal-bieraħ huwa sinjal ċar illi l-istituzzjonijiet ta' dan il-pajjiż qed jiffunzjonaw u li l-ebda ħadd, l-anqas min jaħseb li huwa 'l fuq minn kulħadd, mhu ikbar mill-forza tal-liġi.

Naturalment iżda filwaqt li ninnutaw b'sodisfazzjon li dak li ħadd qatt ma ħaseb li jista' jiġri (l-arrest ta' Schembri) ġara u filwaqt li wieħed jeħtieġ jistenna l-proċess jieħu t-triq tiegħu, tajjeb nisiltu xi konklużjonijiet minn dak li seħħ f'dawn il-jiem. 

L-ewwel u qabel kollox:  Il-Gvern mhux qiegħed hemm biex xi ħadd jagħmel negozju minnu.  Il-Gvern huwa ta' min eleġġieh u jmexxi l-Gvern il-persuna eletta, mhux xi forza kbira minn wara li mhi kontabbli lejn ħadd.  Il-Prim Ministru huwa dejjem ikbar minn kwalunkwe Chief of Staff tiegħu. Għalhekk ngħidulu Prim Ministru għax huwa l-ogħla persuna fl-Eżekuttiv. 

It-tieni:  Il-politika u n-negozju huma ħbieb, mhux miżżewġin.  Il-mument li l-interess nazzjonali jibda jorqod mal-interess tal-but ta' xi individwi jkollna kollass tal-bilanċ politiku, tat-trasparenza, meritokrazija u governanza.  Għax dawn ma jistgħux jeżistu fejn hemm l-interess li xi ħadd jistagħna minn fuq il-pożizzjoni tiegħu u fejn hemm l-interess tal-flus, l-ewwel u qabel kollox.  

It-tielet:  Iż-żejt dejjem jitla' f'wiċċ l-ilma. Inutli nfetħu l-kumpaniji fil-Panama għax inkixfu.  B'ċikka veru, imma inkixfu.  Kif inkixfet ta' min hija 17 Black, kif inkixfet email tan-Nexia BT ta' Karl Cini, kif inkixfu l-flus li daħlu f'17 Black, kif diġà inkixfu ħemel ta' fatti u informazzjoni dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, kif inkixfu allegati flus bejn Schembri u Hillman.  Huwa ta' xejn li taħbi, tigdeb jew agħar minn hekk tabbuża mill-intelliġenza ta' votanti leali lejn il-Partit Laburista, kif għamel Keith Schembri din il-ġimgħa. 

Infakkrukhom:  Joseph Muscat - l-aktar Prim Ministru popolari mill-gwerra, bl-akbar rebħiet fl-istorja politika, niżel għax niżlu Keith Schembri, l-ewwel u qabel kollox.  Niżel għax il-ħabib tal-qalb ta' Keith Schembri - dieħel u ħiereġ Kastilja - huwa l-akkużat ewlieni f'assassinju ta' ġurnalista. Għalhekk irreżenja Muscat!  Mhux minħabba "l-establishment". 

It-tielet:  Wieħed ma jistax ma jinnotax illi ġew akkużati persuni li kienu jmexxu grupp li jippubblika The Times u The Sunday Times.  Apparti li din hija daqqa kbira lil dik il-kumpanijna per se, din hija wkoll daqqa kbira lill-kredibilità tal-midja indipendenti.  Lilna wkoll. 

Inti ma tistax titla' fuq il-pulpti tgħallem u tippontifika u fl-istess ħin, tkun qed tagħmel eżatt l-oppost ta' dak li qed tikteb u tagħmel.  Ma tistax titkellem fuq il-governanza daqslikieku l-governanza u t-trasparenza jgħoddu għall-Partit Laburista biss jew għall-partiti biss u inti allegatament tkun qiegħed tagħmel l-istess bil-poter żgħir li għandek fil-kumpanija li qed tmexxi. 

Żbalji kulħadd jagħmilhom.  Jiżloq xi ftit kulħadd.  Mument ta' ġudizzju ħażin kulħadd ikollu.  Imma ma tistax iżżomm f'idejk it-torċa tal-korretezza, jekk mhux talli m'intix korrett, talli inti malizzjuż. 

Il-Midja għandha problema kbira li ħadd mhu qed jitkellem dwarha.  Li ħadd mhu qed jaħseb biżżejjed dwar is-soluzzjonijiet għaliha.  Il-problema kbira tal-ġurnaliżmu la hija l-ONE, la hija n-Net u għalkemm l-assassinju ta' ġurnalista kien daqqa kbira għall-midja u għall-pajjiż, xorta mhijiex l-akbar problema.  L-akbar problema huma l-flus.  Il-flus biex tippubblika, biex tħallas lill-ġurnalisti u edituri u biex topera.  Ħarsu lejn il-ġurnali - jekk tgħodd sitt riklami fl-erba' ġurnali ta' kuljum f'daqqa, tkun tgħodd ħafna jew tkun viċin!

Ħafna gazzetti jiddependu b'mod qawwi jew sostanzjali fuq il-Gvern biex joperaw, speċjalment bħalissa li l-privat huwa xott mill-flus.  Allura ma kienx ovvju li xi darba se jiġi xi ħadd mill-Gvern li juża dan il-fatt biex jinfluwenza lill-midja favurih jew favur il-Gvern?  Kemm ħsibna li se ndumu niddependu fuq l-onestà qabel jiġri dak li allegatament ġara?

Ir-raba':  Għandna bżonn ngħalqu dan il-kapitlu darba għal dejjem.  L-affarijiet mexjin u ejja nagħtu krettu fejn mistħoqq.  Kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, l-affarijiet mxew ħafna 'l quddiem u sar progress lejn il-kisba tal-ġustizzja.  Issa jekk xi ħadd tant hu politikament għami u tant għandu aġenda anti-Laburista li lanqas din ma jrid jaċċetta, dik hija problema tiegħu!  Ir-roti tal-ġustizzja llum qed iduru ħafna iktar minn qatt qabel fuq diversi każi.  Huwa fl-interess tal-pajjiż, tagħna lkoll, pero' anke tal-Prim Ministru nnifsu li ngħalqu dan il-kapitlu. 

Pero' ma nistgħux ma nagħtux krettu lill-midja indipendenti wkoll li sfat attakkata u mgħajjra meta kienet qed tikxef u tikkritika ċerta fatti li bdew ħerġin.  U anke hawn irridu insellmu lil ċerti  politiċi li ma ddejqux jitkellmu u jikxfu - anke għal prezz taż-żebliħ, tgħajjir u vendikazzjonijiet. 

U l-akbar krettu, lejn min ħallas l-akbar prezz qares:  Daphne Caruana Galizia, li kuljum qed jidher aktar ċar li inqatlet għax kienet se tikxef il-ħmieġ.  Inqatlet biex min tħammeġ, ma jinkixifx. Imma kif għidna diġà ż-żejt dejjem fil-wiċċ jitla'.  

Min żbalja ħa jieħu li ħaqqu. Minn daħak bin-nies, ħa jitniżżel fil-kotba tal-istorja kif verament ħaqqu.  Pero' wara li nkunu smajna dan kollu, hemm bżonn kbir li nimxu 'l quddiem u naċċertaw li ma nħarsu lura qatt aktar. 

Jekk nitgħallmu mill-preżent, ma nirrepetux l-iżbalji fil-futur.

More in Politika