Saviour Balzan | ... U l-froġa fit-Times

'Insomma, li naf hu li wara din l-istorja it-Times għandhom jaraw x’ser jagħmlu.  Jekk iridu jkomplu jipprietkaw l-aħjar ħaġa jmorru jipprietkaw bejniethom'

Adrian Hillman
Adrian Hillman

Ieqfu minuta.  

Mur ara li kieku ġrat lilna din.  

Immaġinaw għal minuta li kieku din l-istorja tat-Times kienet għal MaltaToday jew xi gazzetta oħra.  Mur ara.  
Kemm kien jippoppa sidru dak l-eżaltat Manuel Delia u jippontifika fuq x’inhu sew jew mhux sew.  Ara meta kien jiddandan ma’ George Fenech, missier Yorgen u l-avukat Georg Sapiano u Adrian Delia, ma kienx jara d-dlam li qed jara llum.

Imma ejja mmorru għas-suġġett tat-Times.  

Din il-gazzetta ilha snin tipprietka kif għandna ngħixu u x’għandna nagħmlu.  U issa dawk li kienu diretturi tat-Times spiċċaw biex ser jitressqu fuq każ ta korruzzjoni, kif ukoll miżappropjazzjoni ta’ fondi tal-Malta Enterprise.

Mhux ċajt tafux; frodi u korruzzjoni!

Mur ara kieku jien spiċċajt bħalhom! 

Ajma, kemm konna nisimghu biki u theżżiż ta’ snien.

It-tajba li dak l-oraklu, l-eks Imħallef Giovanni Bonello, li huwa ċ-Chairman ta' Strickland Foundation kien ġie mqabbad mit-Times biex jara il-kif u l-come ta' dak li Adrian Hilman ħexa meta Keith Schembri bnielhom l-istamperija.  U alla jbierek dan ir-rapport baqa' sigriet u mistur.  Iva, mistur!

Għax Alla jbierek rapport tal-Gvern jew xi inkjesta maġisterjali,  it-Times tridha fuq il-bank tal-editur imma rapport intern fuq il-ħaxi tagħhom, dak le, dak irid jibqa' msakkar f’xi sejf.

Jien ma nafx kif ċerti nies ma jistħux.

Issa biex l-affarijiet ikun ċari, hawnhekk qed nitkellmu fuq it-Times, kumpanija mmexxija minn dinosawri li mhux biss bnew stamperija u premises ġodda imma rnexxielhom iniżżlu lill-kumpanija fil-qiegħ nett u wara sitt snin kellhom jgħalqu l-istamperija.  

Matul dawn l-aħħar snin meta taqra l-editorjali taħseb li qed jitkellem Abraham minn fuq l-għolja, u li għat-Times kulħadd midneb, ħlief huma -  li jaraw lil kulħadd dubbien u kretini. U ħalli għalihom ipinġu lil Malta qisha l-agħar post fid-dinja.

Giovanni Bonello aktarx kien jaf aktar fir-rapport li għamel u kieku kien jaf aktar messu qabad u għadda l-informazzjoni lill-pulizija.  Bħal ma tagħmel il-Knisja meta taqbad xi qassis li ġie ippruvat li dahar għal xi tifel.

Din l-istorja ma waqfitx hawn, għax Mario De Marco li huwa membru tal-Istrickland Foundation ukoll għandu x’ jirrispondi.  Sa fejn naf jien, xi darba kien avukat ta’ Keith Schembri, u fi żmien meta t-Times kienu irċevew €1.7 miljun bħala ‘investment aid’ għall-istamperija hu kien l-avukat tal-Malta Enterprise u Viċi Kap tal-PN.  Dan li ddikjara iktar minn nofs miljun ewro fi qliegħ kien jaqla €70,000 fis-sena mill-Malta Enterprise.

Jien mhux qed ngħid li għaffeġ hu, imma responsabbilità politika hemm tibqa' u li kont Demarco, kont nirriżenja.  

Insomma, li naf hu li wara din l-istorja it-Times għandhom jaraw x’ser jagħmlu.  Jekk iridu jkomplu jipprietkaw l-aħjar ħaġa jmorru jipprietkaw bejniethom.  Ifittxu mera kbira u jħarsu waħda sew lejha u jistaqsu lilhom nfsuhom xi tfisser il-frazi li "biex tiskonġra trid tkun pur."

Forsi jekk jistaqsu wieħed mill-kontributuri tagħhom, bħal Manuel Delia - jkun jista' jispjegalhom it-tifsira ta' din il-frażi, aħjar ukoll.

KJARIFIKA: De Marco ċċara li Guido de Marco & Associates hija biss waħda minn numru ta’ ditti legali li joffru servizzi legali lil Malta Enterprise. "Dan minbarra il-fatt ukoll li Malta Enterprise għandha dipartiment legali in-house."

De Marci ċċara wkoll li d-ditta qatt ma intalbet tagħti parir mill-Malta Enterprise fuq xi materja li kienet tikkoncerna b’xi mod lil Allied Group. "Inżid ngħid li jien personalment waqaft nippratika ta avukat bejn l-2008 u l-2013, iż-żmien li fih jien kont niforma parti mill-Kabinett tal-Gvern. Il-każ li fuqu hija ibbażata l-istorja seħħ, madwar l-2010,  propju f’dan il-perjodu li jiena waqaft nippratika ta’ avukat."

More in Politika