Stefan Zrinzo Azzopardi | Flimkien negħlbu l-pandemija

'Huwa kollu kliem fieragħ dak li qed jingħad mill-Oppożizzjoni fuq x’intqal u x’ma ntqalx mill-Gvern sena ilu. Dakinhar ftit kienu bassru kif ħa tiżviluppa din il-marda'

Il-Ħamis 11 ta’ Marzu kien għeluq is-sena minn meta l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa iddikjarat l-imxija tal-Coronavirus bħala Pandemija. Dan ifisser marda li kellha l-potenzjal li tinfirex mad-dinja kollha bil-konsegwenzi kollha li din setgħet iġġib magħha.

Hemm min ikkritika lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li kienet damet ma ħabbret dan. Dan seta’ wassal biex il-marda laħqet infirxet qabel mal-Gvernijiet bdew jieħdu miżuri li suppost kellhom jieħdu f’ċirkustanzi ta’ mard li kien qed jinfirex b’rata għolja.

Wieħed ftit jista’ jagħti tort lill-WHO għal dak li għamlet dakinhar. L-istudji xjentifiċi li bdew isru  hekk kif feġġew l-ewwel sinjali tal-marda fl-Asja lejn l-aħħar tal-2019 kienu għadhom fil-bidu tagħhom wisq u ftit kien hemm tagħrif dwar il-potenzjal qawwi ta’ dan il-virus.

Mhux talli dan huwa minnu, imma sal-lum stess l-esperti għadhom qed ikomplu l-istudji tagħhom dwar Covid-19. Fl-aħħar xhur żdiedet ukoll il-kumplikazzjoni tal-varjanti l-ġodda li ħarġu mill-virus oriġinali tal-Coronavirus.

Meta wieħed iqis dan ix-xenarju kollu, bil-fors tinnota kemm għandna f’pajjiżna partit fl-Oppożizzjoni li qed jipprova jiskurja punti politiċi minn sitwazzjoni li minflok piki partiġġjani għandha bżonn sforz ġenwin favur għaqda nazzjonali u kooperazzjoni minn kulħadd biex negħlbu l-isfidi li qed iġġib magħha l-pandemija.

Huwa kollu kliem fieragħ dak li qed jingħad mill-Oppożizzjoni fuq x’intqal u x’ma ntqalx mill-Gvern sena ilu. Dakinhar ftit kienu bassru kif ħa tiżviluppa din il-marda anzi l-impressjoni ġenerali dakinhar kienet li din kellha tibda tbatti wara ftit xhur. Fl-Amerika, it-tobba u x-xjenzati kienu qed iwissu lil Donald Trump li jekk mhux se jieħu miżuri drastiċi, sa l-aħħar tal-2020 l-imwiet bil-Covid-19 kellhom jilħqu 200,000. Fil-fatt ġara li minflok 200,000 l-imwiet laħqu nofs miljun.

Il-każijiet kollha fid-dinja issa qed joqorbu il-120 miljun filwaqt li l-imwiet s’issa huma ta’ 2.6 miljuni. Bla dubju, din hija l-akbar kriżi ta’ saħħa li qatt ħabtet wiċċha magħha d-dinja u magħha ġabet ukoll sfidi ekonomiċi kullimkien.

Mhuwiex minnu dak li qed jingħad mill-Oppożizzjoni li s-sitwazzjoni li għandna f’Malta llum setgħet ġiet evitata. L-awtoritajiet tas-saħħa dejjem imxew fuq il-pariri tax-xjenza u ta’ dak li kienu qed jipproponu li għandu jsir kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Inutli jwaħħlu fil-Gvern meta l-varjant Ingliż qed jinfirex fl-Ewropa kollha b’rata ta’ 70% aktar milli kien qed jinfirex il-virus oriġinali tal-Covid-19. 

Huwa għalhekk importanti li minflok il-partiġġjaniżmu politiku f’dan il-mument għandna nisimgħu mill-appelli sinċiera tal-Prim Ministru Robert Abela biex ningħaqdu bħala poplu wieħed f’dan il-mument kruċjali fil-gwerra kontra l-pandemija. Eluf ta’ professjonisti u ħaddiema fis-settur tas-saħħa qed jagħmlu sagrifiċċji kbar biex isalvaw il-ħajjiet u jikkuraw lin-nies. Irridu nkunu aħna li ngħinuhom billi nosservaw bl-akbar skruplu d-direttivi kollha li qed jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa biex nikkontrollaw din l-imxija.

Ninsabu f’mument fejn qed isir sforz nazzjonali biex jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies bil-vaċċin kontra l-Covid-19. Diġà imxejna biċċa triq ġmielha u għandna 110,000 persuna li tlaqqmu. Ninsabu xahar qabel fil-programm li kien stabbilit għat-tilqim u l-awtoritajiet tas-saħħa qed iżidu l-isforzi biex jitlaqqmu aktar nies milli dak ippjanat. Din hija l-akbar arma li għandna s’issa kontra l-Covid-19. Aktar ma jitlaqqmu nies, aktar se negħlbu din l-isfida malajr. 

Il-Gvern min-naħa tiegħu, sakemm qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa mil-lat mediku, fl-istess waqt qed iwieżen bil-kbir lil dawk kollha lli qed jintlaqtu ħażin mill-effetti ekonomiċi kbar li qed tħalli l-pandemija. Dawk kollha li qed ikollhom jagħlqu n-negozju tagħhom minħabba d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin isibu spalla mill-gvern billi jħallsilhom il-wage supplement bil-għan ewlieni li kemm jista’ jkun ma jintilfux postijiet tax-xogħol. 

Din l-għajnuna issa ilha għaddejja sena sħiħa u l-Gvern, għax kien bil-għaqal fil-finanzi tiegħu qabel, kellu minnfejn jagħti dan is-sostenn finanzjarju kbir lil kull min intlaqat ħażin. U mhux hekk biss. Issa qiegħed jiggarantixxi wkoll li se jibqa’ jagħti din l-għajnuna, jekk hemm bżonn sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Konvint li l-poplu qed japprezza l-ħidma ta’ kull min qed jagħti sehmu f’din is-sitwazzjoni u mhux se jappoġġja kritika inġusta u partiġġjana li ma tagħmel ġid lill-ħadd. Ejjew nuru sens ta’ responsabbilta u nsegwu d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa ħalli ma jdumx ma nissoktaw fit-triq tal-irkupru minn din is-sitwazzjoni, kemm f’dak li huwa l-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll biex nirbħu lura saħħitna u nkomplu mexjin ‘il quddiem.

More in Politika