Josianne Cutajar | Il-mezzi diġitali — fil-qalba tal-irkupru mill-pandemija, u lil hinn

Il-ħaddiema, il-familji, in-negozji żgħar u medji — dawn kollha għandhom jibbenefikaw b’mod dirett mit-titjib u l-faċilitajiet li l-qasam diġitali jġib f’ħajjitna

L-isfidi ġodda li ġabet magħha l-pandemija fl-aħħar sena żgur li xprunawna biex infittxu soluzzjonijiet għalihom kemm jista’ jkun fil-ħin. Dan kien ifisser ukoll li l-qalba għall-mezzi diġitali biex jgħinuna mmexxu ħafna oqsma ta’ ħajjitna, kellna mmorru għaliha b’aktar ħeffa milli qatt immaġinajna. 

It-teknoloġija diġitali illum qed tagħtina ċ-ċans biex il-bidliet tant meħtieġa li konna nitkellmu dwarhom qabel il-Covid-19, bħas-sostenibilità, l-inklussività, u l-ħarsien tal-ambjent — issa nwettquhom b’mod effettiv, aħna u nagħmlu l-isforz li nqajmu l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna fuq saqajhom mill-ġdid.

Fil-jiem li għaddew kelli l-opportunità li nindirizza dan is-suġġett f’żewġ fora importanti fuq livell Ewropew, wieħed ko-ordinat min-netwerk  tal-medja Euractiv, li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ politika Ewropej, u forum ieħor organizzat mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija — l-Eurochambres.

Fl-indirizz tal-ftuħ għall-Euractiv sħaqt dwar il-fatt li t-teknoloġiji diġitali qegħdin dejjem aktar jieħdu rwol operattiv ċentrali fis-setturi kollha tal-ekonomija tagħna. 

U dan proprju għax din il-qalba, jekk tkun użata u regolata tajjeb, tista’ iġġib magħha qabża fil-kwalità tas-servizzi, tal-prodotti, u tal-oqsma ta’ operat ta’ negozji, mhux l-inqas dawk f’destinazzjonijiet li, bħal Malta u Għawdex stess, għandhom interessi kbar fl-industrija tat-turiżmu.

Jekk inwettquha sew, l-opportunità għal titjib fl-operat tat-turiżmu permezz ta’ għodod diġitali tkun waħda ta’ skala kbira u li tista’ ġġib magħha benefiċċji kbar. 

Diġà jeżistu faċilitajiet diġitali li xogħolhom hu li jiġbru d-data meħtieġa biex vjaġġi u titjiriet ikunu aktar effiċjenti, biex jiżguraw li l-ivvjaġġar ikun iżjed sigur, jipprovdu tagħrif preċiż u f’waqtu dwar destinazzjonijiet turistiċi, ospitalità, negozji lokali u servizzi oħrajn, kif ukoll sabiex jgħinu fl-ippjanar ħolistiku tal-vjaġġi u btajjel.

Aktar minn hekk, il-ħidma diġitali tgħin b’mod dirett biex nilħqu l-għanijiet ta’ sostenibilità, ħarsien ambjentali u l-inklużjoni tal-persuni. 

U dan għaliex il-mezzi diġitali fihom infushom kapaċi jilħqu ħafna aktar persuni f’mument wieħed, u jistgħu jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tagħhom b’mod aktar preċiż u fil-ħin. 

Fid-diskors tiegħi tal-ftuħ għall-attività tal-Euractiv, sħaqt li dan kollu jfisser li n-negozji tagħna permezz tal-għodod diġitali se jkollhom opportunità unika biex jamministraw aħjar ir-riżorsi tagħhom, u fl-istess waqt joffru esperjenza turistika aħjar u b’aktar potenzjal għall-klijenti tagħhom. 

Għamilt enfasi ukoll fuq il-bżonn li l-avvanzi diġitali jimxu id f’id mat-tisħiħ tal-kuntatt uman, u tal-inkontru soċjali bejn il-persuni, li x-xjenza medika qegħda kulma jmur turina kemm huma kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tagħna. 

It-tlaqqigħ ta’ persuni u kulturi huwa proprju fil-bażi tal-esperjenza reali tat-turiżmu, jiġifieri t-tgawdija fiżika tal-kulturi, lokalitajiet, divertiment u aspetti oħra li jagħmlu l-esperjenza turistika.

Ladarba l-mument preżenti jirnexxilna negħlbuh, irridu naraw li t-teknoloġija diġitali isservi sabiex il-ġid soċjali tassew jissaħħaħ u jilħaq kemm jista’ jkun nies. 

Il-ħaddiema, il-familji, in-negozji żgħar u medji — dawn kollha għandhom jibbenefikaw b’mod dirett mit-titjib u l-faċilitajiet li l-qasam diġitali jġib f’ħajjitna.

F’dan is-sens, kelli ukoll l-okkażjoni li nitkellem f’webinar tal-Eurochambres dwar ir-rwol tal-qalba diġitali fis-settur tal-SMEs, u dan fid-dawl tal-Istrateġija Ewropea għan-Negozji Żgħar u Medji, li dwarha mexxejt Rapport f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew is-sena li għaddiet.

Hawnhekk, il-qalba diġitali ser tkun importanti ħafna —  speċjalment fejn jidħlu intrapriżi li joperaw jew minn gżejjer, jew inkella minn żoni oħra fuq il-periferiji Ewropej li għandhom sfidi ta’ aċċess jew konnettività fin-negozju tagħhom.

Kien proprju għalhekk li fid-diskors tiegħi ġeddidt is-sejħa lill-Kummissjoni Ewropea għal pjan ta’ azzjoni għan-negozji tagħna li jkun fih skeda u stipulazzjonijiet ċari ta’ żmien biex jinkisbu l-għanijiet tiegħu. 

Fuq quddiemnett tal-aġenda għandu jkun hemm l-għajnuniet lin-negozji tagħna biex jgħelbu l-kriżi ikkawżata mill-Covid-19, jitnaqqas minn fuqhom il-piż amministrattiv, u wkoll biex jirnexxu fit-tranżizzjoni kemm diġitali kif ukoll f’dik ambjentali.

Min-naħa tiegħi se nkompli nirsisti sabiex niżgura li s-settur tat-turiżmu, in-negozji żgħar u medji tagħna - li minnhom jiddependu eluf ta’ ħaddiema - u oqsma oħra ta’ ħidma jkunu verament fiċ-ċentru tal-isforz biex nirkupraw mill-effetti tal-pandemija. 

Persważa ukoll li l-għodod diġitali, l-informatika u l-intelliġenza artifiċjali ser ikunu fuq quddiem kemm fl-isforz biex l-għanijiet ta’ irkupru mill-pandemija jintlaħqu fl-iqsar żmien possibli, kif ukoll fit-tifsil ta’ pjanijiet għas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej fil-ġejjieni qrib.

More in Politika