Saviour Grech | Il-ġranet tas-soċjetà ċivili - 2021: Opportunità lit-tielet settur biex isemma leħnu

Is-settur tal-volontarjat, jew kif qed wkoll jissejjaħ il-lum bħala t-Tielet Settur, wera li hu reżiljenti

Matul il-ġimgħa li għaddiet, (mit-Tnejn, 1 ta’ Marzu  sal-Ġimgħa 5 ta’ Marzu) il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ECSC jew KESE) organizza sensiela ta’ attivitajiet li permezz tagħhom ġie ċċelebrat dawk li qed jiġu msejħa bħala l-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili għas-sena 2021.   L-għan li jiġu organizzati dawn l-attivitajiet, huwa li tintefa l-attenzjoni fuq settur partikolari: is-settur tal-volontarjat. Settur li f’dawn iż-żminijiet, bħal setturi oħra ġie kkonfrontat b’tant sfidi varji. 

Kif wieħed jżur is-site fejn qed jiġu rreklamati l-attivitajiet imsemmija (Civil Society Days 2021 - FULLY ONLINE | European Economic and Social Committee (europa.eu) mill-ewwel għandu jinnota li l-attivitajiet prinċipali li ġew organizzati, ħadu forma ta’ konferenzi virtwali webconferences  bis-sehem ta’ għadd mhux ħażin ta’ kelliema.

Naħseb li għalhekk jkun opportun li f’din l-opinjoni qasira, waqt li tingħata ħarsa lejn t-temi u s-suġġetti diskussi waqt l-imsemmija web-seminars issir xi forma ta’ riflessjoni jew kumment dwar ir-relevanza ta’ dawn it-temi għas-settur tal-volontarjat lokali.

Ma hemmx dubju li s-sitwazzjoni li ġiet maħluqa fuq livell Ewropew, permezz tal- pandemija COVID-19, ġiet ukoll riflessa f’Malta. U dak li laqat lil-voluntarjat fuq livell Ewropew, laqat bl-istess saħħa lill-volontarjat f’Malta. 

Matul s-sena li għaddiet, u anke llum, inħolqu sitwazzjonjiet diffiċli għall-operat kemm tal-postijiet tax-xogħol u iktar u iktar fis-settur tal volontarjat, anke għaliex ħafna mill-voluntiera jagħmlu x-xogħol tagħhom bla ħlas u fil-ħin liberu tagħhom u f’ħafna każi l-voluntiera stess huma persuni vulnerabbli għax għadd sabiħ minnhom huma nies ta’ ċertu età. 

Minn naħa l-oħra s-sena 2020 serviet ukoll bħala żmien fejn  sar test ta' reżistenza. Kien żmien fejn id-diversi għaqdiet u anke individwi attivi fis-settur taw xiehda ta’ reżiljenza fit-twettiq ta’ dmirijiethom u fl-implimentazzjoni tal-oġġettivi tal-għaqdiet tagħhom.

Filwaqt li innavigat fl-ilmijiet (tal-pandemija) imqalba, is-soċjetà ċivili organizzata (l-għaqdiet tal-volontarjat) kellha wkoll taqdi rwol ewlieni biex tlaħħaq mal-għadd ta' sfidi relatati mal-pandemija kemm fil-livell Ewropew, kemm dak nazzjonali kif ukoll reġjonali u anke lokali.

Il-ħidma ta’ ħadd u tal-ebda għaqda ma setgħet tieqaf jew tiġi sospiża b’mod indefinit.

Hawn Malta stess, rajna għadd kbir ta’ għaqdiet jibqgħu għaddejjin bla waqfien fil-ħidma tagħhom.  Dawk involuti fis-settur filantropiku baqgħu għaddejjin biex ilaħħqu mal-kura u l-assistenza li s-soltu jagħtu lill-klijienti tagħhom. Dawk involuti fis-settur volontarju konness mas-saħħa komplew bil-ħidma tagħhom u f’ħafna każi żiedu responsabilitjiet oħra bħal dawk konessi mas-swabbingtesting u kull ma jitlob dak kollu konness mal-COVID-19 testing.  

L-għaqdiet involuti ma' operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-immigranti baqgħu jimirħu  fuq l-ibħra biex jaraw kif jinterċettaw u jsalvaw lill-persuni kbar u tfal minn xifer l-għarqa u l-mewt. Volontarji oħra baqgħu jagħtu kura u assistenza lill-immigranti li għandna fostna. Għadd ta’ persuni, li l-għaqda tagħhom  minħabba xi restrizzjonijiet kellha tissospendi l-operat tagħha, raw kif offrew il-ħin tagħhom għal xi kawża ġusta oħra. Dawk attivi fil-qasam tal-eNGOS (l- għaqdiet ambjentali)  baqgħu għaddejjien bl-attiviżmu tagħhom biex jissieltu kontra t-tnaqqir kostanti ta’ dak li baqa’ mill-ambjent tagħna.  U għadd ieħor ta’ għaqdiet oħra li baqgħu jissieltu.

Li hu żgur hu li s-settur tal-volontarjat, jew kif qed wkoll jissejjaħ il-lum bħala t-Tielet Settur, wera li hu reżiljenti.  U għalhekk mhux ta’ b’xejn li l-leħen tas-soċeta ċivili qed isir iktar voċiferu u li qiegħed jinstema dejjem iktar.  Mhux ta’ b’xejn li qed tingħata iktar attenzjoni għal dak li qed jingħadd minn dan is-settur tant importanti.

Hu għalhekk sinifikanti li permezz tal-attivitajiet li l-Unjoni Ewropea, qed torganizza permezz tal-KESE qed u trid tibgħat messaġġ. Messaġġ li:

“issa li ċ-ċittadini, taw is-sehem tagħhom - anke permezz tal-ħidma tagħhom fis-settur tal-volontarjat – waqt il-ġlieda mal-pandemija issa għandhom ikunu totalment involuti fil-proċess ta' rkupru u rikostruzzjoni sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura fi triqitna lejn Ewropa sostenibbli fl-2030 u lil hinn minnha.”

Hu f’dan l-isfond li l-organizzaturiħolqu l-opportunita’ biex dawn il-ħamest ijiem ddedikati lis-soċjeta ċivili bħala opportunità, ta’ forum pubbliku  biex permezz tiegħu ċittadini ewropej,  organizzjoniiet  tas-soċjeta ċivili u uffiċċjali ta’ istituzzjonijiet tal-UE jiddiskutu dwar dak li hemm bżonn isir biex jinbena futur sostenibli li jiggarantixxi l-futur taċ-ċittadini Ewropej. Futur li fih ikun hemm garanzija ta’ żvilupp mibni fuq valuri ta’ of solidarjetà, drittijiet umani, ġustizzja soċjali, ugaljanza, oportunitjiet ta’ u edukazzjoni ekwa fost drittijiet oħra importanti.
 

More in Politika