Editorjal | L-aħħar ċans: Jew se neħduh jew le!

Dan jaf ikun l-aħħar ċans biex forsi l-2021 tkun verament il-bidu ta' triq - li sa issa ħafna mhumiex jarawha - lejn in-normalità. Jew se nieħduh, jew se nitilfuh.

It-toroq tal-Belt Valletta jerġgħu vojta
It-toroq tal-Belt Valletta jerġgħu vojta

Din il-ġimgħa tħabbru miżuri ġodda kontra l-Covid-19 hekk kif in-numri ta' każi komplew telgħin u laħqu livelli rekord, aktar minn 300 każ f'24 siegħa għal jumejn (sal-Ħamis) wara ġimgħat illi matulhom il-każi qabżu kważi kuljum il-200.  Naturalment il-miżuri li tħabbru ma ħa pjaċir bihom ħadd għax ifissru aktar restrizzjonijiet fuq il-libertajiet bażiċi li konna drajna nipprattikaw f'ħajjitna.  Il-miżuri li tħabbru ġew biss ftit ġimgħat wara s-sens ottimista li ġabet magħha l-wasla tal-vaċċin fit-tmiem tas-sena l-oħra.  Ħafna ħasbu li t-triq 'l quddiem hija biss 'l fuq u għall-aħjar - ftit li xejn ssoponejna illi se jfaqqa' varjant li se jfisser illi l-Covid-19 tinxtered aktar malajr.  Ftit ħasbu mat-tokki ta' nofsilejl, meta konna kuntenti li l-2020 għaddiet, illi l-bidu tal-2021 se jkun ugwalment diffiċli għalina lkoll jekk mhux aktar diffiċli għal mijiet ta' negozji. 

Huwa importanti li f'dawn il-mumenti niftakru li dawn il-miżuri qed jolqtu ħażin - mill-ġdid - lill-familji li kienu diġà sejrin xi ftit jew wisq ħażin.  Dawn il-miżuri se jimpattaw lil eluf mhux biss finanzjarjament, imma eluf oħrajn psikoloġikament.  

Imma issa inutli nitbekkew fuq dak li ġara.  Għall-magħmul ma hemmx kunsill. Pero' nistgħu nitgħallmu minn dak li għaddejna minnu, nieqfu nippuntaw is-swaba' u nagħmlu dan l-aħħar sforz (nittamaw li huwa l-aħħar) biex nużaw dawn il-ġimgħat ħalli verament noħorġu minn din il-pandemija. 

Il-programm ta' vaċċinazzjoni sejjer tajjeb, pero hemm bżonn jgħaġġel aktar - speċjalment f'dak li jirrigwarda nies li jieħdu t-tieni doża.  Ma jistax ikun li jasal is-sajf u nkunu għadna f'dan l-istat għax ikollna kollass:  Jew tal-finanzi tal-Gvern jew tal-ekonomija jew tat-tnejn li huma.  Il-vaċċin - sa issa - huwa l-unika soluzzjoni u l-unika bieb 'il barra minn din is-sitwazzjoni li issa ddejjaq biha kulħadd.  Jekk mhux se nilħqu dawk is-70% kemm jista' jkun malajr pajjiżna se jkompli jogħtor taħt it-toqol ta din il-pandemija. 

Hemm bżonn naraw li l-isforz ikun kollettiv.  Kulħadd juża' moħħu u ma jiltaqax f'ġemgħat kbar, ma jsirux attivitajiet tal-massa (illegali) u jekk isiru ma nattenduhomx.  Ħadd mhu qed jgħid li għandna nissakkru ġewwa pero qed isiru appelli biex kemm jista' jkun l-imxija tkun ikkontrollata, biex kemm jista' jkun nevitaw li nxerrdu dan il-virus.  Attivitajiet fejn jinġabru gruppi kbar ta' nies għandhom jitwaqqfu, mhux mill-pulizija imma minn min qed jorganizzahom f'sinjal ċar ta' rieda tajba. 

Pero' mbagħad ukoll irid ikun hemm infurzar qawwi. Infurzar kontra min qed jikser ir-regoli bl-aktar mod flagranti.  Naturalment dan ħadd ma jippretendi li jkun hemm pulizija f'kull kantuniera imma fejn il-liġi tkun qed tinkiser fil-pubbliku u b'mod flagranti l-forza tal-liġi għandha tinżel bis-saħħa kollha. 

Dak li qed nirriskjaw huwa ħafna hawnhekk. Qed nirriskjaw iktar ħajjiet prezzjużi, qed nirriskjaw aktar problemi psikoloġiċi u ejja ma nkomplux naħsbu li dawn il-problemi huma żgħar jew ma jeżistux jew huma inqas importanti mill-mard fiżiku.  Qed nirriskjaw ix-xogħol, l-ekonomija, il-flus fil-but u allura l-livell ta' għixien ta' eluf kbar ta' ħaddiema u familji.  Qed nirriskjaw li l-finanzi tal-pajjiż ma jibqgħux sostenibbli.  Qed nirriskjaw li nitilfu ħafna minn dak li ħdimna tant għalih. 

Ir-riskji huma kbar.  Ejja npoġġu l-11 ta' April bħala l-mira ewlenija tagħna biex forsi nibdew mexjin lura lejn in-normalità.  Huwa importanti li tinżamm il-kawtela anke mill-politiċi.  Il-Prim Ministru ma messu qatt semma' xhur u tragwardi, meta qed nitkellmu dwar pandemija li hija kompletament lilhinn mill-kontroll tal-bniedem.  In-nuqqas ta' kawtela li wera' daret kontrieh darba, darbtejn u tlieta.  Huwa tajjeb li jkun pożittiv, imma huwa neċessarju li jkun kawt - jekk xejn biex ma jitfgħax taħt dellijiet il-miżuri u l-passi kollha pożittivi li ħa l-Gvern tiegħu stess.

Dan jaf ikun l-aħħar ċans biex forsi l-2021 tkun verament il-bidu ta' triq - li sa issa ħafna mhumiex jarawha - lejn in-normalità. Jew se nieħduh, jew se nitilfuh.

More in Politika