Editorjal | Miriam u Daphne: Ir-roti tal-ġustizzja qed iduru, imma t-triq għad fadlilha

Ir-rota tal-ġustizzja qed tiċċaqlaq u għal dan aħna verament sodisfatti. It-tmiem tat-triq forsi qed narawha wkoll.  Pero' għad fadal u jkun biss meta naslu li l-pajjiż sabiħ tagħna jkun jista' jistrieħ, b'kuxjenza nadifa

Il-ġustizzja la hi faċli ssir u sfortunatament, ħafna drabi ma ssirx malajr speċjalment meta l-kobba tkun mħabbla u meta jkun hemm interess minn diversi nies li id-destinazzjoni ma tintlaħaqx.  Il-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia huwa l-aktar reat gravi li sar mhux biss fuq mara, omm u ġurnalista imma li sar fuq pajjiż u r-reputazzjoni tiegħu.  Is-sistemi kollha li għal snin tħallew kif inhuma u li għal snin sħaħ - inkluż taħt Gvernijiet Nazzjonalisti - ma nbiddlux u li taw poter eseġerat u ċentrali lill-PM, tpoġġew taħt il-lenti lokali, Ewropea u internazzjonali.  Huwa ta' xejn li ngergru u nilmentaw li saret wisq pressjoni fuq Malta.  Onestament ħadd ma seta' jippretendi li tinqatel persuna daqstant kontroversjali u daqstant preżenti u viżibbli fix-xena politika lokali u l-aħbar tal-assassinju tagħha ma tinxterdix mad-dinja kollha.  Malta parti minn dinja globalizzata u dak li jiġri hawn isiru jafu bih minuti wara fl-Awstralja, il-Kanada, Iċ-Ċina u anke l-Alaska.  Jiġifieri l-ħsara tar-reputazzjoni kollha li sofrejna, kienet grazzi u grazzi biss għal nies Maltin li riedu jgħalqu ħalq xi ħadd għax ħasbu li l-impunità se sservi ta' sur ta' kenn! 

Insomma, dak is-sur ta' kenn issa qed jiġġarraf u ma nistgħux ma nurux għajr sodisfazzjon li r-rota tal-ġustizzja verament bdiet iddur u jidher illi bdiet iddur b'aktar ħeffa.  Li wieħed, wieħed qed jinkixfu dawk in-nies li b'għemilhom ħammġu isem pajjiżna.  U ejja nipprijoritizzaw ir-rabja tagħna jekk aħna verament partijotti!  Id-daqqa li qlajna bħala pajjiż u dan jaċċettah u jammettih kulħadd, inkluż il-Prim Ministru u Ministri fil-Gvern pubblikament, qlajniha grazzi għal kull wieħed u waħda minn dawk li pparteċipaw jew għalqu għajnejhom għal dan il-qtil.  Ir-rabja tagħna lejn dawn għandha tkun. 

Il-każ għadu mhux magħluq u wieħed jistenna illi jkompli jżid fir-rittmu għax hekk xieraq għall-pajjiż u r-reputazzjoni tiegħu, għall-familja li sofriet din it-telfa, għall-Gvern preżenti li wara kollox u diżgrazzjatament għalih iċċappas b'dan ir-reat u għal kull ċittadin onest li jagħraf x'inhu sew u x'mhux, li kapaċi jagħraf l-abjad mill-iswed u l-iswed mill-abjad. 

Imma ta' Caruana Galizia mhuwiex l-uniku każ fejn trid issir ġustizzja.  Miriam Pace waslet biex tagħlaq sena minn meta tilfet ħajiitha kiesaħ u biered għax ħaddieħor - li issa jirriżulta li kellu track record ta' inċidenti - ma kienx attent, ra kbir jew inkella għax ġie jaqa' u jqum mir-rispett u d-dinjità tal-bniedem!  Hawn ukoll ir-rota tal-ġustizzja qed tiċċaqlaq u nittamaw li l-forza tagħha tkun bħal ponn ħadid fuq min qatel lil Pace. 

Inutli nwerżqu kemm nifilħu fuq il-ħajja jekk imbagħad quddiem it-teħid tal-ħajja b'mod inġust, kriminali u oxxen jew nibqgħu iċċassati jew agħar minn hekk napprovaw. 

Kuntenti li l-ġustizzja tidher li qed issir.  Nagħtu prosit lill-Korp tal-Pulizija fejn huwa innegabbli li b'Angelo Gafa' saru passi ta' ġgant 'il quddiem.  Prosit ukoll lill-Prim Ministru preżenti u l-Ministru tal-Ġustizzja li qed iwettqu bidliet li vera bilfors kellna nwettquhom, pero' li kienu ilhom biex jitwettqu snin fuq snin.  Prosit iva wkoll lil dawk l-għaqdiet li pprotestaw meta kien hemm bżonn u lill-midja indipendenti li rat illi l-każi ta' Daphne Caruana Galizia u Miriam Pace ma jintesewx.  Kemm kien iktar faċli kieku għidna 'u iva ħeq m'hemmx x'tagħmel', sakemm kienet tinħasad ħajja oħra! 

Ir-rota tal-ġustizzja qed tiċċaqlaq u għal dan aħna verament sodisfatti. It-tmiem tat-triq forsi qed narawha wkoll.  Pero' għad fadal u jkun biss meta naslu li l-pajjiż sabiħ tagħna jkun jista' jistrieħ, b'kuxjenza nadifa.

More in Politika