Peppi Azzopardi | Supretendent jieħu l-coke!

Għala għandna nkunu nafu min hu? Lanqas għadu tressaq u diġà kissirnieh fil-media? Tal-mistħija. Ara kieku kien jiġi minn xi editur, malajr kien jinħeba ismu. Lanqas bl-istorja ma konna nkunu nafu

X’jiġri jekk jiċċekkjaw il-pipì tal-membri parlamentari u jsibu li fil-weekend xi ħadd minnhom ġibed linja coke?

Is-Supretendent li allegatament nqabad jieħu l-cocaine ma nafux. Ġabu ismu fil-pubbliku imma jien għażilt li ismu ma nirreġistrahx f’moħħi. Għandikun rajt ritratti tiegħu fuq xi portal ukoll, imma jekk narah, ma nagħrfux.

1. Għala għandna nkunu nafu min hu? Lanqas għadu tressaq u diġà kissirnieh fil-media? Tal-mistħija. Ara kieku kien jiġi minn xi editur, malajr kien jinħeba ismu. Lanqas bl-istorja ma konna nkunu nafu.

2. U aħna fejn nafu jekk din il-persuna fil-fatt għandhiex addiction għad-droga? U allura għalfejn ma nitrattawhx kif nitrattaw persuni oħra vittmi tad-droga?

3. Żomm, żomm... naf x’qed tgħidu, u għandkom raġun. Dan supretendent tal-Pulizja, suppost iressaq lin-nies li jieħdu l-cocaine l-Qorti u jipprova jwaħħalhom il-Ħabs. Veru.

4. U ngħiduha... pulizija jkun ta’ periklu għas-soċjetà jekk ikun ikkowkjat u jġorr arma jew imur biex iwaqqaf xi ġlieda.

5. Issa... jekk vera kien jieħu l-coke, dawn saru jafu li joħodha għax għamlulu test tal-pipì. U inti probabli taqbel li l-pulizija, is-suldati u l-gwardjani tal-ħabs, jaqbdu u jagħmlulhom test tal-pipì meta jridu u x’ħin ifettlilhom. U jkollhom jaċċettaw bilfors. U probabli taqbel għax dawn jafu jkunu ta’ periklu għal sħabhom u għas-soċjetà.

6. Imma issa ejja ngħidu li int taħdem fil-kostruzzjoni. Ma taħsibx li lilek ukoll għandna nagħmlulek test tal-pipì? Għax ara kemm tkun perikoluż jekk tkun ikkowkjat u se ssuq xi krejn, pereżempju. Taqbel li jkollok taċċetta bilfors li tagħtihom il-pipì?

7. Ejja ngħidu li int għalliem. Taqbel li t-Tnejn filgħodu joħdulek il-pipì qabel tidħol fil-klassi? Mela mhux perikoluża li għalliem ikkowkjat jieħu ħsieb klassi tfal żgħar li diġà jkunu frustrati magħluqin ġo klassi jduru dawra durella jew?!

8. U jekk int tabib l-isptar, għaliex ma noħdux it-test lilek ukoll? Tgħidlix li m’intix ta’ periklu jekk tkun ħadt linja coke u mbagħad mort teżamina l-pazjenti. U n-nurses nibdew nittestjawhom ukoll?

9. U l-imħallfin u l-maġistrati wkoll nibdew nittestjawhom għad-drogi. Għax mhux sew li l-maġistrat jibgħat persuna l-Ħabs għax ikun instab ħati li ħa l-coke, waqt hu stess ikun ikkowkjat hu u jaqra s-sentenza.

10. U l-ġenituri li jrabbu t-tfal, għalfejn ma nittestjawhomx ukoll? Kif inħallu t-tfal jitrabbew minn ġenituri li jieħdu l-coke jew jittaqqbu?

11. Jekk taqbel li dan is-Supretendent kellhom jiċċekkjawlu l-pipì, allura trid taqbel ukoll li l-Gvern ikollu l-poter jittestja l-pipì ta’ kulħadd. U kollha kemm aħna rridu nagħtuh il-pipì kull meta jitlobhielna.

12. X’naħseb jien? Jekk it-test tal-pipì se jintuża biex jgħin lil persuna vittma tad-droga li jixirqilha biss imħabba, allura nasal nikkunsidrah. Imma jekk it-test isir biex warajh jiġi l-kastig, kif għamlu lil dan is-supretendent, b’vendikazzjoni jiġifieri, ovvja li ma naqbilx. Ma tarax!

13. U jekk tiġi li kulħadd irid jibda jagħti l-pipì, tgħidx kemm ikun hawn nies jippruvaw jiffrankaw li jinqabdu. Naf wieħed mar għall-methadone u talbuh jagħmel pipì. Meta ħareġ ir-riżultat qalulu, “negative mister, u nawgurawlek, għax pregnant.”

More in Politika