Marco Bonnici | L-għalliem-trejdunionista (professjonali) li qatt ma kien!

Il-President tal-MUT iwieġeb lil Saviour Balzan


Fl-artiklu "La tmisshomx", li deher fuq is-sit Illum.com.mt tal-17 ta' Frar, Saviour Balzan iddeċieda li jkompli bl-attakki fuqi, fuq il-membri tal-kunsill tal-MUT u fuq sħabi l-edukaturi. Dan wara artiklu simili tiegħu fil-MaltaToday.

Ser nibda mill-ewwel bir-referenza ta’ Balzan, fejn qal li jien giddibtu fuq il-fatt Ii hu kien waqqaf house union fl-iskola fejn kien jgħallem. Nistieden lil Balzan sabiex jerġa’ jaqra l-artiklu tiegħi bi tweġiba, fuq il-MaltaToday, fejn jien qatt m’għedt hekk iżda rreferejt għall-fatt li kienet "short-lived and it did not even manage to gain recognition" filwaqt li l-MUT kompliet bir-rappreżentazzjoni kollettiva. Tajjeb li nżid ma’ dan, sabiex kulħadd ikun infumat tajjeb. L-imsemmija house union, li twaqqfet minn Balzan, kienet bħal ħafna house unions, taqdi l-interessi personali tal-ftit inkluż dawk ta’ Balzan. Xiehda ta’ dan hu l-fatt li l-union sfaxxat hekk kif l-avventura ta’ Balzan ta’ ghalliem-trejdjunjonista intemmet ħesrem meta hu telaq mill-iskola. L-aspetti kollettivi tal-iskola kienu jeħtieġu li jiġu ndirizzati minn union serja u mhux dilettanteska, u dawn ħadet ħsiebhom l-MUT fejn minn dak iż-żmien iffirmat numru ta’ ftehim kollettivi mal-istess skola u għadha tirrappreżenta lill-edukaturi fl-iskola sal-lum.

Nirreferi wkoll għall-argument imġebbed ta’ Balzan dwar il-vaganzi, li skont hu ma kellhomx jittieħdu mill-edukaturi. L-argument jagħmlu għaliex Balzan jaħseb li s-snin meta kien jgħallem jagħtuh id-dritt divin li jikkummenta dwar il-professjoni illum. Bħal ħafna, jien naf għexieren ta’ eduaturi li mxew minn professjoni għal oħra iżda li lkoll ikollhom sens ta’ kburija b’dak li għamlu fil-qasam edukattiv u qatt ma tismagħhom jużaw kliem dispreġġjattiv fil-konfront tal-professjoni jew ta’ sħabhom l-edukaturi. Dan jiġri wkoll fi professjonijiet oħra u l-qofol tal-argument hu dan. Professjonist ma jasalx fil-livell baxx li wasal fih Balzan, li mill-pulptu tal-midja unilaterali tiegħu jiftaħ attakk fuq il-professjoni li jkun beda fiha. Dan għaliex l-attakk huwa wkoll fuqu innifsu u fuq l-għażliet li għamel hu meta beda l-karriera. L-aġir professjonali huwa elenkat fil-kodiċi tal-etika tal-għalliema fis-seħħ u li qed nikkwota hawn: “Members of the teaching professions shall…. Refrain from making public statements which bring the profession into disrepute”; (Teachers Code of Ethics and Practice, 2012: pg 21). Jekk Saviour Balzan għadu membru tal-professjoni, l-aġir tiegħu hu bi ksur tal-kodiċi tal-etika. Jekk le, xorta jibqa’ l-fatt li ma jħaddan xejn mill-aġir professjonali li hu marbut mal-professjoni tagħna.

Saviour Balzan kompla wkoll jippropaga numru ta’ preġudizzji u għajdut ta’ nies li m’għandhomx idea tas-sistema edukattiva preżenti u ta’ kif taħdem. Min-naħa hu għażel li jkompli jtambar biss fuq ħaġa waħda, il-vaganzi li tant qed ikidduh u li saħansitra ‘ħela’ żewġ editorjali fuqhom! Fl-istess ħin, il-kitba tiegħu tħares sempliċiment lejn is-settur edukattiv bħala wieħed li jintuża’ sabiex iżomm lit-tfal sakemm il-ġenituri jmorru għax-xogħol. Ovvjament din l-attitudni tirrinforza l-fatt li l-kritika distruttiva tasal minn xi wħud li m’għandhomx is-sabar u l-ħila li jqattgħu siegħa ma’ wliedhom. Karnival jew le, il-mid terms ilhom stabbiliti fil-kalendarju edukattiv għal snin twal u wieħed qajla jista' jifhem is-sensazzjonaliżmu li pprova joħloq Balzan bl-intervista esklussiva ma’ ġenitur mistgħaġeb li ser ikollu jieħu l-leave sabiex joqgħod ma’ wliedu, bħallikieku dan ma ġarax fis-snin ta’ qabel.

More in Politika