Stefan Zrinzo Azzopardi | Ship to Shore: Enerġija u arja nadifa għal industrija marittima sostenibbli

'Dawn il-proġetti “ship-to-shore” huma parti integrali mill-ħames pilastri tal-viżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela biex titjieb il-kwalita tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin'

Il-portijiet tagħna kienu sa minn żmien il-qedem is-sors ewlieni li pprovdew l-għajxien għall-poplu tagħna. L-industrija marittima f’Malta kompliet tiżviluppa u tissaħħah tul il-medda ta’ snin u fl-aħħar seba’ snin biss, irduppjat it-tunellaġġ ta’ bastimenti irreġistrati mal-bandiera Maltija. Malta dejjem kienet ħolqa importanti għall-industrija marittima f’nofs il-Mediterran.

Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li r-Reġistru Marittimu Malti huwa l-akbar wieħed fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja.

Bħalissa, il-vapuri tal-passiġġieri u anke tal-merkanzija li jidħlu l-Port il-Kbir jużaw fjuwil li jkun  ġej miż-żejt biex iħaddmu l-inġenji tagħhom u għall-bżonnijiet elettriċi tagħhom.

Skont rapport Ewropew li sar fl-2015 jingħad li vapur tal-passiġġeri wieħed li jkun sorġut fil-Port il-Kbir għal tmien siegħat jipproduċi tniġġiż ekwivalenti għal 300,000 karozza li jkunu qed isuqu bejn iċ-Ċirkewwa u Marsaxlokk.

Wara talba ghall-fondi li saret minn pajjizna, inghatajna fondi biex ikun hemm alternattiva għall-użu taż-żejt meta l-vapuri jkunu sorġuti fil-Portijiet. Dawn il-fondi se jintużaw f’dik magħrufa bħala l-faċilita “ship-to-shore” biex il-vapuri jużaw l-elettriku mill-grid tal-pajjiż u b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu fil-port. Fil-każ tal-Port il-Kbir, dan se jwassal għal tnaqqis drastiku fil-livell ta’ emmissjonijiet fl-ibliet u l-irħula tal-madwar. Madwar €22 miljun ta’ Fondi Ewropej ġew allokati għal dan il-proġett mill-fondi Ewropej magħrufa bħala l-Connecting Europe Facility.

Fil-baġit li tressaq f’Ottubru li għadda l-Gvern stqarr li jrid iwettaq proġett simili fil-Freeport ta’ Birżebbuġa fejn jidhlu mijiet ta’ vapuri tal-merkanzija kbar li wkoll iħallu effetti negattivi fuq il-kwalita tal-arja fl-inħawi ta’ Birżebbuġa u l-madwar Stefan Zrinzo Azzopardi

Fil-ġimgħat li għaddew flimkien mal-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg, kelli l-opportunita nżur ix-xogħlijiet li bdew fil-Port il-Kbir b’konnessjoni ma’ dan il-proġett li x-xogħlijiet fuqu issa mexjin b’ritmu tajjeb. 

Dan l-investiment huwa ieħor fi proġett li l-għan tiegħu huwa li ntejbu l-ambjent tagħna wara li ġiet żarmata l-power station tal-Marsa. It-titjib fil-kwalita tal-arja bis-saħħa ta’ dan il-proġett se jkun impressjonanti, tnaqqis ta’ madwar 90% fl-emmissjonijiet ta’ gassijiet li jniġġsu mill-vapuri li jsorġu fil-Port il-Kbir.

Fil-baġit li tressaq f’Ottubru li għadda l-Gvern stqarr li jrid iwettaq proġett simili fil-Freeport ta’ Birżebbuġa fejn jidhlu mijiet ta’ vapuri tal-merkanzija kbar li wkoll iħallu effetti negattivi fuq il-kwalita tal-arja fl-inħawi ta’ Birżebbuġa u l-madwar.

It-taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar dan il-proġett jinsabu fi stadju avvanzat ħafna u nittamaw li ma jdumx ma jkollna r-riżultat li qed naħdmu għalih biex in-nies ta’ Birżebbuġa wkoll igawdu minn proġett ta’ din ix-xorta. 

Dawn il-proġetti “ship-to-shore” huma parti integrali mill-ħames pilastri tal-viżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela biex titjieb il-kwalita tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin fosthom li jkollna infrastruttura u ekonomija aħjar filwaqt li nkomplu niżviluppaw b’mod li nilħqu l-mira ambjentali ewlenija li sas-sena 2050 nkunu ħielsa kompletament mill-emmissjonijiet tal-karbonju (carbon neutral). 

Se nkomplu bil-hidma taghna u b’investiment ta’ fondi Ewropej biex intejbu l-kwalita’ tal-arja u l-kwalita’ tal-hajja tan-nies. 

 

More in Politika