Editorjal | VGH: Dak ir-'real deal' ġej jew le?

Għal kull min għandu għajnejn biex jara u moħħ biex jifhem huwa ċar li hawn l-affarijiet ma sarux sew

Din il-gazzetta qatt ma qagħdet tomgħoda wisq fuq il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare - liema kuntratt kien iffirmat mill-eks Ministru u llum Deputat indipendenti Konrad Mizzi. 

Dan il-kuntratt ma kien xejn jekk mhux serqa sfaċċata, abbuż bi proprjetà tal-poplu li tingħata lill-Gvern biex jieħu ħsiebha hu u jmexxiha fl-aħjar interess tal-poplu u taħt dellijiet tqal ta' nies li ħadu l-bonuses, ħadu l-eluf kbar kuljum - €64,000 kuljum, skont l-eks PM Muscat - u m'għamlu prattikament xejn - anzi fallew.

Dan apparti li Ram Tumuluri - kif kienet żvelat din l-istess gazzetta, kellu passat dubjuż u kien saħansitra instab ħati li seraq lill-klijenti tiegħu stess f'lukanda li kien imexxi fil-Kanada!  U allajbierek imbagħad tajnih iċ-ċwievet għal tliet sptarijiet pubbliċi.  

Dan apparti li l-VGH ma kellhom ebda esperjenza fis-saħħa, ma konniex nafu min hu l-Ultimate Beneficiary Owner tal-Kumpanija aħħarija fil-British Virgin Islands, ma ħallsux lill-kuntratturi, ma ħallsux lill-ħaddiema tal-IT, sabu sptarijiet li fihom kien diġa' sar miljuni f'investiment u l-madwar €100 miljun f'penali jekk Gvern iwaqqaf il-kuntratt.   

Jiġifieri huwa stabbilit - issa mingħajr xrara ta' dubju li dan kien, fl-aħjar xenarju kuntratt żvantaġġjuż għall-poplu u fl-agħar xenarju serqa sfaċċata. Logħba monopoly bi proprjetà pubblika.  

Issa li kien, kien u li sar, sar imma u llum hemm Steward Healthcare, suppost 'the real deal'.  

Issa nafu wkoll li kien hemm diskussjonijiet ma' Steward sabiex isir xi tibdil fil-kuntratt u kif żvelat il-gazzetta oħt Maltatoday il-Gvern jieħu lura l-binjiet iżda Steward jibqgħu imexxu l-operat ta' dawn it-tliet sptarijiet.  

Bħall-eks PM Joseph Muscat dan l-editorjal jittama li l-Prim Ministru jieħu deċiżjonijiet tajbin!  Li kif għamel f'diversi oqsma oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela jirranġa dak li huwa manifestament ħażin, għal-inqas kif jista'.  Jeħtieġ illi Steward Healthcare jinżammu kontabbli u li l-Gvern jara li l-miri jintlaħqu, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-Isptar San Luqa.  Dan l-Isptar kien u baqa' monument ħaj (jew qed jaqa' biċċiet) ta' dan il-kuntratt - imma l-affarijiet jistgħu jinbiddlu, il-proġett jista' jsir u jsir b'suċċess u nistgħu nagħmlu tajjeb għal ħin li intilef.  

U huwa l-Gvern biss li jista' jaċċerta dan għax fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Gvern li huwa l-kustodju tal-assi, proprjetà u flus il-poplu.  

Nittamaw li ttieħdet l-opportunità biex għall-inqas l-affarijiet isiru sew.  

Din mhix kwistjoni ta' privatizzazzjoni u lanqas ta' nazzjonalizzazzjoni.  Hija kwistjoni tal-bżonn li l-affarijiet isiru sew u kif xinhu xieraq b'rispett assolut lejn il-proprjetà tal-poplu.  Għal kull min għandu għajnejn biex jara u moħħ biex jifhem huwa ċar li hawn l-affarijiet ma sarux sew.  Sakemm il-Qorti ma tiddeċidix favur it-talba tal-eks Kap tal-PN Adrian Delia fil-każ li fetaħ għall-annulament tal-istess kuntratt, il-Gvern għandu jaċċerta li titbiddel ir-rotta fuq dan il-proġett.  

Biex forsi fl-aħħar L-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar San Luqa verament ikollhom "the real deal"! 

Min jiġġedded u min għadu qed iserraħ fuq nies ta' 30 sena ilu! 

L-istorja ewlenija fuq il-faċċata tal-gazzetta illum tqajjem mistoqsija.  Minkejja li vera ħadd mhu għar-rimi u minkejja li l-età m'għandha qatt tiddetermina min ikun f'kariga (Il-President Amerikan il-ġdid għandu 78 sena):  Iva possibbli l-Partit Nazzjonalista qiegħed daqshekk f'qagħda ħażina li ma jistax isib persuni aktar ġodda u aktar żgħażagħ biex imexxuh?  Possibbli l-PN għad irid iserraħ fuq nies li kienu fl-aqwa tagħhom 30 sena ilu biex jibqa' jopera? 

Mela inbidel il-Kap Nazzjonalista - imma maġenbu baqa' Viċi Kap li ħadem kemm felaħ biex Grech ma jiġix elett u  Viċi Kap ieħor li ma tantx nisimgħu wisq dwaru.  U issa se jerġa jitfa' ismu għal Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech.  Mela din il-gazzetta kellha raġun fl-analiżi ta' żewġ Ħdud ilu.  Inbidel il-Captain imma t-tim baqa' l-istess.  Fejn huma ż-żgħażagħ?  

Dan filwaqt li l-Partit Laburista, li din is-sena jagħlaq tmien snin fil-Gvern, qed ineħħi d-Deputati l-antiki u forsi inqas effettivi  u jbiddilhom b'nies bħal Miriam Dalli, Clyde Caruna u issa Oliver Scicluna - u Daniel Josè Micallef, per eżempju, fuq livell ta' partit.  

Wieħed - minkejja kollox -  jiġġedded u fl-ieħor kulħadd jiġġieled biex iżomm postu, "inkella nirriżenja, nitlaq...". Inkredibbli!  

More in Politika