Editorjal | Mija u sena

L-isfidi huma kbar, imma ż-żmien mhux twil wisq.  Bħal dan iż-żmien sena jaf inkunu wasalna għal għażla importanti oħra.  F'idejn Abela u Grech issa, biex jikkonvinċu!

L-2020 kienet is-sena illi matulha kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista biddlu lill-persuna fit-tmun tagħhom.  Robert Abela - li kien għadu relattivament ġdid fil-Kabinett u anke fil-PL u Bernard Grech li għal fini ta' partit u strutturi kien kompletament ġdid.  Din il-gazzetta diġa' tat ħarsa lejn l-ewwel 100 jum ta' Bernard Grech bħala Kap nhar il-Ħadd li għadda u l-ewwel sena ta' Robert Abela dan il-Ħadd (ara paġni 8 u 9).  Imma issa ejja nħarsu 'l quddiem. 

Nibdew bil-Prim Ministru.  Abela - tajjeb u ħażin, taqbel jew le, reġa' daħħal sens ta' normalità wara ġimgħat sħaħ illi fihom dan il-pajjiż kien qed jesperjenza tensjonijiet politiċi perikolużi b'uħud mill-ogħla persuni fil-Gvern implikati jew akkużati - f'xhieda fil-Qorti jew inkella f'interrogazzjonijiet -  mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - primarjament Keith Schembi u Chris Cardona. 

Dan apparti l-gelgul ta' akkużi u rapporti mill-FIAU, il-każ tal-VGH u naturalment il-kumpaniji li Konrad Mizzi u Keith Schembri marru jiftħu minn wara dahar kulħadd f'ġurisdizzjoni maħmuġa li wara insiru nafu, skont email minn Nexia BT, li fihom kellhom jidħlu eluf ta' flus kuljum minn operazzjonijiet differenti f'pajjiżi bħal Bangladesh u l-Indja.  Minkejja l-ġid li kien inħoloq u l-bidliet fit-tajjeb li Malta kienet esperjenzat, dan kollu ħoloq klima ta' reżistenza, dubji, mistoqsijiet u sħaba kerha fuq il-pajjiż pero' wkoll fuq il-Gvern innifsu. 

Robert Abela, dan beda jbiddlu.  In-nies li kellhom jitilqu tellaqhom - primarjament Cardona u Mizzi u n-nies li kellhom jitneħħew, tneħħew bħal Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija.  Il-Gvern ta' Abela beda jaħdem fuq elenku ta' riformi ġudizzjarji u politiċi fl-istituzzjonijiet, speċjalment f'dawk li qalgħu l-aktar kritika fl-aħħar snin, l-aktar il-Korp tal-Pulizija.  Dawn kienu bidliet li kienu ilhom biex iseħħu deċenji, kienu ilhom jiġu diskussi u fl-istess ħin injorati minn Gvernijiet differenti, imma seħħew issa.  Dan jeġtieġ ikun rikonoxxut. 

Wieħed jirrikonoxxi wkoll in-numru kbir ta' miżuri li ħa l-Gvern waqt il-pandemija li għenu biex il-pajjiż jibqa' fil-wiċċ, waqt li konna qed niffaċjaw l-eqqel mewġ li qatt rat Malta mit-Tieni Gwerra Dinjija. 

Il-PM iżda għandu diversi sfidi wkoll.  L-ewwelnett l-isfida tal-Covid-19 - li għadha qed tagħfas fuq eluf ta' negozji u eluf ta' ħaddiema u li għadha qed tkun qawwa imprevedibbli.  Tant hi hekk li l-vouchers li kellhom joħorġu dan ix-xahar mhux se joħorġu għalissa.  Pass tajjeb fiċ-ċirkostanzi, imma naturalment wieħed li se jfisser ħafna aktar tbatijiet għal ħafna familji u negozjanti.  Abela jeħtieġ jara illi jkun hemm bilanċ bejn iż-żamma tal-ordni u l-liġi u s-sens komun.  Irid joqghħod attent li d-dixxiplina ssir imma ma' kulħadd l-istess u b'moderazzjoni mhux bl-eseġerazzjonijiet u l-vendikazzjonijiet.  Irid iżomm taħt kontroll l-arroganza li bdiet tinbet f'xi dipartimenti, fost xi nies li jitkellmu għall-Gvern jew għall-partit, li forsi jitrattaw lin-nies ta' dubbien. 

Irid ikun rikonċiljattiv mhux diviżiv.  Minkejja li xi kultant ir-rabja tista' tkun ġġustifikata lejn nies bħal Charles Azzopardi (eks Sindku Laburista Rabti), jekk ir-risposta tal-partit għat-tgħajjir xejn dinjituż lejn xi ħadd, sempliċiment għax ma qabilx miegħu jew għax ikkritikah, se jkun is-silenzju mela allura l-Partit Laburista se jkun qed jagħmel l-istess żball tal-aħħar snin tal-PN fil-Gvern.  Il-PN hekk għamel filwaqt illi kull min ikkritikah kien qed jiġi mżebblah, mgħajjar u kkalunjat - qagħad kwiet u ma fittix ir-rikonċiljazzjoni.  U ħadha r-risposta u baqa' jeħodha!  

Finalment ħafna mid-destin ta' Abela se jorbot mal-programm tal-vaċċin.  Sa issa, tajjeb u ħażin, jinħass illi l-għoti tal-vaċċin qed isir wisq bil-mod.  Forsi għal uħud għaġġla ma hemmx għax ma tagħmilx wisq differenza.  Imma għal eluf oħrajn, dewmien eseġerat li jaqbeż sew is-sajf ikun ifisser falliment ċert.  Niddubitaw li dawn ikunu ħerqana wisq biex jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista f'elezzjoni li mistennija tasal fis-sena/sena u nofs (massimu) li ġejjin. 

Grech għandu sfidi ugwalment kbar quddiemu.  L-ewwel u qabel kollox irid jinjetta l-ħeġġa u t-twemmin fost in-nazzjonalisti li l-PN jista' verament jibda jikseb riżultati tajbin, jiġifieri jnaqqas b'mod effettiv id-distakk bejn il-partiti li fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew saħansitra qabeż it-42,000 vot.  Din hija sfida kbira li jidher illi pprova jindirizza fl-ewwel programm ta' 'Reno Bugeja Jistaqsi' - imma għad fadal ħafna xi jsir. 

Bir-rispett kollu lejn kulħadd - għax kulħadd validu fil-modi differenti tiegħu - Bernard Grech jeħtieġ jibni t-tim tiegħu.  Tim ta' nies ġodda, friski, mimlijin enerġija u lesti biex jibdew ibiddlu l-partit.  Inbidel il-captain, pero' t-tim (li tpoġġa hemm bħala interim) baqa' l-istess.  Nies li ilhom fil-partit minn meta beda Eddie Fench Adami!  Wasal żmien il-bidla fil-PN u wasal iż-żmien li Grech idaħħal it-tim tiegħu fit-tmexxija, jekk għandu!

Pero' aktar minn hekk.  Il-PN jeħtieġ isir rilevanti.  Jeħtieġ ikollu fergħat li huma rilevanti.  Mhux fergħat tal-pappagalli u l-istqarrijiet u l-priedki lil min jiġri x'jiġri se jibqa' Nazzjonalist.  Imma fergħat li jkunu huma l-forza ta-bidla u l-ideat ġodda u li ma jibżgħux jipproponu u joħolqu diskussjonijiet, anke jekk mhux kulħadd jaqbel ma' dik il-pożizzjoni fil-partit stess. 

Finalment il-PN u Grech ma jistax jibqa' jserraħ fuq żbalji jew diżillużjoni lejn Abela jew inkella r-rabja u l-antipatija li sezzjoni tal-poplu għandu lejn dak kollu li huwa Laburist.  Inkella se jibqa' partit tal-bużżieqa, tal-istess nies, bl-istess ideat, jgħixu fil-passat li jagħmlu ħafna ħoss bejniethom. 

Jeħtieġ jibda jħares ukoll lejn is-settur bil-wisq akbar ta' votanti li mhumiex skomdi bil-Labour, jew li gawdew minn liġijiet jew miżuri li għamel il-Partit Laburista, li ma jobgħodux lill-Partit Laburista anzi vvutawlu pero' li forsi jkunu predisposti jivvutaw PN jekk joffri alternattiva serja, fattibbli u onesta għall-Gvern preżenti. 

Tal-aħħar - Grech għandu jaċċerta li l-aħħar ftit "anġli" fuq il-pedestalli fil-PN, li tkaxkira elettorali wara l-oħra għadha m'għallmithomx ikunu umli, iniżżilhom minn hemm!  Ħadd mhu akbar mill-poplu sovran u l-poplu ma vvutax lill-Labour b'maġġoranzi ta' 40,000 vot għalxejn jew għax mhux intelletwali biżżejjed!  

L-isfidi huma kbar, imma ż-żmien mhux twil wisq.  Bħal dan iż-żmien sena jaf inkunu wasalna għal għażla importanti oħra.  F'idejn Abela u Grech issa, biex jikkonvinċu!

More in Politika