Michael Farrugia | 2021 – Sena pożittiva għall-anzjani – Jitlaqqmu kontra l-Covid-19 u jgawdu minn żidiet fil-pensjoni

Michael Farrugia huwa l-Ministru tal-Anzjani u Anzjanità Attiva

Bdejna sena ġdida u l-Gvern se jkun qed ikompli fejn ħalla, bil-ħidma tiegħu biex anke fl-2021, inkomplu nipproteġu dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna.

Is-settur tal-anzjani huwa settur sensittiv ħafna, b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom. Għaldaqstant, sa mill-ewwel ta’ Jannar stess, bdejna nagħtu t-tilqima kontra l-Covid-19 lill-anzjani tagħna. Barra minn hekk, allokajna l-ikbar Baġit li qatt kellu Gvern Laburista u fost dawn il-miżuri hemm żidiet fil-pensjonijiet, li jibdew minn dan ix-xahar.

It-tilqim konta l-Covid-19

Bdejna mill-anzjani u l-impjegati ta’ San Vinċenz de Paul, waqt li aktar kmieni din il-ġimgħa beda t-tilqim ukoll fid-Djar tal-Anzjani, kemm dawk tal-Gvern kif ukoll fejn il-Gvern xtara sodod.

L-appell tiegħi jibqa’ wieħed - li mhux l-anzjani biss għandhom jitlaqqmu iżda kulħadd. Irridu niftakru li l-Gvern għamel investiment kbir biex jassigura li jkun hemm tilqim għal kulħadd fiż-żewġ dożi li għandna bżonn.

Il-Gvern ried jagħti opportunita’ lil kulħadd – nafu r-restrizzjonijiet li għaddietna minnhom din il-pandemija u kemm ġew affetwati familji u anzjani li ma setgħux jaraw il-qraba tagħhom. 

It-tilqima se toħodna lejn in-normalita u b’hekk inkunu qed nerġgħu nqajmu l-ekonomija fuq saqajha biex eventwalment, il-Gvern ikun jista’ jkompli jsostni l-welfare state ta’ pajjiżna, iżid il-pensjonijiet u jsaħħaħ is-settur kollu tal-anzjani u s-saħħa u b’hekk, igawdi kulħadd. 

Żidiet fil-pensjonijiet 

La semmejt il-pensjonijiet, irrid infakkar li mas-sena l-ġdida jidħlu fis-seħħ il-miżuri mdaħħla fil-Baġit għal din is-sena. Din is-sena l-Gvern alloka l-ikbar Baġit li qatt kellu Gvern Laburista u fost dawn il-miżuri hemm żidiet fil-pensjonijiet, li jibdew minn dan ix-xahar. 

Inħossni onorat għax kont jien li ressaqt ‘il quddiem ir-riforma tal-pensjonijiet meta kont Ministru responsabbli mis-sigurta’ soċjali bejn l-2014 u l-2017. Minn dakinhar, kull sena assigurajna li l-pensjonijet jibqgħu jiżdiedu sena wara oħra.

Bdejna minn dawk li qegħdin fil-livelli ta’ isfel u issa qed nindirizzaw il-pensjonijiet b’mod ġenerali.

Ma ninsewx li anke neħħejna t-taxxa fuq il-pensjoni u b’dawk iż-żidiet li tajna u t-traħħis fit-tariffi fuq id-dawl l-ilma, il-pensjonanti gawdew mhux ftit.

Illum, dawk li qegħdin fil-livell ta’ faqar assolut niżlu b’aktar minn 60 fil-mija, waqt li l-persuni li ma kinux kapaċi jsaħħnu djarhom naqas b’mod tremend.

Dan huwa frott tad-deċiżjonijiet pożittivi li ħadna mill-2013 sal-lum 

Għalhekk, huwa importanti li t-tilqima joħodha kulħadd, għax il-Gvern kiel minn ġewwa għax kien bil-għaqal u rnexxielu jġemma’, imma issa importanti li nitilqu biex inkomplu nassiguraw il-pensjonijiet u nżiduhom u nkomplu ngħinu lill-familji u lill-poplu Malti u Għawdxi u nkomplu nassiguraw li l-faqar f’pajjiżna jkompli jonqos – hekk wiegħdna u hekk se nkomplu nagħmlu.

More in Politika