Editorjal | ‘L-iswed, iswed. L-abjad, abjad!’

Dak li hu sew jibqa’ sew dejjem. Dak li hu ħażin jibqa’ ħażin dejjem – hemm min hemm fil-Gvern, hu min hu (jew hi) l-politiku!

Kemm se ndumu sejrin hekk?  Kemm se ndumu naċċettaw li prinċipju jew argument jiġġebbed skont persuna ma’ liema partit iżżomm?  Possibbli għadna ma mmaturajniex biżżejjed biex it-tajjeb ngħidulu tajjeb dejjem u l-ħażin ngħidulu ħażin dejjem?  Għalfejn baqgħet daqshekk diffiċli din?  U għalfejn bqajna tant tribalistiċi li donnu għax tgħid li l-ħażin huwa verament ħażin tiġi ttimbrat traditur, pinnur, ġakbin u kull aġġettiv negattiv taħt is-sema?  U finalment meta se jasal iż-żmien li dan il-poplu jinduna u jintebaħ li huwa l-politiku li hu fis-servizz tal-poplu u mhux il-kontra?

Qed nirreferu għal bosta istanzi, anzi għal kważi l-istanzi kollha fl-aħħar 10 snin u aktar, ta’ meta politiku nqabad li jkun ġab ruħu b’mod inkorett, mhux etiku jew saħansitra malizzjuż.  

Fl-aħħar ġimgħa kellna diskussjoni dwar il-ħlas tat-taxxa.  Kienet din il-gazzetta li żvelat illi Bernard Grech kien waqa’ lura b’€62,000 f’taxxa u VAT li ma ħallasx u dakinhar bosta iddubitaw l-istorja jew ippruvaw inaqqsu mill-importanza tagħha.  Mill-importanza li min ikun fil-poter ikun dejjem qeda dmiru lejn l-istat kif wara kollox kull ċittadin onest jagħmel.  L-istess nies imbagħad tkażaw meta saret allegazzjoni, sa issa mhux miċħuda bil-provi, li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ma ddikjaratx €46,000 f’senserija ta’ dar fl-Imdina.

U naqilbuha fuq rasha!

Bosta qed jgħidu ‘u iva mhux xorta!’ ‘b’daqshekk’, ‘ħajja privata’.   B’daqshekk?  Mhux xorta?  B’daqshekk allegazzjoni li persuna, fil-poter, ma qdietx dmirha lejn l-istat kif huwa obbligat jagħmel Ċikku l-poplu? Kemm il-€46,000 – int għażiż ħaddiem u pensjonant - taqla’?  Probabbilment trid taħdem sentejn jekk mhux aktar biex tieħu dawk il-flus u trid tħallas sal-aħħar sold taxxa, u jkun hawn min  jgħid ‘b’daqshekk!’? Humiex l-istess persuni li ħadu skandlu bl-istorja tal-ILLUM u taxxa li ma ħallasx Bernard Grech!?

Huma t-tnejn għamlu ħażin jekk ma ħallsux it-taxxa jew ma ddikjrawx dħul. Huma t-tnejn naqqsu minn dmirijiethom jekk ma ddikjarawx dak li daħħlu.  Huma t-tnejn ħaqqhom kundanna u kritika.  Mela se niqbgħu naraw jekk hux mal-partit ‘tiegħi’ jew ‘tagħhom’ qabel ma l-iswed ngħidulu iswed u l-abjad u ngħidulu l-abjad?

Ir-riga hija l-istess għal kulħadd u l-ġustizzja għandha ssir ma’ kulħadd l-istess, kemm fuq li jiġri issa u anke fuq dak li ġara fil-passat

Sar ħafna diskors fieragħ matul is-snin minn diversi mexxejja politiċi dwar bidu ġdid u rebbiegħa ġdida u stil ta’ politika ġdid u ‘mhux lil min taf imma x’taf’ u ‘neqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel’ – u fejn konna bqajna fir-realtá.  B’politiċi li jaħsbu li l-pajjiż huwa xi fewdu tagħhom għal 10 jew 15-il sena illi matulhom jista’ jsir negozju bl-art u l-proprjetá tal-poplu, matulhom jitħanżru qishom qatt ma kielu, iqasmu ċ-ċejċa qisu għada ma jeżistix u jinvolvu rwieħhom fi skandli, wħud żgħar u oħrajn gravi.

U għalfejn jagħmluhom dawn l-affarijiet?  Jagħmluhom għax jistgħu.  Għax aħna nippermettu li dan isir – hekk konna nagħmlu taħt in-Nazzjonalisti u hekk bqajna nagħmlu llum.

Lill-politiċi għollejnihom wisq fuq pedestall.  Wasal iż-żmien li vera nżommuhom kontabbli.  Kemm ta’ issa, imma anke ta’ qabel u mingħajr distinzjoni. 

Jekk Jason Azzopardi aċċetta rigal mingħand ta’ Tumas u qagħad fil-Hilton ta’ Tel Aviv b’xejn għamel żball u huwa sewwa u xieraq li qala’ l-kritika.  Pero’ l-istess kull min aċċetta rigali, jew xi logħoba futbol jew qagħad jiġri bil-private jets ta’ Yorgen Fenech!

Ir-riga hija l-istess għal kulħadd u l-ġustizzja għandha ssir ma’ kulħadd l-istess, kemm fuq li jiġri issa u anke fuq dak li ġara fil-passat. 

Fejn hi l-ġustizzja fil-qtil ma’ Karin Grech?  Fejn? Min qatilha?  Fejn hi l-ġustizzja ma’ Lino Cauchi?  Fejn? Fejn hi l-ġustizzja għal Raymond Caruana? Fejn?

Mhux talli ma saritx ġustizzja talli għandna sal-lum nużaw jew niġġustifikaw jew innaqqsu jew inżidu mill-importanza ta’ wieħed minn dawn l-assassinji – u magħhom naturalment ta’ Daphne Caruana Galizia – skont dawk l-interessi pwerili u partiġġjani tal-individwu.  

Lanqas fuq l-aktar ħaġa kerha u kundannabbli ma konna kapaċi ningħaqdu f’vuċi waħda u nikkundannaw fejn jixraq li nikkundannaw. 

Għalhekk ġenerazzjoni wara oħra ta’ politiċi tibqa’ taħseb li għandha liċenzja li tagħmel li trid, kif trid u meta trid.  Għax nibqgħu bil-mentalitá ta ‘tiegħi aħjar minn tiegħek u tiegħek agħar minn tiegħi’ minflok ngħidu dan ħażin u dan tajjeb.  L-iswed, iswed.  L-abjad, abjad.

Anke fuq il-wasla tal-vaċċin – mument hekk sabiħ u pożittiv – ukoll kien hemm min qala’ l-passat biex jgħid li huwa grazzi għall-partit tiegħu li se jkollna l-vaċċin u mhux għall-partit l-ieħor.  Lanqas ix-xjentisti ta!  Il-partit!

Dak li hu sew jibqa’ sew dejjem. Dak li hu ħażin jibqa’ ħażin dejjem – hemm min hemm fil-Gvern, hu min hu (jew hi) l-politiku!

More in Politika