Editorjal | L-ewwel pass fil-Milied ... It-tieni nhar is-27 ta' Diċembru

Li nkunu responsabbli u nuru rispett f'dawn il-jiem li ġejjin huwa l-ewwel pass kbir.  Li nieħdu l-vaċċin huwa t-tieni

Hekk kif issa ninsabu fil-Festi tal-Milied u din is-sena bdiet tasal fi tmiemha, kulħadd qed jistaqsi u jara kif ħaddieħor se jkun qed iqatta' dawn il-festi.  Naturalment f'pajjiż mediterranju fejn il-familja għadha ċentrali u nukkleu importanti ħafna għal kull individwu se jkun diffiċli jekk mhux impossibbli li wieħed iwaqqaf mill-interazzjoni ta' familji u ħbieb - anke jekk hemm diversi appelli biex wieħed ma jattendix ikliet tal-familja.  Għal uħud dan is-sagrifiċċju jaf ikun wisq kbir u jaf ukoll iħalliehom fid-dlam tas-solitudni, li taf tkun kerha daqs l-agħar marda u taf toqtol daqs kull virus.  Naturalment iżda dan ma jfissirx li r-regoli għandhom jiġu injorati u kulħadd jagħmel li jrid, inkella se jkollna Jannar ta' aktar problemi, numri jiżdiedu u anke imwiet. 

Ma nistgħux  - u fil-verità la l-poplu u lanqas l-ekonomija tal-pajjiż ma tista' -  li dan iż-żmien ta' riċessjoni u dipressjoni jitwal wisq aktar.  Ir-realtà hija li issa ħafna xebgħu jisimgħu aħbar wara oħra ta' mwiet, mard u biża', imma r-realtà hi li għalissa għadna ma wasalniex fl-istadju li niġu naqgħu u nqumu minn kollox u nibdew ngħixu qisu xejn mhu xejn.  Għadu mhux iż-żmien li narmu l-kawtela fiż-żibel, jew kif jgħidu bl-Ingliż, throw caution to the wind!  

Biżżejjed naraw kif pajjiżi madwarna, Ewropej, tant għadhom qed jiffaċċjaw problemi li sal-bieraħ stess l-Italja ħabbret lockdown parzjali għall-festi tal-Milied.  Dan filwaqt li diversi pajjiżi u bliet oħrajn ukoll żiedu r-restrizzjonijiet (ara l-artiklu fuq paġna 8) minħabba żieda fin-numru ta' każi ta' Covid-19.  Jiġifieri tajjeb li filwaqt li niffesteġġjaw huwa importanti ħafna li nagħmlu kollox b'responsabilità u rispett lejn dawk ta' madwarna u fl-osservanza tar-regoli. 

U din hija faċli! Ħasil tal-idejn u użu ta' wipes, ilbies ta' maskri, evitar ta' preżenza soċjali f'każi ta' sintomi, li ma jkunx hemm gruppi ta' nies u jekk ikun hemm ikunu gruppi żgħar u kkontrollati u finalment li kemm jista' jkun kollox isir b'kawtela u dixxiplina kbira fejn hemm il-preżenza ta' persuni vulnerabbli.  

Dejjem konna nafu li l-pandemija mhux bħal gwerra. Ma jasalx jum u kollox imur għan-normal f'24 siegħa. Il-mixja għan-normalità se tkun waħda li se tittieħed pass wara pass

Dan kollu naturalment jiġi fid-dawl tal-aħbar tant mistennija dwar l-għoti tal-vaċċin.  Dan huwa żblokk xjentifiku inkredibbli u żvilupp li juri wkoll kemm qed iħallu frott it-tentattivi kollha internazzjonali biex tinstab soluzzjoni għal din il-pandemija. 

Dwar dan, il-mistoqsija fuq fomm ħafna hija 'imma int se tieħdu l-vaċċin?' 

U hawhekk il-midja se jkollha rwol importanti x'tilgħab, kif kellha fl-aħħar xhur, illi tkun bilanċjata, fattwali u tara li jiġi moqdi l-interess pubbliku.  L-interess pubbliku mhux moqdi minn konspiraziji stupidi u sensazzjonaliżmu imma minn fatti mediċi u xjentifiċi u issa minn figuri wkoll. 

U l-figuri x'qed juru?  Fl-ewwel ġimgħa fir-Renju Unit diġa' ġew imlaqqmin kważi 138,000 persuni. Fl-Istati Uniti wkoll fejn bdew jitlaqqmu eluf ta' nies u kellek - fost oħrajn -  żewġ każi ta' ħaddiema li kellhom reazzjoni allerġika serja għal dan il-vaċċin.  Dan, daqs kemm huwa inkwetanti għalihom, daqstant ieħor huwa mistenni.  Il-kelma 'vaċċin' sirna nassoċjawha wisq mal-Covid-19, imma fil-verità il-vaċċini ilhom magħna snin u kull vaċċin jista' jkollu effetti li jvarjaw minn riħ sa reazzjoni allerġika serja.  

Jekk wieħed jistaqsi lil min siefer f'pajjiżi fejn wieħed jeħtieġ jieħu vaċċin għal mard li m'hawnx bħalu Malta (Yellow fever, Malarja u aktar) malajr isib esperjenzi ta' persuni li kellhom reazzjoni jew effetti wara t-teħid tal-vaċċin. 

Tobba madwar id-dinja qed ifakkru li kull mediċina fiha l-effetti tagħha.  Kull ma trid tagħmel huwa li taqbad kaxxa ta' mediċina u tħares fuq wara u tara elenku ta' effetti li jista' jkollha. 

Naturalment iżda hemm setturi tal-popolazzjoni li jkun aħjar li ma jiħdux tali vaċċin jew jistennew qabel jiħduh u qed jismmew diversi, bħal nisa tqal.  Fil-fatt matul din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt se jkunu qed jgħaddu aktar informazzjoni u fatti dwar il-vaċċin. 

Dan ma jfissirx li malli nieħdu l-ewwel titqiba tal-vaċċin nistgħu nerġgħu nibdew norganizzaw l-attivitajiet tal-massa.  Iżda jfisser illi nkunu għamilna l-ewwel pass 'il quddiem għall-fejqan. 

Iktar kemm ikun hemm min jirreżisti li jieħu dan il-pass, iktar ndumu ma' nilħqu id-destinazzjoni tagħna lejn in-normalità.  Pjuttost sempliċi fil-verità. 

Dejjem konna nafu li l-pandemija mhux bħal gwerra.  Ma jasalx jum u kollox imur għan-normal f'24 siegħa.  Il-mixja għan-normalità se tkun waħda li se tittieħed pass wara pass. 

Li nkunu responsabbli u nuru rispett f'dawn il-jiem li ġejjin huwa l-ewwel pass kbir.  Li nieħdu l-vaċċin huwa t-tieni. 

More in Politika