Aaron Farrugia | Doers

Ċertament li politiku li jwettaq mingħajr ma juri x’inhu jagħmel għandu karatteristika importanti nieqsa

Fl-aħħar snin il-kwalità u l-impenn tal-Ministri kienu suġġett għal diskussjoni. Wara kollox huma l-magna tal-Gvern, tal-proġetti li jsiru u tal-legiżlazzjoni li titpoġġa għal diskussjoni fil-Parlament. Il-Ministru jista’ jġib il-bidla jew joħnoqha, jista jkun ħarsa lejn il-futur jew staġnat fil-passat. B'mod kunfidenzjali Lawrence Gonzi, Prim Ministru sal-2013, kien stqarr mal-Ambaxxatur Amerikan li għandu nuqqas ta’ talent madwaru u ma kellux wisq minn fejn jagħżel. Riċentament fil-qrati tal-ġustizzja smajna wkoll il-kelma doers b’referenza għal Ministri li servew fl-aħħar snin. Kienu dawn il-kummenti li wasluni biex nirrifletti: Eżattament x’nifhmu b’politiku 'doer'? X’karatteristiċi għandu jkollu? X’riżultati mistenni jikseb u x’deċiżjonijiet huwa mitlub jieħu?

Dak li jagħmel politiku 'doer' huma bla dubju il-ħiliet tiegħu. Politiku li jġib ir-riżultati, li jkejjel is-suċċess tiegħu bir-riżultati li jikseb jum wara jum, bil-proġetti li jħabbar, bil-leġiżlazzjoni ġdida li jirnexxielu jgħaddi mill-Parlament, fin-negozjati li jkollu lokalment mal-unions u entitajiet u fuq livell internazzjonali fil-fora Ewropej u lil hinn. Tiġini f’moħħi il-kelma workaholic jew aħjar perserveranza, il-kunċett ta’ Key Performance Indicators għalih u għal ta’ madwaru. Politiku ‘doer’ hu dak li jagħmel pjan b’saħħtu u fattibbli, li jġib lil kulħadd madwaru u mbagħad jimplimenta.

Ċertament li politiku li jwettaq mingħajr ma juri x’inhu jagħmel għandu karatteristika importanti nieqsa. Fattur importanti llum il-ġurnata hu l-marketing li wieħed jeħtieġ jagħmel biex juri x’inhu jwettaq. Uħud isejħulu id-daqq tat-trombi, imma fil-verità f'dan iż-żmien - fejn ħafna nies jqattgħu ħafna ħin fuq il-midja soċjali u fejn il-kmamar tal-aħbarijiet ituna aħbarijiet minn minuta għall-oħra, ma tistax ma tagħtix l-importanza mistħoqqa lill-marketing u r-relazzjonijiet pubbliċi. 

Għalija politiku doer għandu jkun wieħed li jilħaq il-kompromess, li jġib il-ħafna wara l-ħsieb tiegħu u għaldaqstant ifittex il-kuntest permezz ta’ politika moderata

Iżda l-kummenti li saru u l-indikazzjonijiet li ingħataw imorru lil hinn minn dan. 

Politiku doer irid ikun innovattiv u dejjem ikun żewġ passi fuq quddiem. Ikun politiku li ma jgħix b’dak li hu sempliċiment aċċettabbli, li jaċċetta l-pjan li jagħtuh jew li jiret, imma li jara kif jagħmel biex il-pajjiż u l-portafoll tiegħu ikun pijunier b’kunċetti ġodda, li jkun ta' l-ewwel li jilħaq tragwardi ġodda. Għalija politiku doer għandu jkun wieħed li jilħaq il-kompromess, li jġib il-ħafna wara l-ħsieb tiegħu u għaldaqstant ifittex il-kuntest permezz ta’ politika moderata.

Imbagħad lil hinn mill-ħiliet tiegħu, hemm ukoll dawk ta’ madwaru u ċ-ċirkostanzi li jinzerta. Ħafna drabi il-politiku jaħdem fi straight jacket f’sistemi burokratiċi li jirrallentaw il-ħidma u r-riżultati. Għalhekk l-għażla imbagħad hi li tal-appoġġ li jsib il-Ministru biex jegħleb dawn is-sistemi. Ha nagħti eżempju;  jaf ikollok proġetti li l-proċess biex isiru jieħu xhur. Jinkiteb tender, jiġi evalwat, jiġi aġġudikat b’riskju ta’ appelli u dewmien. Allura tagħmel differenza kemm il-politiku jingħata lok biex iħaffef il-proċess u jagħżel nies madwaru li huma doers, kemm fiċ-ċivil u anke fit-tmexxija tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu. 

Iċ-ċirkostanzi jiddettaw is-suċċess li wieħed jikseb bħal pereżempju il-portafol li wieħed ikollu. Hemm differenza bejn portafoll li hu orjentat lejn proġetti tanġibbli milli wieħed li hu pjuttost regolatorju. U xi ngħidu għall-baġit li politiku jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu? Dan ukoll imur lil hinn mill-abilitajiet u l-ħiliet tal-individwu.

Finalment il-politiku irid jinfatam mill-implimentazzjoni u d-dettalji u jġib ruħu bħal Kap Eżekuttiv li xogħolu jkun li jara li l-pjan qiegħed jitwettaq u li qiegħed kontinwament jilħaq orizzonti ġodda. Ikun interessanti 'l quddiem naqraw kotba ta' politiċi li servew. Illum il-ġurnata naqra b’attenzjoni artikli ta' eks-Ministri mhux biss għax għexu dawn l-isfidi iżda għax jifhmu aħjar l-isfidi li semmejt u l-legat tagħhom li tant ħadmu għalih.

More in Politika