Editorjal | Għaliex ma neħħejthomx meta kien ċar li se jdaħħluk ġo ħajt?

Ma jistax ikun li Prim Ministru li tela' fil-poter darbtejn b'maġġornza ta' 36,000 vot, chess player politiku prim, li kien qed iwettaq bidliet kbar f'ċerti setturi, jippermetti lil tnejn minn nies iniżżluh mill-poter, kappriċożament - għax riedu jistagħnew

Din il-ġimgħa erġajna smajna lil Joseph Muscat, eks Prim Ministru - li m'għandniex għalfejn infakkru għax miktuba fl-istorja elettorali - kellu l-akbar mandat mill-poplu mill-gwerra lil hawn jgħid illi l-fatt li ma neħħiex lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri jista' jkun illi kien ġudizzju politiku ħażin. 

Mhux jista' jkun. Kien ġudizzju politiku ħażin. 

Tant kien ħażin li malli niżlu huma, kellu jinżel Muscat - bħallikieku il-fortuni politiċi tal-eks Prim Ministru kienu intrinsikament marbutin ma' tagħhom.  Bħallikieku l-eżistenza politika ta' dawn it-tnejn - kuntrarjament għal nies bħal Emmanuel Mallia, Michael Falzon, Edward Scicluna, Evarist Bartolo u nistgħu nibqgħu nelenkaw l-ismijiet - kienet marbuta kompletament u assolutament ma' dik ta' Muscat. 

Li huwa ġudizzju politiku ħażin, ormai nafuh, għaliex Prim Ministru bl-ikbar mandat mill-gwerra kellu jirriżenja u minflok inaqqax ismu bħala l-aqwa Prim Ministru li qatt kellha Malta kif supppost ġara u kif kienu qed jindikaw l-affarijiet fil-bidu, spiċċa qisu n-Nixon ta' Malta. 

Li rridu nistaqsu issa huwa għalfejn mhux biss sar dak il-ġudizzju ħażin imma baqa' jippersisti u jippersisti u jippersisti, anke meta kien ċar li Keith Schembri u Konrad Mizzi - imma speċjalment Keith Schembri, se jdaħħlu ġo ħajt. 

Possibbli, għaliex kien 'doer' u 'nudger in chief' dan il-persuna u għaliex, veru, kellu parti importanti mir-rebħa Laburista kien indispensabbli?  Jiġifieri Muscat ma kellux il-poter li jkeċċih meta kien ċar li dan għandu irbit ma' Yorgen Fenech, li Muscat kien jaf illi kien suspettat f'assassinju? Jiġifieri Muscat ma staqsiex kemm huma fondi dawk ir-rabtiet (ta' 17 Black) ma' Hearnville u Tillgate? U allura bħala Prim Ministru ma kellux jieħu l-azzjoni fil-ħin għax kien jaf - jew suppost kien jaf -  li ħadd ma jiftaħ kumpanija f'ġurisdizzjoni maħmuġa u jirċievi, skont email ta' min fetaħlek dik il-kumpanija, $2 miljun dollaru minn kumpaniji fil-Bangladesh  u l-Indja u ma jkollux intenzjonijiet ħżiena?  Niftaħru tant li aħna ċentru ta' servizzi finanzjarji.  Għax ma qallux lil Keith Schembri biex jiftaħ il-kontijiet ma' bank Malti?  Jiġifieri Prim Ministru li kien ilu fil-politika snin u li jekk xejn kien magħruf kemm huwa stuż u strateġiku ma setax induna xi ħsara politika jista' jikkawża chief of staff li jiftaħ kumpanija fil-Panama, ftit wara li jsir chief-of-staff, allegatament kien se jdaħħal eluf kuljum u rabat din il-kumpanija fil-Panama ma' dik ta' negozjant? 

Qabel biss naslu għall-assassinju ta' ġurnalista dan waħdu kien diġa' jimmerita li Schembri jitneħħa. U Konrad Mizzi miegħu.

Imbagħad Yorgen Fenech jimplika lil Schembri f'dan l-assassinju, jgħid li ħallas sa €80,000 biex din tinqatel, Melvin Theuma jgħid li l-pjan biex tiġi assassinata twaqqaf minn Fenech meta kienet ġejja l-elezzjoni tal-2017 u reġgħet bdiet wara u nsiru nafu li permezz ta' ittra anonima moqrija wkoll mill-Kabinett dan l-assassinju tpoġġa f'ħoġor l-eks Ministru Chris Cardona.  U allajbierek il-kaligrafija tal-ittra għadha ma ġietx investigata meta huwa ovvju li dik l-ittra inkitbet minn min ried jitfa' dan l-assassinju fuq Cardona jew inkella ried jiddevja l-attenzjoni. 

Ir-risposta li messu kellna s-Sibt filgħodu huwa x'ġara li ma nafux, x'hemm li għandna mhux konxji tiegħu sal-lum u x'kurrenti kien hemm li għadhom misturin illi minħabba fihom Schembri u Mizzi żammew mas-siġġu sakemm niżlu huma u niżlu Prim Ministru magħhom?

Imbagħad Muscat kellu jirreżenja.  Ma kienx għad fadallu wisq għażla f'dak il-punt.  Anzi, ma ħalliex għażla għalih innifsu f'dak il-punt.  Għax kien jidher u għadu jidher sal-lum li dawn id-doers kienu ogħla mill-partit, ogħla mill-Gvern u ogħla minn kulħadd - inkluż mill-Prim Ministru.  

Sadanittant il-Prim Ministu kurrenti mhux talli neħħa lil Schembri, talli wieġeb għall-isfida ta' Konrad Mizzi billi keċċieh, b'mod xejn ċerimonjuż, mill-partit b'vot fl-Eżekuttiv.  Għalfejn Abela seta' jagħmilha u Muscat le? 

Ir-risposta li messu kellna s-Sibt filgħodu huwa x'ġara li ma nafux, x'hemm li għandna mhux konxji tiegħu sal-lum u x'kurrenti kien hemm li għadhom misturin illi minħabba fihom Schembri u Mizzi żammew mas-siġġu sakemm niżlu huma u niżlu Prim Ministru magħhom? 

Xi ħaġa li għadha mhux pubblika hemm. Xi fatt li għadu mistur bilfors li hemm.  F'din l-istorja ta' din il-koalizzjoni ta' suppost ħbiberija għad hemm vojt li jrid jimtela' li jwieġeb il-mistoqsija bażika u kardinali:  Għaliex ma neħħiehomx meta kien ċar li dawn se jgħerrqu lilu u lill-Gvern? Għaliex?

Ma jistax ikun li Prim Ministru li tela' fil-poter darbtejn b'maġġornza ta' 36,000 vot, chess player politiku prim, li kien qed iwettaq bidliet kbar f'ċerti setturi, jippermetti lil tnejn minn nies iniżżluh mill-poter, kappriċożament - għax riedu jistagħnew. 

Mela jew Muscat kien għami fuq dawn it-tnejn, jew ħallewh fil-għama (dik ħbiberija!), jew kien jaf x'inhu jiġri u ppermetta jew kien jaf x'inhu jiġri u ma setax jagħmel mod ieħor għax idejh kienu marbuin. 

U hekk spiċċa mill-politika persuna li fl-2013 eluf kbar ta' nies kienu jemmnu ġenwinament u onestament li jista' jibda paġna ġdida u fl-2017 mill-ġdid tawh ċans ieħor biex ikompli f'din it-triq u fejn kien hemm l-iżbalji, jirranġahom.  Minflok sentejn wara li rebaħ bil-famużi 40,000 vot kellu jirriżenja, meta qablu kien hemm Prim Ministru li baqa' sal-aħħar jum tat-terminu tiegħu b'nofs banketta u 1,500 vot maġġoranza!  

Ġudizzju politiku ħażin? Tridx tmur!  U aktar minn hekk ukoll. 

Fuq hekk għandha tagħfas l-inkjesta.  Għal din ir-risposta mela dwar Glenn Bedinfield u r-relazzjoni bejn il-politiku u l-ġurnalist! 

More in Politika