Ivan Castillo | Is-siġar m’għandhomx vot

Ivan Castillo huwa Kunsillier fil-Mellieħa u kandidat f'isem il-PN

It-triq wara li nqalgħu s-siġar
It-triq wara li nqalgħu s-siġar

Huwa fatt magħruf li l-politika ta’ dan il-Gvern hija li jelimina mijiet ta’ siġar maturi bl-iskuża li dawn qed ifixklu l-ħidma ta’ dan il-Gvern. U jekk wieħed iħares madwaru malajr jinduna li x-xenarju fit-toroq u pjazez ewlenin f’dawn l-aħħar seba’ snin inbidel minn aħdar għall-griż u iswed. Issa verament faċli li ir-risposta tkun li “għal dik il-waħda li inqatlet żrajna 100”. Pero' l-ħsieb kellu jkun li insalvaw il-waħda u xorta żrajna mija!  Għax dik il-waħda importanti daqs il mija li żrajna, suppost, jekk vera rridu nagħtu l-impressjoni li jinteressana mill-ambjent.

Ta’ min infakkar li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, inbnew toroq, pontijiet u anke tħaffru mini. Kemm jista’ jkun, id-direzzjoni kienet li nibżgħu għall-ambjent tal-madwar, siġar maturi tipprova tħallihom fil-post u tħawwel oħrajn sabiex l-effett negattiv ikun mill-inqas. Ma’ dawn saru anke parks fosthom f'Ta’ Qali, Kennedy Grove u l-Park tal-Familja f’Marsaskala li fihom tħawwlu eluf ta’ siġar, kif ukoll l-egħluq tal-miżbla tal-Magħtab u l-passi li ttieħdu sabiex din tkun ikkonvertita f’park li jħaddar. Ittieħdu inizjattivi bħat-tree for you b’kampanja kontinwa fuq il-mezzi tax-xandir sabiex titrawwem kultura favur il-ħarsien tal-ambjent u tħawwil ta’ iktar siġar. 

Irridu niżirgħu l-idea li xogħol ta' kostruzzjoni u l-ambjent jridu jiżżewġu, jaqbdu id f’id. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni huwa pilastru importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna u ma jistax jiġi eliminat pero' rridu nirreġenerawħ, irridu naraw kif miegħu indaħħlu il-kunċett ta’ infrastruttura ambjentali.  Dan jrid jkun il-kunċett il-ġdid li jibni lis-settur mill-ġdid. Dan ser jiġġenera aktar xogħol, aktar infrastruttura ħadra, aktar impjiegi u jekk nintegraw dawn flimkien, aktar arja nadifa. 

Sfortunatament illum id-direzzjoni hija kompletament l-oppost.

Donnu sar eħfef li tqaċċat kull ma ssib quddiemek biex twessa’ triq jew tħaffer mina minflok naraw kif nistgħu nintegraw flimkien l-ambjent u x-xogħol li hemm bżonn li jsir. 

Kemm kien ikun isbaħ naraw  l-esperti u l-konsulenti tal-Ministeru tat-Toroq jħabblu moħħhom sabiex jaraw li jekk hemm siġar ta’ kważi mitt sena dawn ikunu parti integrali mill-proġetti l-ġodda.  Minflok u sfortunatament is-soluzzjoni kienet li tqaċċat kull ma naħsbu li jtellef!

Kull min joħroġ mid-dar u jagħmel idejh fuq il-kuxjenza jinduna li dan li qed ngħid huwa minnu. Ħarsu lejn in-niżla tal-Addolorata. Għexieren ta’ siġar taċ-ċipress twal erba’ sulari ġew imqaċċta biex twessgħet in-niżla u saret bankina wiesa daqs korsija. Kemm kien jkun isbaħ li fuq dik il-bankina u l-ħitan niġġeneraw l-idea ta' infrastruttra ħadra. Faċilment stajna erġajna ħawwlilna numru ta’ siġar it-tul kollu, jew living walls...

It-triq qabel inqalgħu s-siġar
It-triq qabel inqalgħu s-siġar

Fil-bypass tal-Mellieha, wara li din it-triq ġiet qisha wave pool, u sa issa ma tranġatx, żergħu sitt siġar...  iva sewwa qrajt, sitta! Tifhmunix ħazin!  Li sar xi ħaġa, minflok xejn, huwa tajjeb.  Pero' huwa ċar li dawn saru bħala tattika pubbliċitarja  biex nippruvaw ngħattu ix-xemx bl-għarbiel. 

Ħarsu ftit lejn il-bypass ta’ Santa Luċija fejn tqaċċtu s-siġar kollha biex issa wkoll hemm triq b’bankina wiesa li jkun jista’ jgħaddi trakk minn fuqha. Triq li qabel kienet mimlija siġar matura u li llum m’hemm xejn fiha ħlief konkos u tarmak.

Ħarsu ftit lejn Pjazza Kastilja, fejn tqaċċtu s-siġar li kien hemm biex issa m’hemm xejn għajr erba’ pjanti jiġru l’hawn u l’hinn. L-aqwa li kullimkien madum!

Ħarsu ftit lejn l-isfreġju li qed isir fil-proġett tas-Central Link. Tant siġar li ilhom iħaddru u jsebbħu dawn l-inħawi għal għexieren ta’ snin li issa flok raw kif għamlu u integraw kemm jista’ jkun minnhom fil-proġett, għattew kollox sabiex ikunu jistgħu jqaċċtuhom u ma jagħtux fil-għajn! Saħansitra siġra sinonima ma’ dawn l-inħawi tqaċċtet dakinhar li l-Ministru tal-Finanzi kien qed jaqra l-Baġit fit-8:00 p.m

Se naslu f'sitwazzjoni fejn il-ħdura tas-siġar nibqgħu narawha biss fuq programmi ambjentali ta’ stazzjonijiet barranin? Iva, possibbli f’dan il-Gvern m’hemm ħadd li għandu kuxjenza ambjentali? Kif jista’ jkun li pajjiżna jibqa’ jitlef mijiet ta’ siġar maturi biex imbagħad jinbidlu ma’ siġar twal tletin ċentimetru? Kif jista jkun li ERA ma ssabbatx saqajha u tessiġi li dan li qiegħed ngħid jien jseħħ? Kif jista’ jkun li mhux jindunaw li nistgħu inkattru iżjed xogħol ta' valur miżjud, fejn il-ħaddiema jitħallsu pagi aħjar, f’kundizzjonijiet tajbin. 

Dawn huma ftit mistoqsijiet sabiex inqajjem kuxjenza. Sabiex almenu nibżgħu għal dak li għandna u li ħa ammont ta’ snin biex kiber u żviluppa. Sabiex pajjiżna jerġa jibda jħaddar mhux fil-qlub, iżda fil-pjazez u t-toroq tagħna. Donnu li sirna nikkuntentaw bil-blokok telgħin fuq xulxin li kissru kull estetika fl-irħula Maltin u Għawdxin.

Nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom – X’pajjiż tixtiequ tħallu għal dawk ta’ warajkom?

More in Politika