Analiżi | 'Ħuti Maltin u Għawdxin' ... Meta l-popolari jsir populista

Il-populiżmu x’inhu ? Imma l-populiżmu dejjem ħażin ? Minn fejn beda ? F’Malta kif żviluppa ? Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravina janalizzaw

Il-kliem ‘populista’ u ‘populiżmu’ sikwit jitfaċċaw fid-diskors politiku u fir-riċerka tax-xjenzati soċjali u politiċi.  Ħafna drabi, f’kuntest ta’ pika bejn partiti, il-kliem imsemmija jintużaw biex joskuraw lir-rival politiku; ġest li jindika li l-kelma populiżmu, jew il-varjazzjonijiet tagħha, għandhom konnotazzjonijiet negattivi, u meta tissemma’ x’aktarx li tkun qiegħda tintuża biex twaqqa’, tbaxxi jew tiddipprezza lin-naħa l-oħra.  

Ġeneralment, il-populiżmu jdur madwar figura politika, x’aktarx kariżmatika u verbuża, li għandha l-qawwa li tappella l-aktar lill-‘poplu’ komuni, li jħossu mġenneb mill-politiċi ‘komdi’ u minn dawk li dejjem gawdew mill-mejjilla tal-ġid. L-għaġna ta’ min hu ‘għadu tagħna’ hija waħda, u ġeneralment tissejjaħ ‘establishment’, terminu mċajpar li jiġbor lil kull min jitqies bħala kwalifikat għat-tisliba politika.     F’kuntest ta’ uġigħ ta’ din il-massa, il-populist jappella għax jippożizzjona ruħu bħala l-barrani f’sistema mnawra, u allura jidħol fil-kolossew politiku bħala l-gladjatur messjaniku u fejjiedi f’isem din il-massa oppressa.  Fl-uġigħ tagħha, il-massa qajla tinduna bil-falzità tal-messaġġ populista li jwiegħed kollox lil kulħadd, inkluż qawmien immedjat mill-mewt soċjali u ekonomiku, u trażżin mhux biss tal-wikkiela tal-poter imma wkoll tal-‘mostru barrani’.

Dan tal-aħħar, f’moħħ il-ġemgħa rrabjata, ħafna drabi jitqies bħala l-impreżarju ewlieni tar-rovina personali tagħhom. 

Il-populiżmu mhux biss tal-lemin ...

Ħafna huma dawk li għandhom l-impressjoni li l-populiżmu huwa fenomenu riċenti u marbut intimament mal-lemin estrem. Filfatt, il-populiżmu m’huwiex fenomenu ġdid fil-politika. Biex ma mmorrux daqshekk ’il bogħod, fl-Istati Uniti tas-seklu dsatax u fir-Russja pre-rivoluzzjonarja, diġà kien hemm movimenti/partiti populisti. Fir-Russja pre-rivoluzzjonarja, kienu bosta l-intellettwali li aġitaw lill-massa tal-bdiewa, u fl-Istati Uniti tas-seklu dsatax inħoloq il-moviment tal-bdiewa li fi ftit snin żviluppa fil-Partit tal-Poplu. 

Fis-seklu għoxrin, id-dinja rat diversi movimenti u individwi li daħlu f’relazzjoni populista mal-massa, mill-Peroniżmu fl-Arġentina għan-Nasseriżmu fl-Eġittu.  Aktar riċenti, f’dawn l-aħħar snin, il-populiżmu xxettel, kemm fuq in-naħa tax-xellug politiku kif ukoll fuq dak lemini – Donald Trump, Viktor Orbán, Rodrigo Duterte, Marine Le Pen, Matteo Salvini u Jair Bolsonaro fuq ix-xaqliba leminija, u Evo Morales, Hugo Chavez, Andrės Manuel López Obrador fuq in-naħa xellugija, biex insemmu ftit eżempji.    

Juan Domingo Peron tal-Arġentina
Juan Domingo Peron tal-Arġentina

Il-populiżmu tkattar hekk kif il-moviment Soċjal Demokratiku, ix-xellug meqjus bħala palatabbli mill-massa tal-Punent, daħal fi kriżi eżistenzjali fis-snin Sebgħin, fl-istess żmien meta l-globaliżazzjoni saret kelma fuq fomm kulħadd.  Aspetti mill-‘welfare’ bdew jitqiesu bħala ħela ta’ flus jew spiża mhux affordabbli. L-għajta tal-politika soċjali li taħseb fil-batut inbidlet f’dik li timbotta sabiex il-baġit jiffinanzja lil min għandu u, marbuta ma’ dan, tipprepara lill-batut ħa jaħdem. Il-ħolma kienet li l-batut jaqla’ lilu nnifsu mill-miżerja, u mhux li jħalli f’idejn il-gvern. Il-privat, fejn jista’, jagħtih l-opportunità li jaħdem. B’hekk, karattru prim tal-globalizazzjoni – l-investiment barrani - jirnexxi. Dan fetaħ xenarji oħra fil-politika, b’anqas gvern, b’emfasi akbar fuq il-ġid privat, ir-rappreżentazzjoni tal-fqir bħala potenzjalment abbużiv u parassita tas-soċjetà, it-tnaqqir tax-xibka soċjali u l-komodifikazzjoni ta’ servizzi pubbliċi.

In-normalizzazzjoni tal-kultura tal-profitt  

Iċ-ċentru politiku, aċċellerat bil-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, u mill-verżjoni estrema tal-ekonomiżmu lemini, fis-sura tal-esperiment neo-liberali fiċ-Ċile, fl-era Pinochet, u l-imperjaliżmu u l-universaliżmu ideoloġiku-militari aggressiv ta’ żmien Reagan u Thatcher, waslet għal politika li tinnormalizza l-kultura tal-profitt l-ewwel, ta’ kollox suq, inkluż il-bniedem, u tal-illużjoni li l-era tal-ideoloġiji spiċċat u li l-Istorja ntemmet. 

Margaret Thatcher
Margaret Thatcher

Dan il-kuntest, ikkaratterizzat minn tnaqqir sistematiku tal-alternattivi ideoloġiċi u viżjonarji ċari, mifruxin u normalizzati, wassal għal polariżazzjoni soċjali u ekonomika, u għall-aljenazzjoni, speċjalment ta’ dawk li storikament dejjem sabu kenn fit-twemmin xellugi, li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar sar kompromessist fl-approċċ politiku tiegħu.  B’konsegwenza ta’ dan kollu beda jidher ċaqlieq fil-lealtà tal-massa, u emoraġija numerika lejn movimenti populisti.  Kultant, fil-wiċċ, iċ-ċaqlieq jidher stramb, bħal, per eżempju, ħaddiema li tradizzjonalment ivvutaw lill-Partit Komunista Franċiż bdew jivvutaw lill-partit ta’ Le Pen, jew qatgħat tradizzjonalment Laburisti qasmu l-fruntiera politika u bdew jivvutaw lill-Partit Konservattiv Ingliż u lill-UKIP.  Ħafna minnu huwa riżultat ta’ diżorjentament relazzjonarju, mases li ma baqgħux jagħrfu lill-partiti li twieldu biex iservuhom.  Stramb ukoll għax tefa’ fuq l-istess keffa, dawn il-partiti anti-globalizazzjoni li jiddefendu l-kapitaliżmu nazzjonali mal-movimenti anti-kapitalisti taż-żgħażagħ No Global.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-ideoloġija ċentrista hija essenzjalment il-kompromess pragmatiku ta’ partiti u politiċi, li biex jeżistu elettoralment iridu jgħixu mal-liġi ddettata mis-suq u mill-forzi eġemoniċi globali li kapaċi jimponu l-ideoloġija tas-suq fuq il-gvernijiet nazzjonali, b’konsegwenzi serji għall-pajjiż jekk il-mexxejja joffru ideoloġija radikalment kuntrarja. Filwaqt li l-għeruq tal-populiżmu jistgħu jkunu ħerġin mill-ħamrija politika nazzjonali, it-tibdil fil-klima politika huwa transnazzjonali.   Kif rajna f’diversi nħawi tal-Amerka Latina, il-maltemp f’pajjiżi li refgħu rashom b’retorika anti-imperjali spiċċa f’għarar li kaxkar ħafna mix-xogħol politiku b’risq l-imġarrab.  

Il-populiżmu f'Malta

Storikament, il-populiżmu f’Malta għadda minn metamorfosi.  Fis-snin sittin kien għadu jiddomina l-populiżmu kulturali mmexxi mill-Knisja Kattolika, il-kleru u l-għaqdiet kollha miġburin taħt l-umbrella; eġemonija kapillari, fil-knejjes, fl-iskejjel, fil-postijiet pubblici, f’ħafna każini, fil-midja u nħawi oħra.  Għalkemm kien hemm waqtiet ta’ konfront dirett u reżistenza, ħafna mill-oppożizzjoni għall-eġemonija tal-Knisja Kattolika bħala istituzzjoni kienet passiva; reżistenza ta’ nies li xorta qiesu lilhom infushom Kattoliċi.

Fis-snin sebgħin, il-populiżmu ħa xejra aktar politika, b’Mintoff jiddomina, b’metodi li jixbħu lil dawk użati mill-kleru u b’immaġni simili, bħal dik tar-ragħaj it-tajjeb li jieħu ħsieb il-poplu sempliċi u spontanju, u d-differenza bejn l-Ewropa ta’ Abel u dik ta’ Kain. Fil-populiżmu Mintoffjan, ftit li xejn kien hemm lok għall-avangwardji jew intellettwali li jaħdmu l-art ideoloġika.  Kollox kien hu. Il-Perit mhux biss ipprietka kontra dawk li ħasbu li s-snin sittin qatt ma kienu se jinbidlu, iżda kien attent ħafna li ma jispiċċax imminat mix-xellug intellettwali u radikali fi ħdan il-partit.  Sikwit kien jirreferi għall-Brigate Rosse biex ibeżża’ kontra l-infiltrazzjoni tax-xellug estrem.  

Dom Mintoff (warajh Sammy Meilak)
Dom Mintoff (warajh Sammy Meilak)

Kien taħt it-tmexxija ta’ Fenech Adami li nistgħu nitkellmu dwar populiżmu ieħor, in-neo-populiżmu tas-suq u l-libertà tal-għażla b’kuntrast mal-għażla mċaħħda.  Taħt l-impatt ta’ din il-formola politika rebbieħa, il-Labour bidel l-istrateġija tiegħu u resaq lejn iċ-ċentru politiku, f’pajsaġġ politiku li biż-żmien beda jsir aktar ideoloġikament monotonu – kummerċ u profitt fiċ-ċentru, bil-politiku jagħlef b’mod strateġiku lil faxex differenti tal-massa, f’taħlita ta’ ġenwinità mill-għeruq u predatorija elettorali.  F’dan kollu, fuq kull naħa, spikkaw iċ-ċentralità u l-awtoritarjaniżmu tal-mexxej, anki meta l-politiku beda jgħajjat bil-libertà.     

Fl-iżvilupp storiku tal-populiżmu Malti, il-poplu ġie ffurmat permezz ta’ kuntatt dirett bejn il-mexxej u l-folla, mingħajr intermedjarju. Għalkemm f’Malta, id-distretti mhux faċli tikkontrollahom għax tradizzjonalment ħafna minnhom tmexxew bħal fewdu medjevali, lanqas il-partit ma tħalla jidħol fin-nofs. Il-mexxej populist dejjem ta l-impressjoni li hu bicca waħda mall-poplu. Saħansitra juża’ l-kliem u l-ġesti tal-poplu. Dawk li jikkuntrarjawh jitqiesu bħala rivali jew għedewwa; jitwarrbu bil-pulit, jiġu injorati jew umiljati fil-pubbliku b’espressjonijiet li jvarjaw minn ‘torri tal-ivorju’ u ‘teorija biss’ għal ‘bsaten fir-roti’ u ‘negattivi’. Il-qasma bejn il-jien tan-nies u l-intom, l-intellettwali maqtugħin min-nies, sikwit intużat meta l-populist sab ruħu mal-ħajt, ikkonfrontat mill-evidenza.  B’mod permanenti nħolqot klima anti-intellettwali li kompliet tiggalvanizza d-dikotomija bejn il-moħħ u l-id.  

Il-populiżmu mhuwiex biss retorika.  Mintoff, kariżmatiku, kien jgħallem lil dawk li jisimgħuh. Għal uħud, apparti kliemu, u dawk tal-qassis, ma tantx kienu jisimgħu lil ħaddieħor. Fid-diskorsi ta’ Mintoff lill-massa, ir-reċta populista ma baqgħatx biss arti iżda tmaljat mat-tagħlim, għax il-kliem kien b’saħħtu biżżejjed biex jifforma l-persuna u jeffetwa dak li tagħmel. U fejn l-istituzzjonijiet prinċipali tal-pajjiż, inkluż il-partit innifsu, kaxkru saqajhom, Mintoff ħejja l-bidla barra mill-istituzzjoniiet, fit-toroq u l-pjazez, b’ton preskrittiv, retorika performattiva mal-massa.
Biex nikkonkludu, Ernesto Laclau, il-ħassieb mill-Arġentina u espert dwar il-populiżmu, jara potenzjal pedagoġiku formattiv fil-fenomenu.   Laclau irraġuna li n-nies m’humiex imdejqin jew irrabjati għalxejn.  Fir-rabja ra l-bidu ta’ proċess b’potenzjal trasformattiv, li jekk il-populist xellugi jieqaf ikun purament predatorju, jista’ jitrasforma r-retorika f’kolla li tgħaqqad lin-nies bi bżonnijiet differenti imma ekwivalenti fiċ-ċaħda minnhom, per eżempju, setturi mill-klassi tal-ħaddiema ma’ setturi oħra, f’korp pubbliku konxju u nfurmat, b’possibilità li l-massa passiva li tidentifika mar-retorika ta’ populist, tqum b’għajta għal tibdil fundamentali fis-soċjetà. Populiżmu li jista’, skont Laclau, iservi lit-trasformazzjoni soċjali aktar milli lill-politiku konvenzjonali.  

Ernesto Laclau
Ernesto Laclau

Il-Professur Carmel Borg huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Arti, Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti, fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni. Dr Joe Gravina huwa lettur fl-istess fakultà.  It-tnejn iħarsu lejn fenomeni politiko-soċjali b’lenti interdixxiplinarja.

 

More in Politika