Owen Bonnici | Insaħħu s-settur tal-Edukazzjoni

Dan kien bagit li jirrifletti ekonomija b’saħħitha li hija kruċjali biex jippermettu li l-Gvern ikompli għaddej bil-pjani tieghu, pjani li jpoggu fuq quddiem liz-zghir u lil dawk vulnerabbli

Din il-ġimgħa tħabbar il-Baġit. Ovvjament l-istennija tal-poplu ma kinitx jekk, imma kif il-Gvern se jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu ħalli jkattar il-ġid f’pajjiżna. 

Dan kien bagit li jirrifletti ekonomija b’saħħitha li hija kruċjali biex jippermettu li l-Gvern ikompli għaddej bil-pjani tieghu, pjani li jpoggu fuq quddiem liz-zghir u lil dawk vulnerabbli, lil dawk li l-aktar li ghandhom bzonn.

Huwa wkoll baġit li se jkun mibni fuq ħames prijoritajiet. Dawn kienu ssemmew waqt laqgħa tal-kabinett li saret għall-ewwel darba fl-istorja, fil-Kamra tal-Kummerċ: Governanza tajba, tkabbir ekonomiku, Edukazzjoni, Infrastruttura aħjar u li Malta ssir newtrali fil-karbonju sal-2050. Ħames pilastri ewlenin tal-politika ekonomika tal-gvern.

L-Edukazzjoni qed tkompli tingħata l-importanza li jistħoqqilha u kif dejjem ingħatat minn Gvern Laburista, kif se tkompli tingħata wkoll fil-baġit ta’ għada.

Xhieda ta’ dan huwa l-investiment li kompla għaddej biex dan is-settur dejjem jissaħħaħ f’kull ma jeħtieġ u fil-lati varji tiegħu. Mhux lanqas fejn tidħol infrastruttura marbuta mat-tagħlim tal-Edukazzjoni. U dan qed nagħmluh u se nkomplu nagħmluh b’impenn sħiħ għall-benefiċċju ta’ uliedna u ulied uliedna u wkoll ta’ dawk kollha li huma konnessi ma’ dan il-qasam, fuq quddiem ukoll l-edukaturi kollha tal-pajjiż.
F’temp ta’ għaxart ijiem kellna tlitt okkażjonijiet li bejniethom raw investiment ta’ mhux anqas minn €28 miljun f’infrastruttura fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan jixhed l-impenn li għandna lkoll biex verament inpoġġu dan is-settur fuq quddiem u nkomplu ninvestu fit-tfal tagħna billi ninvestu f’dak li għandhom bżonn – ambjenti aħjar biex fil-post fejn jistgħu jieħdu l-aħjar edukazzjoni, fil-klassi – jieħduha kif jixraq.

Apparti l-inawgurazzjoni tal-Iskola ġdida tal-Qawra, u wkoll l-inawgurazzjoni tal-modernżazzjoni u estensjoni tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, poġġejna wkoll l-ewwel ġebla tal-Iskola ġdida tal-Primarja fl-Imsida.

+++

Il-bini tal-Iskola Primarja ġdida fl-Imsida huwa proġett li nvolva t-twaqqigħ tal-iskola eżistenti u l-bini ta’ skola kompletament ġdida fuq l-istess sit. Se tinżamm parti mill-faċċata tal-iskola l-antika biex tkun inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida. 

L-iskola l-ġdida se jkollha madwar 40 klassi: 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifici bħall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. L-iskola se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna. 

Tajjeb li ngħid li l-librerija pubblika, is-sala kif ukoll parti mill-ispazju rikreattiv se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. Id-daqs tal-iskola kollha, inklużi ż-żoni ta’ rikreazzjoni, se jkun ta’ 10,000 metru kwadru. Fl-ippjanar tal-iskola ġew imħarsa wkoll il-ħtiġijiet tal-komunità bħall-parkeġġ, childcare centre u se jkunu akkomodati wkoll għaqdiet volontarji. Filfatt bħala parti minn dan il-proġett se jinbena wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts.

Din se tkun faċilità edukattiva moderna u futuristika ppjanta b’mod speċifiku biex tagħti l-aqwa edukazzjoni lil uliedna. Faċilità edukattiva li se jkollha wkoll l-għodda li hemm bżonn biex tgħallem ħiliet oħra li t-tfal ikollhom bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.

Taħt l-iskola se jkun hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li se jieħu ‘l fuq minn 100 karozza.

Nieħu gost li f-iskola l-ġdida se jkun hemm żewġ features innovattivi għall-iskejjel f’pajjiżna. F’din l-iskola se jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘outdoor classroom environment’ bi spazju fuq barra fejn l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu ċertu lezzjonijiet fuq barra. Dan l-ispazju se jkun imsaqqaf b’tinda u se jkun imdawwar b’siġar, pjanti u fjuri. 
Kunċett innovattiv ieħor huwa l-ħolqien ta’ ‘green wall’ fuq waħda mill-faċċati tal-iskola. Din il-faċċata se tkun miksija bi ġnien vertikali. Inizjattiva li se tkun estiża wkoll għall-btieħi tal-Iskola.

Dan il-proġett li huwa f’idejn in-nies abbli ferm tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, qed isir b’investiment ta’ madwar €10 miljuni, u din l-iskola se tilqa’ fiha 500 student.

+++

Il-ġimgħa li għaddiet daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta’ studenti li kien fadal jidħlu fl-iskejjel statali biex b’hekk sa’ nhar l-Erbgħa li għaddiet daħlu t-tfal kollha għat-tkomplija tal-aħjar edukazzjoni tagħhom.

Dan wara deċiżjoni li kienet ittieħdet li għal din is-sena skolastika l-istudenti tas-snin ta’ edukazzjoni obbligatorja jidħlu mqassmin fuq tul ta’ ġimgħa bejn is-7 ta’ Ottubru, 2020 u llum. Deċiżjoni li ġiet segwita wkoll minn skejjel oħrajn, senjatament dawk tal-knisja.

B’kollox huma 33,361 l-istudenti li huma reġistrati ma’ xi waħda mill-iskejjel tal-istat fis-snin tal-kindergarten u dawk tal-edukazzjoni obbligatorja. Hemm ukoll 22,374 student ieħor fl-istess snin li huma reġistrati ma’ xi waħda tal-iskejjel li mhumiex tal-istat.
Kif ktibt kemm-il darba, din is-sena ttieħdu għadd ta’ miżuri bla preċedent għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-COVID-19.  Fit-2 ta’ Settembru, 2020 ġie ppubblikat protokoll għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel mill-awtoritajiet tas-saħħa wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni. Dan il-protokoll ġie implimentat permezz ta’ aktar minn 50 miżura li ttieħdu fl-iskejjel kollha tal-istat u sar risk assessment indipendenti minn esperti meqjusa bħala persuni kompetenti mill-OHSA għal kull skola. Saru wkoll bidliet fis-sillabu u f’diversi metodi ta’ tagħlim sabiex wieħed jilqa’ għar-realtajiet ġodda waqt li saru ftehmiet mal-partijiet ikkonċernati ewlenin sabiex jiġi assigurat li jkun hemm edukaturi fil-klassijiet tal-istudenti, anke meta xi edukatur ma jattendix l-iskola minħabba raġunijiet ġustifikati.

+++

Din il-ġimgħa wkoll il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi fetħet żewġ ċentri speċjali u ġodda ta’ Klabb 3-16 biex jilqgħu fihom studenti minn dawk l-iskejjel tal-Knisja li matul din is-sena skolastika mhumiex se jkunu qed jilqgħu l-istudenti kuljum. 

Iż-żewġ ċentri—Maria Bambina fil-Junior College, u San Ġużepp fl-MCAST- jippermettu lil studenti li jsegwu t-tagħlim online preparat mill-iskola tagħhom f’ambjent tajjeb u addattat għalihom fil-ġranet meta mhux se jmorru l-iskola.

F’dawn iċ-ċentri qed jiġu segwiti l-protokolli kollha maħruga mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Is-servizz, immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, qed jippermetti lil ġenituri biex ikomplu bix-xogħol u bil-karriera tagħhom, moħħom mistrieħ li uliedhom huma mħarsa. Is-servizz jiftaħ fis-7am u jibqa’ għaddej sas-6pm. Il-ġenituri għandhom l-għażla li jiġbru lil uliedhom x’ħin iridu. Is-servizz huwa bla ħlas sas-2:30pm waqt li r-rati normali ta’ Klabb 3-16 japplikaw minn hemm ’il quddiem.

Sa issa s-servizz diġà qed jilqa’ tfal minn diversi skejjel tal-Knisja. Kull min huwa interessat li japplika għal dan is-servizz huwa mħeġġeġ biex japplika billi jżur is-sit: https://services.fes.gov.mt/ u jirreġistra. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jibgħat fuq: [email protected]

+++

L-awguri tiegħi lill-istudenti kollha fil-vjaġġ edukattiv tagħhom, lill-edukaturi kollha u wkoll nifraħ lil dawk l-istudenti li qed iżanżnu l-proġetti ġodda li nawgurajna fil-jiem li għaddew.

More in Politika