Editorjal | Il-ferita li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jgħatti

Wara l-verdett fil-proċess ta’ Yorgen Fenech u l-investigazzjoni fuq membri tal-ġurija, il-Gvern qed jiffaċċja pressjoni dejjem akbar biex imur lil hinn mill-prudenza istituzzjonali u juri x’se jinbidel konkretament fil-mod kif Malta tittratta l-wirt tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Hemm mumenti fil-ħajja ta’ pajjiż meta s-skiet ma jibqax prudenza. Is-skiet jibda jidher bħala vojt. U fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern Malti qiegħed jirriskja li jħalli dan il-vojt jimtela minn kull tip ta’ interpretazzjoni, rabja u suspett. 

Il-verdett lil sab lil Yorgen Fenech mhux ħati, wara proċess ta’ 55 jum u vot ta’ 8-1 mill-ġurija, kien wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti fl-istorja ġudizzjarja riċenti ta’ Malta. Il-Gvern ħareġ stqarrija fil-jum tal-verdett u l-għada, iżda l-messaġġ tiegħu kien essenzjalment wieħed ta’ prudenza, rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-proċess legali. 

Imma pajjiż trawmatizzat minn disa’ snin ta’ mistoqsijiet ma jistax jibqa’ jgħix biss fuq frażijiet istituzzjonali. 

L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg spiċċat taħt pressjoni politika wara l-eżitu tal-proċess, bil-Partit Nazzjonalista jitlob ir-riżenja tagħha. Il-Gvern, min-naħa tiegħu, għandu kull dritt iħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu mingħajr interferenza politika. Iżda dan ma jfissirx li għandu jibqa’ sieket quddiem il-mistoqsijiet leġittimi li qamu dwar kif tmexxa dan il-każ u dwar x’għandu jiġri wara. 

U issa kellna żvilupp li kompla jżid il-piż fuq pajjiż li diġà qiegħed ibati biex jifhem dak li ġara. 

Diversi ġurati li servew fil-proċess ġew interrogati mill-Pulizija, u ġurata ta’ riżerva wkoll ġiet arrestata. Il-Pulizija qalet li l-investigazzjoni hija marbuta mal-ġurament tal-ġurati u ma’ kummenti pubbliċi li setgħu saru qabel beda l-proċess; f’każ wieħed qed jiġi investigat ukoll allegat pussess ta’ mowbajl waqt il-proċess. 

Dan ma jfissirx li l-verdett għandu jiġi ddubitat. Lanqas ma jfisser li wieħed għandu jagħmel ġudizzju minn qabel dwar l-investigazzjoni. Iżda jqajjem mistoqsijiet serji dwar il-futur tal-ġuriji f’każijiet kriminali ta’ profil għoli. Kif se tintgħażel ġurija fil-futur? Kif se jiġu vverifikati l-kandidati? X’miżuri se jittieħdu biex jiġi protett il-proċess kollu? 

U fuq kollox: x’se jagħmel il-Gvern? 

Għaddew ħames snin minn meta l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Għad hemm sejħiet għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, b’organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsistu li l-inkjesta identifikat fallimenti istituzzjonali u kultura ta’ impunità li ma jistgħux jiġu injorati. 

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jħalli ż-żmien jgħaddi. 

Il-każ ta’ Daphne sar ferita miftuħa għall-pajjiż. Kull żvilupp ġdid jiftaħha mill-ġdid. Is-silenzju jagħmilha aktar profonda. 

Għalhekk xi ħaġa trid tinbidel. Mhux biex il-Gvern jindaħal fil-ġustizzja, iżda biex jagħti direzzjoni politika ċara lil dak li għandu jsir wara. L-appell, ir-riformi, ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta, il-futur tal-ġuriji u l-lezzjonijiet ta’ dan il-proċess kollha jeħtieġu diskussjoni miftuħa u serja. 

Malta ma tistax tibqa’ sospiża f’dan is-suspans. 

Il-pajjiż għandu bżonn tweġibiet. U fuq kollox, għandu bżonn jara li xi ħaġa tassew qed tinbidel. 

 

More in Politika