Carmel Cacopardo | Il-politika bażika dwar l-iskart

L-introduzzjoni ta’ inċineratur ser ikompli jiskoraġixxi lil dawk li bħalissa qegħdin jirriċiklaw

L-iskart hu dak li narmu. Imma dan għandu valur, xi kultant valur sostanzjali. 

Għexna l-parti l-kbira ta’ ħajjitna f’ekonomija linejari. Bħala riżultat ta’ hekk, wara li nikkunsmaw prodott, meta dan ma jibqax iktar utli għalina għax inkunu ħadna minnu dak kollu li stajna nieħdu, aħna narmuh.  

Bħala riżultat tal-mixja lejn ekonomija ċirkulari din l-imġieba għandħa tinbidel b’mod li wara li nikkunsmaw prodott, dak li jibqa’ minnu ma jintremiex. F’ekonomija ċirkulari, fi tmiem il-ħajja utli tiegħu, prodott użat jerġa jintuża’ biex bih tingħata l-ħajja lil prodott ġdid.  Dan hu l-iskop tal-politika sostenibbli dwar l-iskart.  

L-użu ta’ inċineratur biex jinħaraq l-iskart hu dikjarazzjoni ta’ falliment tal-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart. Din il-politika ma fallietx mil-lum għal għada. Hu falliment akkumulat  bħala riżultat ta’ tmexxija ħażina fuq numru ta’ snin. Huwa ukoll kawża tal-fatt li l-awtoritajiet naqsu milli jfasslu miri ċari u prattiċi li jwasslu messaġġ ċar fid-djar tagħna:  li kull wieħed u waħda minna għandu responsabbiltà diretta għall-iskart li nipproduċu. 

Ħarsu per eżempju lejn l-iskart organiku.  Filwaqt li bla dubju sar progress dwar l-iskart organiku ġġenerat fid-djar, il-pajjiż għadu lura ħafna biex jikkontrolla l-iskart organiku ġġenerat mill-industrija tat-turiżmu. L-impatti tal-pandemija Covid-19 fuq l-industrija tat-turiżmu  hi opportunità ta’ darba biex din l-industrija tinġieb f’sensiha dwar il-ħtieġa li tikkontrolla l-iskart li hi tiġġenera, partikolarment dak organiku, imma ukoll skart ieħor. Din hi opportunità li sfortunatament qed tintilef. 

Fir-riċiklar tal-iskart qegħdin  lura ħafna, l-bogħod ħafna mill-miri Ewropej li suppost jintlaħqu.  Preżentment Malta qed tirriċikla madwar 12% tal-iskart domestiku u dan meta d-Direttiva dwar l-Iskart tal-Unjoni Ewropea tistabilixxi l-mira ta’ 50% riċiklaġġ għas-sena 2020 liema mira tiżdied għal 55% fis-sena 2025. Dan juri kemm fil-fatt għandna falliment tal-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart f’Malta. 

Hu prinċipju bażiku tal-politika Ewropea dwar l-iskart li hemm  modi differenti ta’ kif l-iskart ikun immaniġjat. Uħud minn dawn il-modi huma effettivi iktar minn oħrajn. Qed nirreferi għall-waste hierarchy li tibda mill-modi l-inqas mixtieqa ta’ immaniġjar tal-iskart, il-miżbliet u l-inċineraturi u tibqa’ tiela’ sa l-iktar metodu mixtieq: li nnaqqsu aħna stess l-iskart li niġġeneraw, ċjoe il-prevenzjoni. 

L-użu ta’ inċineratur biex jinħaraq l-iskart hu dikjarazzjoni ta’ falliment tal-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart. Din il-politika ma fallietx mil-lum għal għada

L-inċinerazzjoni tinkoraġixxi r-rimi tal-iskart, għax b’hekk ikun hemm iktar x’jinħaraq! L-inċinerazzjoni xejn ma tinkoraġixxi li wieħed jagħti każ dwar dak li jikkonsma. Twassal messaġġ wieħed ċar: hemm l-inċineratur biex isolvi l-problema tal-iskart, inti m’għandekx għalfejn tagħti każ u tinkwieta. Għax l-inċineratur isolvi kollox! 

X’inhu l-benefiċċju ambjentali tal-inċinerazzjoni? Il-Gvern qed jiftaħar li ser jibda jiġġenera l-enerġija mill-iskart (waste to energy). Imma studju kkummissjonat mill-NGO Ambjentali internazzjonali  Zero Waste Europe intitolat The Potential Contribution of Waste Management to a Low Carbon Economy jindika li r-riċiklaġġ tal-iskart jista’ jiffranka ferm iktar enerġija minn kemm tiġi ġġenerata bl-inċinerazzjoni tal-istess skart. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart hi farsa oħra. 

Hemm ħtieġa ta’ iktar ħidma biex jonqos l-iskart li niġġeneraw (waste minimisation) kif ukoll biex nirriċiklaw ħafna iktar mill-skart tagħna għax bħalissa qed nirriċiklaw ftit wisq. L-industrija tar-riċiklar għandha l-potenzjal li tiżviluppa f’pilastru għall-ekonomija l-ħadra bil-ħolqien ta’ kwantità mhux żgħira ta’ impiegi. Il-proposta tal-Gvern favur l-inċineratur hi ostaklu kbir biex dan is-settur tant essenzjali għall-ekonomija ċirkulari ikun jista’ jissaħħaħ u jiżviluppa. 

L-introduzzjoni ta’ inċineratur ser ikompli jiskoraġixxi lil dawk li bħalissa qegħdin jirriċiklaw. 

Minflok ma jaħbi l-falliment tal-politika tal-iskart billi jaħraq iż-żibel ikun iktar floku li l-Gvern jidentifika ir-raġunijiet għall-falliment tal-politika tiegħu dwar l-immaniġjar tal-iskart u jaġixxi dwarhom.

More in Politika