Editorjal | Full up!

'Kienet il-politika espressa bl-aktar mod pubbliku u ċar taċ-Chief of Staff tiegħu stess Clyde Caruana - li mistenni jsir Deputat u forsi Ministru wkoll -  meta kien imexxi l-Jobs Plus, li Malta jeħtiġilha ġġib aktar barranin lejn il-pajjiż'

Dan l-aħħar smajna ħafna l-espressjoni 'Malta full up'.  Ma tridx ħin u lanqas xi għerf politiku kbir biex tgħidha.  Hija stqarrija li ħafna jħossu - f'pajjiż fejn normalment jekk tmur il-baħar kulħadd ma' xulxin, jekk titla' fuq tal-linja l-passiġġiera ppakkjati, fit-toroq normalment ħafna traffiku, tmur fejn tmur rases u nies - li hija vera.  Il-popolazzjoni Maltija tinsab viċin in-nofs miljun u fl-2019 ġew Malta 2.8 miljun turist, li jfisser illi b'kollox kien hawn f'sena, f'din il-gżira ċkejkna mat-3.3 miljun persuna.  X'ma nħossuniex full up!  Hija xi ħaġa naturali u ovvja li nħossu li hawn wisq nies, wisq karozzi u wisq ġenn. 

Fil-fatt jekk il-pandemija kellha effett pożittiv wieħed biss, dan żgur illi kien l-ispazju fuq il-bajjiet, fuq tal-linja, inqas traffiku.  Naturalment l-effetti negattivi huma bil-wisq akbar u fihom konsegwenzi ħafna aktar tqal. 

Imma naturalment dan mhuwiex il-'full up' li kellu f'moħħu l-Prim Ministru.  U nifhmu.  Wara kollox kienet il-politika espressa bl-aktar mod pubbliku u ċar taċ-Chief of Staff tiegħu stess Clyde Caruana - li mistenni jsir Deputat u forsi Ministru wkoll -  meta kien imexxi l-Jobs Plus, li Malta jeħtiġilha ġġib aktar barranin lejn il-pajjiż, għax l-ekonomija kienet qed tikber b'rata mgħaġġla u kien hemm bżonn li jiġu l-eluf biex jimlew impjiegi li kienu qed jinħolqu.  Fil-fatt skont ċifri kkwotati fuq ix-xandir nazzjonali bħalissa f'Malta hawn madwar 48,000 immigrant minn pajjiżi terzi.

Naturalment lanqas kien qed jirreferi għat-turisti jew inkella għall-barranin li xtraw iċ-ċittadinanza - dawk humiex suwed, bojod, Ċiniżi, Mit-Togo jew mis-Sawdi Għarabja - merħba bihom, għax tal-flus!  Għal dawk Malta żgur qatt mhi full up! 

ekk stess huwa vera, skont hu, li hawn xi erba' lokalitajiet fejn in-nies qed jgħixu fil-biża' hu x'se jagħmel biex ma jibqgħux? X'se jbiddel u kif se jġiegħel lin-nies ta' dawn il-lokalitajiet iħossuhom aktar siguri?

Le, il-full up li kien qed jirreferi għalihom kienu l-immigranti li jiġu bid-dgħajsa, għax wara kollox il-poplu lilhom qed jara deħlin u l-aħbarijiet lilhom iġibu  - mhux lil dawk l-eluf kuljum li jidħlu bl-ajruplan jew bil-baħar!  Allura naturalment jekk irridu niksbu punt irħis, ta' malajr - magħħhom irridu naqbdu mhux mal-eluf ta' Filippini, Serbi, Maċedonjani u aktar li Alla jaf kif qed jitħallsu u jitħaddmu! 

Mela nibdew billi niċċaraw din.  Il-messaġġ sottili - skont il-mod kif ingħata u skont kif infthiem minn ħafna - kien li Malta full up għax qed jidħlu nies b'karnaġġjon iswed bid-dgħajjes. Fil-fatt il-Prim Ministru qalilna li tant qed jaħdem biex Malta ma tkunx full up, li mhux qed iħalli dgħajjes b'nies ta' karnaġġjon iswed jidħlu (ħalliha li xorta daħ;let waħda bi 43 im migrant jumejn ilu)! Mela r-referenza hija ċara u l-argument qed isir fuq dawn l-immigranti partikolari, għax fuq l-eluf kbar li qegħdin hawn minn pajjiżi terzi u fuq dawk li ġew hawn għax xtraw il-passaport, ħadd ma qal xejn!

It-tieni punt.  Robert Abela għandu raġun u sewwa jagħmel li jieħu pożizzjoni iebsa ma' pajjiżi oħrajn fuq din il-kwistjoni.  U m'hemmx dubju li jekk jagħmel dan se jsib lill-poplu kollu warajh. Anke din il-gazzetta taqbel li Abela jkun sod fuq din il-kwistjoni hekk kif huwa ċar li l-Unjoni Ewropea mhix tkun solidali biżżejjed, anke jekk issa hemm il-Patt tal-Immigrazzjoni li għad irridu naraw kif se jaħdem (ara paġni 10 u 11). 

Imma tajjeb ukoll nikkumentaw illi l-paroli għall-gallarija sabiħ biex tiġbor vot, imma ma jagħmel ebda ġieħ fit-tul.  Li ngħidu lin-nies ta' San Pawl il-Baħar - per eżempju - illi qed jgħixu fil-biża' jew lil dawk tal-Marsa u tal-Ħamrun ukoll, jista' jkun li vera.  Għalkemm niftħu parentesi importanti u kruċjali u nisħqu li tajjeb illi naraw eżatt minn fejn ġejja u għaliex hija din il-biża':  Jekk hux ibbażata  fuq kulur tal-ġilda jew inkella hix frott in-nuqqas ta' infurzar f'ċerti żoni f'dan il-pajjiż. 

Però skużi - Robert Abela mhuwiex il-Kap tal-Oppożizzjoni jew xi kummentatur fuq il-gazzetti, huwa l-Prim  Ministru.  Allura tiġi naturali l-mistoqsija:  Jekk stess huwa vera, skont hu, li hawn xi erba' lokalitajiet fejn in-nies qed jgħixu fil-biża' hu x'se jagħmel biex ma jibqgħux?  X'se jbiddel u kif se jġiegħel lin-nies ta' dawn il-lokalitajiet iħossuhom aktar siguri?  

Mhux biżżejjed li nonfħu fuq in-nar biex nidhru popolari.  Dak kulħadd jaf jagħmilha.  Kulħadd jaf iħares lejn problema jew sfida u jgħid x'inhi.  Min hu fil-poter għandu joffri s-soluzzjonijiet effiċjenti u li jagħtu r-riżultati!

Imbagħad kien hemm tbenġila tan-narrattiva meta s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet illi l-PM għandu raġun għaliex huma ċ-ċentri tal-immigranti li jinsabu mimlijin - li hija xi ħaġa kompletament differenti minn dak li fehem kulħadd.  Meta l-PM qal li 'Malta full up' ħadd ma fehem li qed jirreferi għaċ-ċentri ta' detenzjoni, għalkemm tajjeb naraw jekk fil-fatt dawn humiex 'full up' u jekk huma, nagħmlu xi ħaġa biex ma jibqgħux! 

Huwa importanti li fuq dan is-suġġett tiġi pprattikata l-kawtela u Prim Ministru li jikkmanda l-fiduċja ta' tant nies bħal Robert Abela jkun aktar għaqli fuq liema kliem juża u ma jużax speċjalment biex qatt ma jagħti lok illi kliemu jkun interpretat bħala messaġġ li qed jagħti soljev lil min huwa razzist u xenofobu.  Huwa importanti li jidher li qed jaħdem kemm jiflaħ biex il-lokalitajiet li semma' hu stess ikunu siguri u biex kulħadd fihom iħoss li għandu l-protezzjoni. 

Fin-nuqqas ta' dan, kliem bħal 'full up' fl-arja jkun biss tattika populista biex jinġabru voti ta' nies li  - ejja ma noqgħodux induru magħha - jobgħodu lil ħaddieħor minħabba l-kulur tal-ġilda, nazzjonalità u reliġjon.  Mhux eżattament it-tip ta' votanti li partit soċjalista għandu jaspira li jattira lejh! 

 

More in Politika