Editorjal | SOFA: Prezz għoli wisq jew le?

Nibqgħu iżda nistaqsu:  Huwa prezz għoli wisq dak li nħallsu jekk jintlaħaq xi forma ta' ftehim fir-rigward tas-SOFA? 

Din il-ġimgħa kienet iddominata minn diskussjoni u dibattitu dwar ftehim potenzjali SOFA bejn Malta u l-Istati Uniti.  L-ewwelnett dan il-ftehim  jirregola u jagħti ċerti drittijiet u privileġġi lill-militar Amerikan u kuntratturi Amerikani f'pajjiżna.  Wieħed minn dawn il-privileġġi huwa li dawn jibdew jaqgħu - sakemm ma jkunx hemm negozjati li jwasslu għall-kuntrarju - taħt ġurisdizzjoni Amerikana.  Dan ikun ifisser li jekk membru tal-militar Amerikan jwettaq reat f'pajjiżna huwa jiffaċċja ġustizzja fl-Istati Uniti u mhux f'pajjiżna, li allura tfisser illi dik il-persuna ssir bħal entità barranija minnha nnifisha lilhinn mil-liġijiet Maltin. 

Is-SOFA huwa wkoll ftehim li jxejjer, bħall-bandiera ħadra għall-militar Amerikan li dan huwa pajjiż li jilqgħu u li qed jagħtih dan il-ftehim bħala privileġġ.  U huwa privileġġ għaliex persuna minn pajjiż ieħor jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni Maltija mhux ta' pajjiżu. 

Naturalment wieħed ma jafx x'qed jiġi nnegozjat u allura din il-gazzetta se tistenna tali negozjati jsiru u jitħabbru, jekk wara kollox jitħabbru. 

Pero wieħed jeħtieġ jistaqsi:  Jekk huwa veru li dawn huma xi forma ta' negozjati minħabba l-eżitu ta' rapport, huwa prezz għoli wisq li qed inħallsu jew le?  U jekk huwa, nittamaw, li qed niġġieldu kull kantuniera biex Malta tippriserva kemm jista' jkun id-dritt li jkollha sovranità mhux biss fuq l-art tagħha, imma fuq dawk li jidħlu fil-pajjiż. 

Il-Gvern ma jikkonvinċix meta l-MEPs laburisti stess jimxu għal riħhom minn xulxin u jimxu kontra xulxin. Qażba tixxejjer mar-riħ jeħodha r-riħ u tegħleb

Huwa importanti wkoll li wieħed jara kif dan il-ftehim ħadem f'pajjiżi oħrajn - bħal Korea ta' Isfel per eżempju u jekk dan it-tip ta' ftehim wassalx għal ċerti abbużi fil-konfront tal-poplu Sud Korean innifsu. 

Naturalment ftehim bħal dan huwa wkoll esebizzjoni pubblika tal-ħbiberija ta' Malta mal-Amerikani.  U dan huwa tajjeb sakemm niftakru li Malta mhux mal-Amerikani biss għandha tkun ħabiba, imma wkoll  ma' dawk il-pajjiżi li ma jarawx lill-Amerikani f'dawl sabiħ. 

Huwa proprju għalhekk li qabel l-1987 - bi qbil bejn Gvern Laburista u Oppożizzjoni Nazzjonalista - iddaħħlet fil-Kostituzzjoni l-kunċett tan-newtralità li għandu jibqa' rispettat fir-realtajiet tal-lum.  Malta m'għandhiex tkun newtrali quddiem sistemi despotiċi, dittatorjati u Gvernijiet li jkissru lil pajjiżhom. Ma nistgħux inkunu newtrali quddiem stat jew gvern li huwa theddida terroristika.  Imma tajjeb nistaqsu:  Huwa pass għaqli li nagħtu privileġġ lil pajjiż ħabib fuq ieħor? 

Is-SOFA huwa wkoll ftehim li jxejjer, bħall-bandiera ħadra għall-militar Amerikan li dan huwa pajjiż li jilqgħu u li qed jagħtih dan il-ftehim bħala privileġġ. U huwa privileġġ għaliex persuna minn pajjiż ieħor jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni Maltija mhux ta' pajjiżu

Fir-rigward tal-Moneyval - jekk huwa vera li qed isiru xi forma ta' negozjati dwar l-eżitu ta' dan ir-rapport - din il-gazzetta ssibha stramba ferm li rapport ta' dan it-tip jiġi negozjat.  Jew għandek problema jew m'għandekx ta' ħasil ta' flus.  Jiġifieri kieku dan huwa minnu u Malta ssabbat saqajha kontra s-SOFA nsiru aktar maħmuġin u korrotti? 

Ikun ftehim stramb ħafna kieku jkun hekk u għalkemm wieħed jifhem illi l-Gvern jixtieq illi kemm jista' jkun jevita milli jkollu rapport ħażin, illum ġiet favurina u għada ma tkunx u nispiċċaw inlaqtu xi rapport negattiv għax ma nnegozjajnix. 

Toqgħod tgħid hux!  Kulħadd ramihom il-prinċipji llum!  M'għad fadal ħadd sew fil-politika - kollox  'u iva issa nirranġaw' - saħansitra fuq aspetti serji bħal reati serji tal-ħasil tal-flus! 

Naturalment din il-gazzetta tawgura li jkollna ċertifikat pożittiv mill-Moneyval, għaliex mod ieħor huwa ħażin ħafna għall-investiment, għax-xogħol u għal isem pajjiżna.  

Nibqgħu iżda nistaqsu:  Huwa prezz għoli wisq dak li nħallsu jekk jintlaħaq xi forma ta' ftehim fir-rigward tas-SOFA? 

More in Politika