Bernard Grech | L-għażla li nirnexxu

'Il-ġranet li ġejjin jistgħu ikunu l-bidu ta’ paġna sabiħa u pożittiva kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għal Malta u Għawdex tagħna. F’dawn il-ftit ġimgħat bl-għajnuna ta’ ħafna persuni li emmnu fil-viżjoni tagħna wassalna l-messaġġ sempliċi u dirett ta’: ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu'

Bernard Grech waqt il-kampanja li issa waslet fi tmiemha
Bernard Grech waqt il-kampanja li issa waslet fi tmiemha

Dawn huma l-aħħar ftit jiem tal-kampanja tiegħi għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kienu ġimgħat intensivi u li għalija kienu fost l-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti. Minħabba fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha, kienet kampanja differenti. Iżda xorta, kienet kampanja li fiha ppruvajt nagħmel l-impossibbli possibbli billi niltaqa’ mal-akbar ammont ta’ persuni possibbli, kemm b’mod fiżiku, u meta ma ppermettewx iċ-ċirkustanzi, b’mod virtwali. Għalkemm, jien nibqa’ nemmen li xejn ma jissostitwixxi l-kuntatt personali. Din il-mixja laqqatni ma’ ħafna nies minn kull settur tal-ħajja u li qasmu miegħi l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom.

U din hija xi ħaġa li determinat li nkompli nagħmel jekk ningħata l-fiduċja tat-tesserati tagħna, li niltaqa’ man-nies, nisma’ lin-nies, u nibqa’ nkun tan-nies.  

L-iktar ħaġa komuni li semmewli dawk kollha li tkellimt magħhom jien hi li jerġa’ jkollna Partit Nazzjonalista magħqud, Partit Nazzjonalista b’saħħtu u Partit Nazzjonalista li jaħdem favur kulħadd sabiex wara li pajjiżna nħakem minn klikka ta’ individwi li għall-interess immorali ta’ buthom ħammġu isem pajjiżna b’detriment għall-bqija tal-Maltin u l-Għawdxin, jista’ jkun tassew gvern alternattiv. 

Għal din it-turija ta’ fiduċja jien nista’ ngħid biss umilment: grazzi. Dawn il-persuni, flimkien ma’ ħafna oħrajn qegħdin jagħtu l-enerġija tagħhom għaliex jemmnu li din hija l-mixja li se terġa’ twassal lill-Partit Nazzjonalista biex jingħaqad Bernard Grech

Esperjenza ta’ għaqda 

Mill-bidu ta’ din il-kampanja, il-wegħda prinċipali tiegħi kienet dik li jekk jien ningħata l-fiduċja tat-tesserati tagħna nagħmel dak kollu li huwa possibbli biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad. Din l-għaqda diġà inħasset qalb il-ħafna voluntiera li resqu ‘l quddiem sabiex jagħtu sehemhom f’din il-kampanja. Dawk il-mijiet ta’ persuni li ffirmaw in-nomina tiegħi għal din l-elezzjoni jixhdu dan. Kif għamlu wkoll dawk il-ħafna li bil-ftit tagħhom taw il-kontribut finanzjarju tagħhom fil-crowdfunding sabiex il-kampanja tiegħi li ġiet imnedija ftit ġimgħat ilu laħqet is-somma mitluba. Għal din it-turija ta’ fiduċja jien nista’ ngħid biss umilment: grazzi. Dawn il-persuni, flimkien ma’ ħafna oħrajn qegħdin jagħtu l-enerġija tagħhom għaliex jemmnu li din hija l-mixja li se terġa’ twassal lill-Partit Nazzjonalista biex jingħaqad.

Kampanja li bdiet iġġeddidna

L-entużjażmu u l-enerġija ta’ ħafna żgħażagħ li tawni l-appoġġ u l-għajnuna tagħhom kienet waħda mill-affarijiet li l-iktar ħassejt u laqtitni waqt din il-kampanja. Ħafna minnhom iltqajt magħhom għal-ewwel darba u rajt fihom mera ta’ kif irridu lill-partit jiġġedded u jaħdem minn issa ‘l quddiem. Jiena stess, bħala missier ta’ żewġ żgħażagħ qatt ma ħassejtni maqtugħ mir-realitajiet li jolqtu direttament liż-żgħażagħ illum, bħat-tibdil tal-klima, id-diġitalizzazzjoni, l-ugwaljanza, l-ambjent inkluż il-pajesaġġ li ġie rrovinat, l-enerġija rinnovabbli,  l-istudju ta’ suġġetti ġodda eċċ. Bdejt nifhem aktar kemm f’pajjiżna hawn talent li għal raġunijiet differenti jispiċċa joqgħod il-bogħod mill-politika u mill-politiċi. Jien dan it-talent irrid niġbdu lejn il-Partit Nazzjonalista. Lil dawn iż-żgħażagħ irridu nagħtuhom l-ispazju kollu biex jimirħu u biex jipprattikaw it-talenti sbieħ tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista fil-passat dejjem investa bil-kbir fiż-żgħażagħ u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fetaħ baħar infinit ta’ opportunitajiet għal dawk kollha li għandhom potenzjal li jirnexxu. Kważi f’kull qasam l-Unjoni Ewropea toffri opportunitajiet kemm ta’ studju u kemm ta’ xogħol, iżda wkoll fil-volontarjat, fis-saħħa, fil-kultura u l-kreattività, fl-ivvjaġġar, fid-djalogu u fl-inklużjoni soċjali. Ir-riżultat ta’ dan qed narawh illum. U minbarra ż-żgħażagħ, jekk ningħata l-fiduċja tat-tesserati bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, kull persuna se tkun fuq quddiem fit-tiġdid tagħna.

L-għażla biex nirnexxu

Meta xi ħadd jidħol għal biċċa xogħol ikun irid li jagħmel biċċa xogħol tajba u jirnexxi. Naħseb minn minnkom bħali jħobb imidd idejh fid-dar, u jivvinta li jagħmel xi biċċa xogħol, ikun irid li dik il-biċċa xogħol tkun kompluta bl-aħjar mod possibbli sal-inqas dettall. Fil-politika l-istess. 
Irridu nirnexxu mhux għall-glorja personali tagħna imma nirnexxu biex kull persuna tieħu dak li jistħoqqilha u biex pajjiżna jerġa’ jirritorna għall-istabbilta’ u s-serħan il-moħħ. Dak huwa dak li nfissru meta ngħidu li rridu naħdmu għall-ġid komuni. Irridu nirnexxu għalikom. 
Irridu nirnexxu għalikom l-anzjani tagħna li ltqajt magħkom u kellimtuni dwar il-biża’ li ġieli jkollkom fi djarkom stess, jew dwar il-biża’ ta’ mard, jew il-problemi li jkollkom biex twasslu bil-pensjoni sal-aħħar tax-xahar. 

Irridu nirnexxu għalikom ġenituri li ssibuha diffiċli biex issibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja u li tħossu piżijiet finanzjarji enormi biex tkunu tistgħu tagħtu l-aqwa lill-uliedkom. 

Irridu nirnexxu għalikom iż-żgħażagħ li tħossukom qalbkom maqtugħa minn kif jitmexxa pajjiżna u ma tarawx futur f’dan il-pajjiż. Intom li tħossukom emarġinati minħabba esperjenzi diffiċli u sfortunati li tkunu għaddejtu minnhom. 

Irridu nirnexxu wkoll għal dawk li għadhom jitwieldu u għat-tfal biex nagħtuhom preżent u futur mill-isbaħ. 

Irridu nirnexxu għal kull Malti u Għawdxi għaliex il-politika ssir għan-nies, sabiex kull persuna tilħaq il-milja tagħha.

Il-ġranet li ġejjin jistgħu ikunu l-bidu ta’ paġna sabiħa u pożittiva kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għal Malta u Għawdex tagħna Bernard Grech

Il-ġranet li ġejjin jistgħu ikunu l-bidu ta’ paġna sabiħa u pożittiva kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għal Malta u Għawdex tagħna. F’dawn il-ftit ġimgħat bl-għajnuna ta’ ħafna persuni li emmnu fil-viżjoni tagħna wassalna l-messaġġ sempliċi u dirett ta’: ningħaqdu, niġġeddu u nirnexxu. Dan huwa biss il-bidu tal-mixja tagħna flimkien. Nixtieq politika ta’ trasformazzjoni li tmur għand in-nies, titkellem magħhom u tismagħhomregolarment mhux qrib xi elezzjoni. Nixtieq politika li terġa’ tibda tifhem l-importanza tad-deċentralizzazzjoni. Nixtieq politika li tifhem in-neċessità tat-taħriġ politiku f’kull livell - mit-tesserat ‘il fuq. Fi ftit kliem nixtieq li dak li ngħidu bil-kliem nibdew inwettquh internament b’effiċjenza u esternament b’effettività. Nixtieq, għalhekk, partit fejn ma ssirx duplikazzjoni ta’ xogħol b’ħela ta’ riżorsi; fejn, l-istrutturi tal-partiti jikkomunikaw produttivament ma’ xulxin b’mod regolari. Huwa importanti fil-fehma tiegħi, li f’dinja ddiġitalizzata nibdew immedjatament proċess għal networking politiku estiż. Nixtieq li nibdew noqorbu lejn dak li diġà kien inbeda mill-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-E-demokrazija.

Dan ikun biss l-ewwel pass ta’ żmien sabiħ għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna. Żmien sabiħ li jerġa’ jagħmilna kburin li aħna Maltin. Din hi l-wegħda tiegħi.

More in Politika