Editorjal | Importanti li l-iskejjel jiftħu

Biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin irridu nrażżnu l-każi, b'mod speċjali ll-każi fost l-anzjani u rridu nrażżnu l-imwiet li minnhom kellna żżejjed fl-aħħar ġimagħtejn

L-iskejjel se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom iktar tard milli kien ippjanat.  Dan minnu nnifsu huwa sinjal ċar illi l-pressjoni u l-biża' u l-inkwiet ta' bosta - ġenituri u għalliema kien ġustifikat u li l-Gvern kien qed jisma' x' kien hemm bżonn isir. Naturalment ċerti miżuri biex ikun hemm il-prevenzjoni huma importanti u l-unjins għamlu tajjeb illi tkellmu u argumentaw fuq il-bżonn li jkun hemm il-miżuri kollha f'posthom u qed jaħdmu. 

Importanti li l-ġenituri u l-għalliema jħossu li l-miżuri qed jaħdmu b'mod organizzat u b'mod effiċjenti għaliex b'hekk jafdaw aktar lis-sistema u b'hekk ukoll jafdaw aktar lil uliedhom fl-iskejjel u tonqos il-biża' u forsi s-sens ta' konfużjoni.

Minkejja dan, u wara li naċċertaw illi l-miżuri jkunu kollha f'posthom u qed jaħdmu, l-iskejjel jeħtieġ illi jiftħu għal bosta raġunijiet. 

L-ewwelnett - għaliex it-tfal ma jistgħux jibqgħu jitilfu mill-esperjenza tal-klassi u filwaqt li t-tagħlim online wera' illi kapaċi jaċċerta li s-sitwazzjoni tibqa' għaddejja, f'każi ta' emerġenza, imma hemm differenza kbira bejn miżura ta' emerġenza u miżura ta' emerġenza li ssir n-normalità.  Ħafna tfal waqgħu lura u l-aktar li waqgħu lura kienu tfal minn sfond ta' sfidi, minn familji vulnerabbli fejn hemm xi forma ta' problema - jekk hix soċjali jew finanzjarja.  L-ambjent tad-dar mhuwiex  dejjem ambjent tajjeb biex wieħed jitgħallem jew għalinqas mhuwiex tajjeb għal kulħadd.  Li s-sitwazzjoni tiġi mtawla aktar titfa' biss aktar piż fuq l-aktar studenti vulnerabbli, li jkomplu sejrin lura. 

Imbagħad għandek ir-realtà tax-xogħol.  Illum ħafna reġgħu bdew ir-rutina:  Imorru l-uffiċċju jew inkella jaħdmu fuq barra, kif inhu normali.  Dawn l-eluf kbar ta' ġenituri x'jagħmlu kieku l-iskejjel jibqgħu magħluqin? 

Din hija problema kbira u jista' jkollha impatt kbir finanzjarju u ekonomiku - fuq livell makro u allura ta' pajjiż sħiħ kif ukoll fuq il-livell ta' familji.  

Il-ftuħ tal-iskejjel f'dan il-punt huwa neċessarju. Daqs kemm huwa neċessarju, fl-istess ħin, illi naraw li noħolqu l-ambjent it-tajjeb biex jinfetħu u jibqgħu miftuħin l-iskejjel.

Li ġenitur ma jmurx ix-xogħol tfisser problemi u aktar sagrifiċċji finanzjarji u għal xi wħud tfisser ukoll telf ta' impjiegi. 

Jiġifieri ejja ma nkunux leġġeri qisu dan huwa xi swiċċ. 

Il-ftuħ tal-iskejjel f'dan il-punt huwa neċessarju.  Daqs kemm huwa neċessarju, fl-istess ħin, illi naraw li noħolqu l-ambjent it-tajjeb biex jinfetħu u jibqgħu miftuħin l-iskejjel. 

U hawnhekk ma nistgħux ma nurux id-diżappunt għan-nuqqas ta' direzzjoni fil-qasam tal-anzjani.  Ma jistax ikun li qisu qegħdin fuq l-autopilot.  Hemm bżonn li jkun hemm direzzjoni mis-Segretarju Parlamentari u dan iserraħ ras in-nies.  Hemm bżonn  ikun fuq quddiem mhux ma jidher imkien. 

L-iskejjel ma joperawx ġo vakuum u allura hemm bżonn li kollox ikun katina. 

Biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin irridu nrażżnu l-każi, b'mod speċjali ll-każi fost l-anzjani u rridu nrażżnu l-imwiet li minnhom kellna żżejjed fl-aħħar ġimagħtejn. 

More in Politika