Clifton Grima | L-Edukazzjoni: Inkomplu nibnu fuq dak li sar

Il-filosofija ta’ dan il-Gvern kienet u għadha li nilħqu lil kull student u studenta, huma x’inhuma l-kwalitajiet tagħhom, ġejjin minn fejn ġejjin, 

L-edukazzjoni hija vjaġġ li ma jispiċċa qatt. Tibda minn eta` żgħira u tibqa’ tiżviluppa sa ma mmutu. L-edukazzjoni u l-iskola huma relatati iżda m’humiex identitiċi. Waqt li l-għan tal-iskejjel, sintendi, huwa li jagħtu edukazzjoni sħiħa, il-proċess edukattiv ma jiqafx meta nispiċċaw l-iskola. L-edukazzjoni informali hija wkoll parti integrali minn dan il-proċess edukattiv.

L-edukazzjoni u l-ħajja jmorru id f’id. Il-ħajja l-ħin kollu tinbidel u tagħtina esperjenzi ġodda. Allura, hekk ukoll għandu jkun fil-qasam edukattiv.

Mill-bidu nett dan il-Gvern kien fassal pjan edukattiv mibni fuq it-tajjeb li seħħ qabel. Għalhekk wara konsultazzjonijiet, tniediet il-“Framework for the Education Strategy for Malta 2014-2024: Sustaining Foundations, Creating Alternatives, Increasing Employability.” Biex jitwettaq dan il-qafas, imbagħad tħabbru diversi strateġiji. U wara s-suċċess tal-presidenza Maltija, li fiha ġiet unanimament aċċettata l-“concluding paper for education” dwar “Equity in Diversity”, tħabbret il-“My Journey.”

Il-filosofija ta’ dan il-Gvern kienet u għadha li nilħqu lil kull student u studenta, huma x’inhuma l-kwalitajiet tagħhom, ġejjin minn fejn ġejjin, huwa x’inhuwa t-twemmin reliġjuż tagħhom u l-klassi soċjali tagħhom. L-għan edukattiv huwa li nagħmlu minn kollox biex nilħqu lil kulħadd. Dan kien u għadu l-principju ewlieni tal-qafas edukattiv u l-istrateġiji li tħabbru u qed jiġu mwettqa.

Imma issa għadda żmien biżżejjed biex nagħrblu sewwa l-effetti ta’ dak li kien ippjanat. Sintendi, irridu noqgħodu dejjem għajnejna miftuħa li ma naqgħux fl-iżball tal-“one size fits all.” Importanti li nkomplu noħolqu rotot ġodda, kollha ta’ kwalita` u kollha tal-istess valur, biex nippruvaw nilħqu lil kulħadd. Ma ninsewx li l-edukazzjoni mhix xi ħaġa monolitika; l-edukazzjoni fiha nnifisħa titlob id-diversita` u t-tibdil kontinwu.

It-tmexxija serja titlob li tant żmien isir assessjar ta’ dak li għamilna. L-għan ta’ dan huwa biss biex nitgħallmu mit-tajjeb li sar, u nbiddlu fejn hemm bżonn mingħajr ma nitilfu l-principji li nemmnu fihom.

X’inhuma xi affarijiet li għandna nagħtu kashom hekk kif nagħmlu dan l-eżerċizzju?

Ma nistgħux ma nagħtux każ tal-fatt li d-demografija Maltija tbiddlet b’rata mgħaġġla u ser tkompli titbiddel. Irridu nagħtu każ ta’ kull student u studenta li jgħixu f’Malta. Kif se nintegraw lill-istudenti kollha fl-iskejjel?

Irridu wkoll nieħdu ħsieb dawk li għal xi raġuni jew oħra ma kellhomx suċċess fis-sistema edukattiva minkejja r-rotot ġodda li ħloqna. Tgħid wasal iż-żmien biex noffru edukazzjoni alternattiva lil dawk bejn is-16 u t-18-il sena fejn ngħaqqdu l-esperjenza reali tax-xogħol ma’ forma ta’ edukazzjoni relatat ma’ dan ix-xogħol?

Ma nistgħux ninsew li l-protagonisti fil-proċess edukattiv huma l-istudenti nnifishom. Għalhekk mhux xieraq li nisimgħu l-vuċi diretta tagħhom aħna u nqiesu d-direzzjoni għall-futur?

Billi l-edukazzjoni soda titlob edukazzjoni ħolistika, bħal dejjem, irridu nkomplu nieħdu ħsieb il-bżonnijiet kollha: akkademici, fiżici, mentali, saħħa eċċ. Għalhekk tgħid wasal iż-zmien biex niftħu ċentri sportivi fil-komunitajiet fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqgħu b’mod formali u informali u jkattru l-esperjenzi sportiv tagħhom?

Ma ninsewx li l-edukazzjoni u t-titjib tal-ħajja jmorru id f’id. Il-ħajja tinbidel skont iċ-ċirkostanzi li ngħixu fihom. U hekk ukoll fl-edukazzjoni. B’moħħ miftuħ fejn aħna lesti li nitgħallmu, anke mill-istudenti, nistgħu nibnu futur tajjeb ħafna għall-ġid ta’ kulħadd.

More in Politika