Editorjal | Għat-tesserati l-passat għandu jkun boxxla għall-futur mhux kartolina ta' nostalġija

Ikun ta' xejn li l-Partit Nazzjonalista jfakkar lil Eddie Fenech Adami f'ħafna dokumentarji magħmulin biex iqanqlu l-emozzjoni, jekk il-Partit Nazzjonalista ma jirrispettax il-wirt li ħalla dan il-Kap lill-partit tiegħu: Partit li kien rebbieħ, tan-nies u fuq kollox magħqud

Eddie Fenech Adami:  Nostalġija biss?
Eddie Fenech Adami: Nostalġija biss?

Ilbieraħ il-Kanidat għall-Kariga ta' Kap Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa' mal-eks Prim Ministru u eks Kap Nazzjonalista għal 26 sena, Eddie Fenech Adami. 

Fenech Adami, bħal Dom Mntoff qablu u Joseph Muscat iqajjem reazzjonijiet diversi u xi kultant estremi wkoll.  Min iħobbu u kważi jadurah u min jobgħodu.  Min jaħseb li kien l-aqwa Prim Ministru u min jaħseb li kien wieħed mill-agħar. 

Pero, hi x'inhi l-opinjoni tiegħek dwar Eddie Fenech Adami, huwa fatt li ma jista' jmerih ħadd li ġibed lejn il-Partit Nazzjonalista l-mases, forsi wkoll mases li ma kinux Nazzjonalisti, mases ta' nies li kienu xebgħu bil-politika protezzjonista tal-Gvern ta' Karmenu Mifsud Bonnici u l-arja tqila u vjolenti ta' dak iż-żmien.  Fenech Adami rebaħ il-maġġoranza tal-voti fl-1981 - l-ewwel elezzjoni li kkontesta bħala Kap Nazzjonalista -  u sussegwentement rebaħ il-Gvern fl-1987, l-1992, l-1998, ir-referendum fl-2003 u l-elezzjoni ġenerali tal-2003 - l-aħħar waħda li kkontesta bħala Kap Nazzjonalista. Dawk tal-1992, 1998 u 2003 rebaħ b'aktar minn 12,000 vot fuq il-Partit Laburista li sa qabel

Joseph Muscat kienu rebħiet kbar u rekord.  B'kollox huwa dam Prim Ministru ta' Malta 15-il sena, kważi daqs Dom Mintoff.
Dawn huma fatti u l-fatti numeriċi ma jista' jmerihom ħadd.  

Li għandu bżonn jagħmel il-Partit Nazzjonalista f'dawn il-ġimgħatejn mhijiex li jintilef fin-nostalġija jew inkella li jaħseb illi l-passat ta' rebħ jista' jerġa jiġi lura bil-metodi eżatti ta' Fenech Adami - għaliex iż-żmien kien differenti, it-tensjoni politika kienet kbira (għalkemm f'Novermbru/Diċembru li għadda ma konniex neqsin minnha), l-ekonomija kienet kompletament differenti (Gvern Laburista kien adotta politika protezzjonista ħafna), l-ambizzjonijiet tan-nies kienu differenti u fuq kollox kien differenti l-avversarju. Robert Abela mhuwiex Mintoff u Mintoff mhuwiex Abela. 

Imma hemm bżonn iva li meta t-tesserati jivvutaw ix-xahar id-dieħel għal Kap ġdid, mhux jiftakru f'Fenech Adami b'nostalġija storika biss, imma jiftakru fir-riċetta li rebħet lill-PN u tagħtu maġġoranzi minn fost il-poplu mill-1981 sal-2003 - ħlief għal intervall qasir bejn l-1996 u l-1998, għal total ta' 20 sena (mill-2004 sal-2013 Gvern tal-PN tmexxa minn Lawrence Gonzi u minkejja rebħa fl-2008 il-PN kien beda t-triq tan-niżla). 

X'kienet ir-riċetta li żammet lill-PN daqstant popolari għal daqstant snin?

Hemm ħafna fatturi, imma fattur ewlieni li kien rilevanti dakinhar u għadu llum hija l-istrateġija illi permezz ta' viżjoni u għan ċar u ambizzjuż Fenech Adami għaqqad flimkien lill-inqas votanti li kien probabbli li jivvutaw l-istess. Is-sinjuruni, lukandiera u l-kuntratturi mal-ħaddiema tal-id, li jaqilgħuha u jikluha - permezz tal-wegħda ta' bidliet kbar ekonomiċi.  Lill-konservattivi, mal-liberali  - permezz tal-viżjoni tiegħu biex Malta ssir membru tal-UE.  Lil tan-naħa ta' fuq u ż-żoni ta' Tas-Sliema u San Ġiljan, fejn il-PN kien b'saħħtu ħafna, mal-votanti tan-naħa ta' isfel, fejn il-PN dejjem bata - dan permezz ta' tim b'saħħtu ta' kandidati f'dawn in-naħat tal-pajjiż.  Lil dawk li dejjem kienu jivvutaw lill-PN u li kellhom animożità jekk mhux mibgħeda lejn Mintoff ma' dawk li forsi kienu vvutaw lil Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici pero li riedu l-bidla. 

U finalment poġġa flimkien l-establishment - il-kleru, l-avukati, professuri, nies fil-midja mal-bdiewa, sajjieda u ħaddiema fil-fabbriki.

Din kienet ir-riċetta ta' rebħ kontinwu. 

U min użaha l-istess riċetta b'suċċess kbir?  Min wara Fenech Adami rnexxielu jgħaqqad tant interessi differenti flimkien taħt umbrella waħda? 

Joseph Muscat. 

Din mhijiex tixbiha jew tqabbil bejn il-legat ta' wieħed u ta' ieħor.  Xejn minn dan.  Imma iva, tqabbil bejn l-istrateġija li kien uża Fenech Adami u wara l-2008 Muscat. 

Il-politika esklussiva qatt ma tat riżultati.  Partit li jfittex illi jkeċċi, jaqta' 'l barra, jemarġinalizza u jistratifika lin-nies skont l-għerf, il-flus, il-ġeografija u l-passat qatt ma rebaħ jew inkella kellu rebħiet li ma baqgħux sostenibbli wara ftit. 

Hija l-politika inklussiva tar-rikonċiljazzjoni biss li tagħti r-riżultati.  Huwa biss mexxej politiku li jservi ta' kolla bejn interessi varji u differenti li jista' jirnexxi. 

U huwa dan li għandu bżonn il-PN illum.  Ikun ta' xejn li l-Partit Nazzjonalista jfakkar lil Eddie Fenech Adami f'ħafna dokumentarji magħmulin biex iqanqlu l-emozzjoni, jekk il-Partit Nazzjonalista ma jirrispettax il-wirt li ħalla dan il-Kap lill-partit tiegħu: Partit li kien rebbieħ, tan-nies u fuq kollox magħqud. 

Ma jservi ta' xejn il-ħolm fl-ajru u n-nostalġija għall-passat jekk l-20,000 (jew aktar) tesserat mhux se jużaw il-passat bħala għalliem u boxxla, bid-destinazzjoni tkun l-għaqda. 

U l-istess Adrian Delia u Bernard Grech. 

Idonei (jew mhux) kemm setgħu irriżultaw li huma minn dan id-due diligence, jekk ma jridux jgħaqqdu u mhux se jaħdmu biex jgħaqqdu, ma huma idonei xejn. 

More in Politika