Adrian Delia | Partit tal-poplu; l-alternattiva politika meħtieġa

Il-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni bl-ewwel artiklu ta' opinjoni miktub minnu fuq l-ILLUM bi preparazzjoni għall-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Politika għan-nies; iktar minn slogan din hi viżjoni, prinċipju tal-PN li issa hu anki mdaħħal fl-istatut tal-partit. Il-PN; il-Partit tal-Poplu. B'mod naturali tul is-snin il-PN rebaħ l-elezzjonijiet propju għaliex irnexxielu jkun il-partit tal-poplu; għaliex irnexxielu jiġbed warajh eluf ta' Maltin u Għawdxin minn kull faxxa tas-soċjetà. 

Poplu li dejjem ra fil-PN, il-partit li joffri l-aħjar għażliet politiċi biex  is-soċjetà tavvanza u ttejjeb lilha nnfisha skont il-ġustizzja soċjali u biex kulħadd ikun inkluż fit-tfassil tal-politika.

Propju għalhekk fl-aħħar snin il-PN saħħaħ l-istrutturi interni tiegħu biex jilqgħu fihom iktar ċittadini li jridu jwasslu leħinhom. 

Għalhekk fil-PN inħoloq iktar spazju politiku biex nies ta' opinjonijiet differenti jiltaqgħu flimkien, jiddiskutu u flimkien titfassal il-politika tal-PN. 

Propju għax il-PN hu l-partit tal-poplu, ittieħdu d-deċiżjoni ta' inklużjoni għal dawk kollha ta' rieda tajba; mhux biss għan-Nazzjonalisti iżda għal Maltin oħra li mhux bilfors  jaqblu mal-PN. Għax il-PN mhux il-partit tan-Nazzjonalisti biss iżda l-partit tal-poplu kollu.

Quddiem is-sitwazzjoni politika preżenti ta' kriżi ta' governanza, nuqqas ta' trasparenza, korruzzjoni istituzzjonalizzata u ekonomija bbażata fuq mudell ekonomiku mhux adatt għal Malta, il-politika tan-nies hi l-alternattiva. Il-pajjiż qed jgħaddi minn dawn l-esperjenzi negattivi li għamlu tant ħsara lis-soċjetà Maltija u lill-pajjiż b'mod ġenerali propju għaliex il-PL inqata' min-nies. 

L-arroganza tal-PL li jwarrab lin-nies u jwettaq politika ta' ingann li titradixxi dak kollu li hu sewwa qed tnawwar il-prinċipji tas-soċjetà Maltija. Dan hu l-oppost ta' dak li jemmen fih il-PN; partit li jemmen li jrid ikun man-nies fit-tewttiq tal-politika li minnha jibbenefikaw l-aktar in-nies mhux dawk li jiddominaw lill-politiċi.

Il-PN jrid jibqa' viċin l-iżviluppi li qed isiru fis-soċjetà; jrid jifhem sew ir-realtajiet dejjem jinbidlu li qed tgħix u tgħaddi minnhom is-soċjetà Maltija. Biex partit politiku jkun kapaċi jwettaq dan irid ikun viċin in-nies għaliex huma propju n-nies li jkunu qed jgħixu dawn il-bidliet fis-soċjetà. 

Irridu fuq kollox nifhmu r-realtajiet differenti ta' komunitajiet u lokalitajiet differenti f'Malta u Għawdex għax mhux kull lokalità qed tgħix l-istess realitajiet. Dan kollu filwaqt li l-bniedem jibqa' jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.

Kien propju għalhekk li l-PN ikkumbatta bil-qawwi lill-Gvern Laburista fuq il-korruzzjoni; għaliex il-korruzzjoni tfisser serq ta' miljuni minn flus il-poplu. Kien għalhekk li fil-parlament il-PN ikkumbatta lill-Gvern Labursita biex jippubblika l-kuntratti kollha, tal-miljuni li għamel il-gvern minn wara dahar l-istess parlament. 

Kien għalhekk li fil-qorti l-PN ikkumbatta biex l-inkjesta Egrant tkun ippubblikata b'mod sħiħ u kien għalhekk li infetħet il-kawża biex l-isptarjiet jerġgħu isiru tal-Maltin wara li l-gvern Laburista biegħhom lill-barranin; liema barranin lanqas biss għandhom l-iċken esperjenza fis-settur mediku. 

Kienet u hi sfida kbira li se nibqgħu niġġielduha, akkost ta' kollox u sakemm issir ġustizzja mal-poplu Malti. Il-PN irid jibqa' l-iktar forza politika li tinsab fuq quddiem tikkumbatti lill-gvern Laburista fuq il-korruzzjoni. Magħna tingħaqad is-soċjetà ċivili, l-għaqdiet u ċ-ċittadini ta' rieda tajba.

Il-korruzzjoni istituzzjonalizzata qed tnaqqas is-saħħa finanzjarja tal-gvern u timpedih milli jinvesti bis-saħħa fl-ekonomija propju fil-mument meta l-ekonomiji internazzjonali qalgħu daqqa kbira. Dan hu mument kruċjali li minnu l-pajjiż irid joħroġ b'saħħtu. 

Quddiem dawn l-isfidi kollha, politiku jrid ikun determinat, sod fil-prinċipji, ċar fil-viżjoni, kapaċi jaffronta l-isfidi u dejjem lest li jiddiskuti. Id-dibattitu hu l-qofol tal-politika iżda dan irid ikun segwit bl-azzjoni maħsuba

Il-proposti tal-PN dwar l-ekonomija huma differenti minn tal-Gvern; il-PN qatt ma emmen f'mudell ekonomiku bbażat fuq l-ekonomija tal-konsum u l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin biss. 

Għal pajjiż żgħir bħal Malta, l-ekonomija m'għandhiex tkun waħda fraġli li tikkrolla mal-ewwel mewġa. Dan hu propju li ġara lill-ekonomija Maltija; il-gvern webbes rasu u bena ekonomija li minnha ibbenefikaw l-iktar dawk li diġà kienu b'saħħithom fis-soċjetà; mhux iż-żgħir. 

Il-konsegwenza? L-eluf fil-faqar żdiedu, saret impossibbli li l-familji jkollhom id-dar tagħhom jew tal-inqas jikru appartament u l-kwalità tal-ħajja naqqset f'ħafna kategoriji tas-soċjetà. 

L-għażliet tal-PN kienu u huma differenti; huma għażliet ibbażati fuq il-ħtiġijiet tal-familji Maltin. Mhux aċċettabbli għall-PN li l-familji u l-ħaddiema Maltin jintużaw biex ħaddieħor jistgħana fuq li jistgħana.

Biex dan kollu jitwettaq irid ikollna soċjetà b'saħħitha; b'partiti politiċi b'saħħithom ibbażati fuq il-prinċipji. Dan hu l-proċess li qed iwettaq il-PN, proċess ta' riformi biex jissaħħaħ. Proċess li fih juża l-Oppożizzjoni bħala perjodu li fiha jiffoka, jaħseb u jiddeċiedi. 

Il-partiti politiċi huma pilastru ewlieni tad-demokrazija; m'humiex l-uniku pilastru għaliex magħhom hemm l-istituzzjonijiet iżda pajjiż b'partiti politiċi b'saħħithom għandu iktar opportunitajiet li jkun b'saħħtu mhux biss ekonomikament iżda wkoll politikament u soċjalment. 

Kollox marbut flimkien. Huma biss partiti politiċi b'saħħithom li jistgħu jikkumbattu gvern korrott. Il-PN dan fehmu u kien għalhekk li twettqu l-bidliet neċessarji fl-istrutturi biex il-PN ikun iktar partit tal-poplu, viċin in-nies.

Irridu partiti politiċi li m 'għandhomx dubju dwar il-bniedem; dwar il-ħajja u li jkunu lesti jiddiskutu biss mal-vittmi u mhux ma' min irid jeqred il-ħajja. Il-ħajja hi prinċipju bażiku tal-PN li dwaru fil-partit m'hemmx ħtieġa ta' diskussjoni; b'differenza minn ħaddieħor, fil-PN hemm qbil sħiħ dwar il-ħajja.

Quddiem dawn l-isfidi kollha, politiku jrid ikun determinat, sod fil-prinċipji, ċar fil-viżjoni, kapaċi jaffronta l-isfidi u dejjem lest li jiddiskuti. Id-dibattitu hu l-qofol tal-politika iżda dan irid ikun segwit bl-azzjoni maħsuba.

Il-PN irid ikun il-partit li jikkonvinċi bis-sewwa anki jekk is-sewwa hu proċess diffiċli u li jista' jieħu ż-żmien biex jinftiehem. 

Imma l-PN se jibqa' determinat favur is-sewwa; favur is-sewwa tan-nies u favur il-kwistjonijiet li jolqtu lin-nies. Bis-sewwa miegħu, il-PN jibqa' t-tarka tal-familji, tal-komunità u tal-prinċipji u l-vlauri u jsawru l-komunità Maltija.

More in Politika