Analiżi | Jiena tesserat u se nivvota lil Adrian Delia/Bernard Grech għax ...

Il-gazzetta ILLUM tanalizza r-raġunijiet prinċipali li qed jinġiebu minn għeruq u tesserati tal-PNJ dwar l-intenzjonijiet tagħhom għal vot lil Adrian Delia jew Bernard Grech ..

Issa qed ikompli riesaq il-mument tal-prova fil-Partit Nazzjonalista bit-tesserati - madwar 20,000 - jiddeċiedu dwar id-destin tal-PN.  Kif għamlet fl-aħħar ġimagħtejn il-gazzetta ILLUM se tkompli tanalizza is-sitwazzjoni tal-partit u l-għażla li għandhom quddiemhom dawn il-membri.  

F'din il-ħarġa se nkunu qed nanalizzaw  - minn kuntatti diversi u sorsi wkoll li għandha din il-gazzetta fil-PN - x'inhuma r-raġunijiet ewlenin li għalihom tesserat se jivvota lil Adrian Delia jew inkella lil Bernard Grech. Ma' kull raġuni l-gazzetta tanalizza fil-qosor kull waħda.

'Se nivvota lil Adrian Delia għax aħna tellajnieh tliet snin ilu'

Din hija waħda mill-aktar raġunijiet li jinġiebu fost dawk li beħsiebhom jivvutaw lill-Kap kurrenti tal-PN. L-argument huwa li ladarba Delia kien elett mit-tesserati tliet snin ilu, dan kien elett biex jagħmel terminu sħiħ u allura dan it-terminu għandu jlestih. 

Dan l-argument - f'iżolament - jagħmel sens.  L-istorja kulħadd jafha u Adrian Delia ma tantx sab appoġġ minn ħafna fil-partit stess li qatt ma ħassew li kien idoneu għall-kariga jew inkella li jħossu li maż-żmien wera' li mhux kapaċi jmexxi b'suċċess jew jattira persuni lejn il-PN. Dawk li jirraġunaw b'dan il-mod iħossuhom mweġġgħin u forsi anke traduti li Delia "ma tħallhiex jaħdem."

Il-problema b'dan l-argument huwa li rebħa mill-ġdid ta' Delia se tbiddel ftit jew xejn mis-sitwazzjoni tal-preżent, jekk mhux fil-fatt tiggrava s-sitwazzjoni hekk kif eluf ta' votanti li mhumiex kuntenti bih (mhux neċessarjament kontrih - hemm differenza kbira bejn dawk li huma kontrih u dawk li  mhumiex kuntenti bir-riżultati li kiseb - jew ma kisibx) probabbilment iktar jikkonvinċu ruħhom li jibqgħu d-dar f'elezzjoni ġenerali. Dan apparti li - kif għidna l-Ħadd li għadda - dan ir-raġunament kompletament jinsa' illi Delia għandu kontrih allegazzjonijiet potenzjalment splussivi li jistgħu faċilment jisplodu ftit qabel elezzjoni ġenerali. 

Dan l-argument huwa wkoll emottiv ħafna u jinvesti fis-sens ta' tradiment u rabja li hemm fost firxa ta' tesserati għall-fatt li Adrian Delia "ma tħallhiex jaħdem".  Huwa ġustifikat imma bbażat fuq il-passat u mhux it-triq 'il quddiem għall-PN - jekk Delia jirbaħ, l-iskop ta' dan ir-raġunament ikun intlaħaq u l-partit jzappap għall-kriżi li jkun imiss. 

'Se nivvota lil Delia biex jitneħħew nies bħal Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami'

Raġuni oħra ta' wħud  minn dawk li se jivvutaw lil Delia hija biex jitneħħew nies li kienu attivi kontra Delia u ġeneralment jissemma' Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami.  Dawn iħossu illi nies bħal dawn it-tlieta u persuni bħalhom qed iżommu lill-partit tagħhom lura u parti kbira mit-tort ta' fejn jinsab il-PN illum huwa tagħhom.

L-ewwel problema:  Jekk Delia jkeċċi lil dawn it-tlieta,  fuq l-istess raġuni preċiża li biha keċċa lilhom irid ikeċċi ħafna nies oħrajn - il-maġġoranza tal-Grupp parlamentari, il-maġġoranza tal-Eżekuttiv u anke l-maġġoranza tal-Kunsilliera - u l-eks PM Lawrence Gonzi, l-eks Ministru Louis Galea - li lagħab parti ċentrali fil-waqa' ta' Delia, kif ukoll lill-eks Deputat PM Tonio Borg.

It-tieni problema:  Adrian Delia kellu ħafna opportunitajiet li jneħħi lil dawn in-nies, sa riċentement meta dawn rribellaw bil-kbir kontrih u ppreċepitaw elezzjoni għat-tmexxija tal-partit.  Il-fatt li ma neħħiehomx jista' jkun riżultat ta' ħafna affarijiet:  Minn nuqqas ta' rieda jew saħħa, il-fatt li jekk ikeċċi lil dawn ikun qed ikeċċi ħafna mir-riżorsa li biha jista' jaħdem jew inkella minħabba xi informazzjoni jew fatti li għadhom mhumiex pubbliċi. 

Hija mistoqsija ġġustifikata allura kif dak li ma seħħx fl-aħħar sentjen se jsir wara elezzjoni ta' Kap. 

'Jiena se nivvota lil Delia għax nemmen li jista' jikseb riżultat tajjeb f'elezzjoni ġenerali'

Għalkemm ma tantx jidher li hija raġuni popolari daqs l-ewwel tnejn hemm min jemmen illi Delia jista' jikseb riżultati pożittivi jekk min huwa kontrih jibda jappoġġjah. 

Mill-ġdid dan huwa argument li jreġi u li fil-fatt ilu jreġi mill-bidu li Delia ħa t-tmexxija tal-partit - anke jekk hemm ħafna fatturi li niżżlu lil Delia l'isfel speċjalment l-akkużi u allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu - kemm qabel u anke wara li sar Kap, il-battibekki li kellu ma' Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha kif ukoll it-telfiet umiljanti li sofra l-PN fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.

Is-sondaġġi u elezzjonijiet fl-aħħar tliet snin ma jurux li Delia qatt jista' jirbaħ jew inaqqas id-distakk, anzi fl-aħħar xhur Delia u l-PN komplew inaqqsu l-popolarità għal livelli baxxi ħafna.

'Jiena se nivvota lil Bernard Grech għax nadif, moderat u ġdid

 L-aktar raġuni li tidher illi hija popolari fost dawk li jridu lil Bernard Grech hija maqsuma fi tlieta f'ordni ta' importanza: Nadif. 

Grech, sa issa, huwa meqjus bħala politiku 'nadif' fis-sens illi l-kuntatti tiegħu minn dawk li huma pubbliċi sa issa, ftit iqajmu dubji, speċjalment meta kkumparati mal-allegazzjonijiet ta' flus ġejjin mill-prostituzzjoni f'Soho u allegazzjonijiet ta' flus minn Yorgen Fenech biex David Casa ma jkunx elett u whatssapp chats mal-istess Fenech, li hemm fil-konfront ta' Delia. Jidher, dejjem sa issa, li Grech għandu stil ta' ħajja xi ftit aktar konvenzjonali u fil-fatt l-ewwel battuti minn naħa tal-Partit Laburista jidher li ma tantx hemm wisq munizzjon kontrih (kant f'ajruplan u l-pożizzjoni tiegħu fuq id-divorzju ftit jistgħu jitqiesu bħala ħmieġ u dellijiet politiċi serji). 

Grech, speċjalment wara l-prestazzjoni tiegħu fuq X Tra, jidher li huwa politiku moderat, li fil-fatt isemmi l-moderazzjoni u l-bżonn li ninfatmu mill-politika tat-tribù ħafna drabi.  Ikkumparat ma' Delia li issa għandu l-qrusa ta' tliet snin jitqabad, jiġġieled u jaqla' l-istalletti internament, Bernard Grech jidher ħafna iktar kalm u ħafna inqas mtaqqal mis-sens ta' tradiment u tpattija.  Grech jidher li qed juża n-narrativa li permezz tagħha qed jipprova jattira lejn il-PN persuni li mhux neċessarjament huma vortanti Nazzjonalisti. 

Naturalment dawn it-tesserat jsemmu l-fatt li huwa ġdid (li tista' titqies ukoll bħala negattiva) bħala aspett pożittiv.  Il-ġdid, speċjalment bil-PN fl-istat li hu, naturalment se jidher aktar attraenti. 

Minkejja dan, dan kollu huwa bbażat fuq il-ftit li għadna nafu dwar Bernard Grech u fuq id-drabi li deher jitkellem fuq il-midja Nazzjonalista kif ukoll fuq programmi bħal Xarabank.  Din hija problema li Grech jeħtieġ jegħleb - il-familjarità tiegħu mal-elettorat Nazzjonalista u jekk jiġi elett mal-elettorat in ġenerali hija importanti jekk irid jipproġetta lilu nnifsu bħala politiku sigur. 

Bħalissa l-prospett ta' Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jew oltrè, jista' jkun li huwa aktar eċitanti - imma mhux neċessarjament sigur. 

'Se nivvota lil Bernard għax jista' jikseb voti mitlufa u jnaqqas id-distakk'

Raġuni li tissemma' minn uħud hija li bi Grech fi tmun il-Partit Nazzjonalista jista' realment jibda jattira voti lejn il-partit, xi ħaġa li fil-fatt li ilha ma' sseħħ hekk kif il-PN sofra  mewġa kbira kontrih bejn l-2008 u l-2013 li baqgħet tkun sostnuta matul is-snin u ggravat mill-2017.  Hemm min jirraġuna illi Bernard Grech jista' jkun dak il-fattur fil-partit li jiġbed ukoll ammont ta' voti Laburisti, xi ħaġa li terġa u tgħid il-PN ilu ma jagħmel f'numri konsiderevoli mill-2003 meta huwa magħruf li sezzjoni ta' votanti tradizzjonalment Laburisti vvutat mal-viżjoni nazzjonalista ta' sħubija fl-UE. 

Il-problema b'din ir-raġuni hija li bbażata wisq fuq is-suppożizzjoni u wisq fuq il-konklużjoni li malli jitla' - jekk jitla' - Grech, il-partit se jingħaqad warajh.  Dawn sa issa huma suppożizzjonijiet fl-arja bbażati fuq dak il-ftit li nafu dwar Grech u fuq l-assunzjoni li jekk dan jitla' se jingħaqad il-PN meta din il-ġimgħa stess kien hemm battibekk li juri kemm l-affrarijiet bejn iż-żewġ fazzjonijiet mhumiex ward u żgħar. 

Grech implika li Delia, meta "stieden" lill-Kummissjoni Elettorali tal-PN biex tagħtih spazju, fil-fatt ma kien qed jistieden xejn għax kienet il-ħidma tal-Kummissjoni li kkonvinċiet lil Delia biex jingħata dan l-ispazju. 

Wieħed jista' jaħseb kemm tista' tkun aktar dannuża u taħraq il-kampanja fuq affarijiet ħafna iktar serji u f'mumenti aktar kruċjali (eqreb lejn id-data). 

'Se nivvota lil Bernard la ġie ċ-ċans.  Imma lir-ribelli xorta mhux se nivvutalhom fl-elezzjoni'

Isir żball - li fil-fatt jirrifletti narrattiva partikolari - meta wieħed jaqsam lill-votanti Nazzjonalisti esklussivament bejn dawk li huma 'Kontra Delia' u dawk li huma 'Favur Delia'.  Narrattiva li l-kandidati stess qed jirrepetuha. 

Jeżisti settur ta' Nazzjonalisti - kemm hu kbir ma nafux - li mhumiex kontra Delia imma li fil-fatt ivvutawlu jew li saħanistra appoġġjawh jew inkella li kienu simpatizzanti lejh, iżda li llum iħossu li xorta hemm bżonn bidla.  Hemm realizzazzjoni illi minkejja l-intenzjonijiet ġenwini u tajbin kollha ta' Delia, bis-sitwazzjoni kif inhi l-Kap preżenti ma jistax iwassal il-vapur sal-port. 

Minkejja dan, ma jfissirx li dawn jaqblu mal-mod kif ċerti  Deputati kienu kważi kontinwament fuq l-attakk u pruvaw - mhux darba - ineħħu lil Adrian Delia minn postu.  Għalhekk dawn iħossu illi filwaqt li Grech huwa l-kandidat li jixtiequ ladarba issa ġie dan iċ-ċans, xorta se jivvutaw lil kandidati ġodda meta tasal elezzjoni ġenerali. 

Dan fil-fatt huwa l-awto-kompromess li qed isibu dawn il-votanti biex jirrikonoxxu l-għadab tagħhom stess għal dak li ġara fil-partit, imma fl-istess ħin jaħtfu l-opportunità ta' tiġdid fit-tmexxija.  Huwa kompromess psikoloġiku li jagħmlu ħafna votanti, tant li l-eks PM Lawrence Gonzi - fl-2008 - għax kien jaf li kien hemm eluf mhumiex sodisfatti bil-Gvern u l-membri tiegħu ħeġġeġ lill-votanti biex jivvutaw lill-kandidati differenti u ġodda. 

Naturalment wieħed ma jistax jissottovaluta s-saħħa ta' wħud minn dawn id-Deputati u s-saħħa li għandhom fil-livell tal-għeruq.

More in Politika