Editorjal | Għajnuna estiża u kkundizzjonata biex tilqa' għall-kriżi fit-turiżmu

Sakemm it-turiżmu jibqa' jzappap kif inhu, l-ekonomija ma tistax tieħu r-ruħ

L-ekonomija dieħla f'perjodu pjuttost diffiċli - mhux biss għaliex id-defiċit qiegħed jiżdied, biex il-Gvern ikun jista' jwettaq miżuri li jgħinu lill-kumpaniji bħat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji kif ukoll il-Wage Supplement - li kienet mhux biss inizjattiva tajba, imma waħda li salvat ħafna impjiegi - imma wkoll minħabba t-turiżmu. 

It-turiżmu jibqa' l-akbar industrija tal-pajjiż u l-aktar industrija li minnha jgawdu individwi, familji u negozji - kbar u żgħar.  Xi kultant tant għidniha din li tinstema' qisha klixè,  imma tajjeb li nfakkru u nibqgħu nfakkru għax b'hekk biss nistgħu nifhmu l-urġenza li jsir xi ħaġa biex insalvaw issa u nerġgħu nikkompetu għada. 

Mill-ħaddiema fl-ajruport, sa tat-taxis, il-waiter, dawk li jaħdmu mal-bar, il-cleaners, receptionist, ħaddiema tal-manutenzjoni, maniġers tal-lukandi, uffiċjali tas-sigurtà, sidien ta' ristoranti, sidien ta' lukandi kbar u boutique hotels, persuni li għandhom proprjetà li jikru permezz tal-Airbnb, tat-tours, l-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-ħaddiema tagħhom u nistgħu nibqgħu għaddejjin. 

U hawnhekk elenkajna biss uħud minn dawk li jaħdmu direttament fit-turiżmu, għaliex hemm eluf ta' negozji oħrajn u eluf kbar ta' ħaddiema li mingħajr turiżmu jbatu ħafna wkoll: tal-ħobż, tal-ħaxix u kwalunkwe prodottur tal-ikel li jforni lill-lukandi u ristoranti, il-ħwienet prattikament kollha f'Tas-Sliema, San Ġiljan, Buġibba/Qawra, Għawdex u Marsaxlokk li jbiegħu ikel, xorb u ħwejjeġ, il-ħwienet tas-souvenirs u ħafna aktar - saħansitra anke pubblikaturi ta' materjal li jiddependi minn riklamar ta' ikel u ristoranti u l-midja, qed iħossu d-daqqa.  

 It-turiżmu huwa l-aktar industrija li għandha effett multipliku u bħalu - imma inqas minnu - il-kostruzzjoni.  

Sakemm it-turiżmu jibqa' jzappap kif inhu, l-ekonomija ma tistax tieħu r-ruħ.  Allura x'għandu jsir fit-turiżmu u dawk l-industriji kollha milqutin?

It-turiżmu jibqa' l-akbar industrija tal-pajjiż u l-aktar industrija li minnha jgawdu individwi, familji u negozji - kbar u żgħar. Xi kultant tant għidniha din li tinstema' qisha klixè, imma tajjeb li nfakkru u nibqgħu nfakkru għax b'hekk biss nistgħu nifhmu l-urġenza li jsir xi ħaġa biex insalvaw issa u nerġgħu nikkompetu għada

1)  L-ewwelnett din il-gazzetta taqbel illi l-għajnuna tal-Wage Supplement għandha tiġi estiża.  Ħafna forsi jħossu li mhux ġust li eluf ta' operaturi li kienu qed jagħmlu l-profitti (mhux neċessarjament kulħadd kien qed jagħmel il-miljuni) jibqgħu jingħataw l-għajnuna.  Imma rridu nżommu f'moħħna illi mingħajr dik l-għajnuna tal-Wage Supplement ħafna ħaddiema jidħlu fir-riskju jew inkella saħansitra, jitilfu xogħlhom.  Fil-verità in-negozji speċjalment dawk żgħar u medji  - bħal ħafna minn dawk li elenkajna diġa', biss, biss hemm madwar 200 aġenzija tal-ivjaġġar li ħafna minnhom huma kumpaniji żgħar - ma jifilħux għal wisq żmien ieħor qabel ma fil-fatt ifallu.  Ħafna minn dawn in-negozji kellhom jibqgħu jħallsu l-kera u l-kontijiet, filwaqt li n-negozju niżel għall-żero u ċċaqlaq biss (għalkemm baqa' ħafna inqas minn  normal) grazzi għall-vouchers.  Ħafna minn dawn in-negozji kellhom jieklu minn ġewwa biex ikunu jistgħu jħallsu l-bażiku u biex jibqgħu fil-wiċċ.  Ħafna mir-riżervi ta' dawn in-negozji issa bdew jixxuttaw u allura kif qal tajjeb Philip Fenech, ma' din il-gazzetta għal bosta operaturi, l-estensjoni ta' Wage Supplement hija kwistjoni ta' ħajja u mewt.

Naturalment il-prezz ta' din il-miżura huwa kbir, imma l-prezz ta' negozji li jitħallew jgħerqu hija bil-wisq akbar.  Wara kollox min hu bla xogħol u qed jirreġistra xorta jrid jitħallas il-benefiċċju tal-qgħad.  

2) Qed jiġi rrapportat li l-vouchers jaf ikunu estiżi - b'ħafna ristoranti jgħidu illi kieku ma kinux huma kienu jgħalqu.  Dawn huma validi sal-aħħar ta' Settembru. Ċerti illi l-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jirrispondu u jużaw il-vouchers u allura r-rota għallinqas - issa li ġejja Xitwa - iddur xi ftit. 

3) Irid ikun assigurat li l-liġi li tipproteġi x-xogħol tkun segwita u li l-benefiċċji li semmejna fl-ewwel u t-tieni punt jingħataw b'kundizzjoni.  Il-Gvern għandu jagħti l-Wage Supplement lil dawk biss illi jassiguraw li ma jkeċċux ħaddiema.  Il-Gvern għandu jagħti din l-għajnuna biss lil min qed iħaddem legalment, qed jopera skont il-liġi u li m'għandux każi jew ilmenti pendenti li jirrigwardaw xi forma ta' ksur tal-liġijiet industrijali.  Il-Gvern għandu juża din l-opportunità biex jara illi kulħadd qed jopera skont il-liġi. 

4)  Il-Gvern għandu juża din il-pandemija bħala opportunità biex itejjeb b'mod reali l-infrastruttura - speċjalment f'żoni turstiċi.  Huwa ta' pjaċir naraw proġett f'Marsalforn li qed jara n-naħa tal-Menqa tiġi msebbħa bi tqegħid ta' art ġdida, sabiħa u pulita.  Pero' hemm bżonn li jsir bil-wisq aktar fiż-żona ta' Buġibba u l-Qawra, mhux isir biss tibdil żgħir u ftit manutenzjoni.  Hemm bżonn li ż-żona ta' mal-baħar ikollha l-istess infrastruttura li hemm fin-naħiet tal-ponta tal-Qawra, mhux nitfgħu ż-żebgħa fuq is-sadid:  Dik mhux kwalità, imma medjokrità.  Din hija l-lokalità bl-akbar numru ta' sodod għat-turisti, ma ninsewx. 

5) Sabiex dan kollu jsir u nibqgħu fil-wiċċ hemm bżonn li l-Gvern jibda jiġbor l-arretrati fit-taxxa, kontijiet u bolla fejn dawn jistgħu jinġabru

6)  U finalment jaħdem sabiex Malta toħroġ mil-listi ta' pajjiżi u jkun lest b'kampanja soda u kreattiva ta' riklamar - kif ukoll b' miżuri li juru illi Malta hija serja fuq il-ġlieda biex in-numri tal-Covid-19 jinżammu baxxi

More in Politika