Bernard Grech | Il-bniedem għandu dejjem ikun fiċ-ċentru tal-politika

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fi stadju li jista’ jerġa’ jsir alternattiva serja u li titwemmen, jekk jagħżel it-triq tat-tiġdid, biex flimkien nirnexxu bħala partit u imbagħad bħala pajjiż

Dejjem emmint u nibqa’ nemmen li l-politika għandha tkun għodda li sservi lill-bniedem u mhux bil-kontra. 

L-istħarrig tal-Unjoni Ewropea ppublikat din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fost il-punti prinċipali tiegħu, jindika li kważi 83,000 persuna jinsabu f’xifer il-faqar. Hawn familji f’pajjiżna li ma jifilħux għall-ispejjeż bażiċi li jistgħu jinqalgħu għall-għarrieda u hawn ukoll dawk li ma jifilħux imorru għal btala flimkien, tal-inqas darba fis-sena.

Dan hu aspett soċjali u ekonomiku li lili jinkwetani ferm għaliex juri li l-ġid iġġenerat fil-pajjiż mhux qed jasal għand kulħadd. Pajjiż b’20% tal-popolazzjoni tiegħu f’riskju ta’ faqar ma jistax jissejjaħ pajjiż f’saħħtu, modern, progressiv, li qed jaħdem biex ilkoll nilħqu l-aħjar aspirazzjoni tagħna.

Dan il-livell ta’ faqar jista’ jħalli impatt negattiv fuq is-saħħa u l-edukazzjoni tal-ulied f’dawn l-istess familji.

Ekonomija bbilanċjata li tagħtina l-ħajja

Rajna fl-aħħar snin kif gvern immexxi mill-Partit Laburista naqas milli jħaddem ekonomija favur il-persuni u minflok warrab il-ġid komuni, jiġifieri l-ġid ta’ kull wieħed minna, biex poġġa r-regħba bħala prijorità assoluta, fejn il-flus minflok li qed jitqassmu b’mod ġust u jmorru l-aktar fejn hemm bżonn, qed jispiċċaw jittieħdu mill-ftit li huma tal-qalba. 

Ekonomija li tgħin lin-nies ma tfissirx li ninjoraw l-importanza tal-ekonomija u li ma naħdmux kemm nifilħu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tmur tajjeb. Ifisser li l-ekonomija tkun għodda li permezz tagħha ngħinu lin-nies ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar u li taħdem katina flimkien ma’ setturi oħra, bħal pereżempju settur fundamentali bħal dak tas-saħħa. Fl-aħħar xhur, waqt l-imxija tal-Covid-19, ħareġ ċar iżjed minn qatt qabel li ekonomija b’saħħitha taħdem jekk in-nies qegħdin f’qagħda ta’ saħħa tajba.

Rajna kif Gvern Laburista fit-tieni mewġa tal-Covid-19, ħoloq b’idejh, u għax ried, problema għal saħħet in-nies kif ukoll kriżi li se jkollha konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kbar. Dan kollu għax kellna Prim Ministru u Gvern li taw l-impressjoni li kollox kien għadda minflok kompla jħeġġeġ biex kulħadd jimxi b’attenzjoni u b’għaqal. Gvern Laburista ħaseb li hemm xi tensjoni bejn is-saħħa u l-ekonomija, meta dawn huma marbutin, u għandna nużawhom biex jgħinu lil xulxin. 

Partit modern li jtejjeb il-ħajja tal-persuna

Determinat li flimkien, permezz ta’ ċirku ta’ komunikazzjoni ma’ kulħadd, naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jsir partit modern li joħroġ l-aħjar potenzjal tan-nies għax iħariġġhom u jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex jagħtu l-aqwa servizz lin-nies. Irrid li nkunu il-Partit li jisma’, li jiddjaloga u li jaġixxi biex itejjeb il-ħajja tan-nies. Irrid li nressqu lejna persuni minn kull qasam tal-ħajja, sabiex bl-entużjażmu tagħhom jagħtuna l-enerġija, l-ideat tagħhom, u nistudjaw flimkien mal-esperti f’kull qasam, kif irridu ntejbu l-ħajja tan-nies kollha. 

Dan nistgħu inwettquh jekk aħna naħdmu flimkien u nwettqu politika li fiha ikollu sehem kulħadd, fejn il-politika tkun studjata, irriċerkata u deciża fl-istrutturi kollha tal-partit. Biex dan kollu jseħħ irridu naħdmu flimkien biex ikollna bidla fil-mentalità. Naħdmu biex fil-Partit Nazzjonalista l-aħjar nies ikunu fl-aħjar pożizzjonijiet skont il-ħiliet tagħhom, u niftħu l-bibien beraħ biex aktar nies jersqu lejna, fosthom iż-żgħażagħ preżenti u dawk futuri. Irridu nirbħu l-qlub ta’ kulħadd mingħajr ma nittimbraw lil ħadd. Dan jista’ jigi akkwistat biss permezz tal-għaqda. Għaqda li ġġib is-saħħa u s-suċċess għal ġid ta’ Malta f’dak kollu li nagħmlu.

Alternattiva serja u li titwemmen

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fi stadju li jista’ jerġa’ jsir alternattiva serja u li titwemmen, jekk jagħżel it-triq tat-tiġdid, biex flimkien nirnexxu bħala partit u imbagħad bħala pajjiż. Il-pajjiż huwa ħerqan għal alternattiva kredibbli għal Gvern li ħoloq kriżi fil-qasam tas-saħħa, tal-ekonomija u tal-ġustizzja. Aħna rridu nkunu l-partit li jitkellem man-nies, partit li joffri serħan il-moħħ u sigurtà. Ma rridux li jibqa’ jkollna min ma jħossux sigur fid-dar tiegħu. Irridu li l-anzjani tagħna jkunu moħħhom mistrieħ li jistgħu joħorġu minn djarhom mingħajr ħadd ma jattakkahom u li l-ġenituri ikunu moħħhom mistrieħ meta jibgħatu lill-uliedhom f’postijiet ta’ divertiment.  Irridu nkomplu ngħinu lill-investituri u lis-self-employed u nagħtuhom serħan il-moħħ li aħna lesti li ngħinuhom biex jinvestu u jmexxu magħna lill-pajjiżna ‘l quddiem. 

Dan dejjem billi jinholqu opportunitajiet indaqs għall-imprendituri kollha, u mhux ikunu aġevolati dawk tal-qalba biss bħal ma hu kapaċi jagħmel Gvern Laburista. Irridu li jekk l-ekonomija tmur tajjeb din tkun verament tinħass kemm fil-bwiet tan-nies kif ukoll fil-kwalità tal-ħajja li jgħixu. 

Għalhekk l-appell tiegħi hu biex ilkoll flimkien, speċjalment l-imsieħba soċjo-ekonomiċi tal-pajjiż, l-imprendituri kbar u żgħar, il-unions, il-politiċi u s-soċjetà ċivili, bl-esperti magħna, inpoġġu madwar mejda u nagħmlu analiżi serja tal-mudell ekonomiku li qed inħaddmu – x’fih b’saħħtu u x’fih dgħajjef; x’mudell ekonomiku għandna bżonn fid-dinja ta’ wara l-pandemija COVID; kif ser insostnu lil min qed jiġġenera l-ġid filwaqt li fl-istess ħin naċċertaw ruħna li dawk ta’ taħt isiru wkoll protagonisti f’dan kollu. 

Jien se nkun qed nisma’ lil kulħadd, anke lil dawk li jaħsbuha differenti minni, għax jekk ma nisimgħux u ma niddjalogawx, ma nifhmux x’qed iħossu n-nies, u jekk nifhmu x’qed iħossu n-nies, imbagħad inkunu nistgħu nieħdu l-iktar deċiżjonijiet infurmati biex inwettqu politika li sservi lin-nies, politika fejn il-bniedem għandu dejjem ikun fiċ-ċentru tagħha. Nemmen li l-ġid komuni jista’ jintlaħaq biss meta lkoll kemm aħna jkollna l-opportunità u l-libertà li navvanzaw u ngħinu fl-iżvilupp tal-komunità li ngħixu fiha. B'hekk ukoll nistgħu nkomplu nsiru l-aħjar verżjoni tagħna nfusna. 

Għalhekk jien offrejt ruħi li nkun kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika