Miriam Dalli | Lejn sostenibilità bil-fatti

l-bażi tal-politika li se nkunu qed naħdmu fuqha hija s-sostenibilità, biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha

Il-proċess ta’ konsultazzjoni 100 Idea huwa eżerċizzju miftuħ li jdur ma’ għaxar fora politiċi, li jkopru l-oqsma kollha li jaffettwaw ħajjet il-poplu Malti u Għawdxi. Dan għaliex irridu li Malta u Għawdex jimxu lejn mudell ekonomiku li jiffoka fuq is-sostenibilità bil-fatti u mhux bil-paroli. Flimkien mad-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef u l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard qieghda nikkordina din l-inizjattiva biex sal-ahhar ta’ din is-sena ikollna mitt proposta li wara rridu naħdmu biex naraw li jiġu mplimentati u jsiru realtà.

Dak li għaddejna u għadna għaddejjin minnu kawża tal-pandemija COVID-19 wriena bl-aktar mod ċar kif l-ekonomija, l-ambjent u s-saħħa jridu jimxu id f’id, illum aktar minn qatt qabel. Dawn huma t-tlett oqsma li se nkun qed nikkordina u mhux b’kumbinazzjoni imma bi ħsieb. Irridu proposti li jindirizzaw l-ekonomija tal-pajjiż minn aspett li jikkonsidra l-kwalità tal-ħajja bħala l-kejl ewlieni tas-suċċess ekonomiku tagħna, b'ambjent b’saħħtu u saħħet il-poplu jkunu dak il-kejl li jista’ jiggwidana bl-aħjar mod

Permezz tal-forum Ġid Li Jasal Għand Kulħadd se niffokaw fuq kif nistgħu nattiraw aktar setturi ekonomiċi sostenibbli lejn pajjiżna u kif il-ħaddiema tagħna jistgħu jkunu preparati għax-xogħlijiet tal-llum u ta’ għada. Irridu nirrevedu dawk l-oqsma li kienu ta’ suċċess, bħal ma’ hu t-turiżmu, u naraw kif se nkomplu nsostnu turiżmu ta’ kwalità. 

Fl-istess ħin, hemm bżonn li nagħtu każ pilastri ekonomiċi importanti li ma ngħatawx l-importanza mistħoqqa matul is-snin, bħall-biedja u s-sajd. Dan billi, fost oħrajn, naħsbu f’politika li toffri impjieg liż-żgħażagħ f’dawn l-oqsma. Il-bdiewa u r-raħħala huma importanti mill-aspett ekonomiku u anke’ dak ambjentali, għaliex huma atturi ewlenin li jistgħu jgħinuna nsaħħu l-biodiversità ta’ pajjiżna. Flimkien magħhom irridu nippreżentaw proposti li jippromwovu aktar biedja organika u inqas użu ta’ pestiċida. 

Irridu niffokaw fuq is-sostenibilità kemm minn aspett ambjentali kif ukoll minn aspett ta’ klima. Il-European Green Deal hija opportunità ekonomika għaliex pajjiżna għandu l-opportunità li jattira industriji li għandhom din il-viżjoni u b’hekk jinħolqu impjiegi ġodda. 

Dan jinkwadra mal-viżjoni li nieda l-Prim Ministru Robert Abela meta kkonferma l-impenn ta’ pajjiżna biex sal-2050 inkunu newtrali b’mod nett fit-tniggiz mill-karbonju. Biex naslu f’dan il-punt, irridu ninvestu ferm aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni; żewġ oqsma oħra li se niffukaw fuqhom permezz tal-inizjattiva '100 Idea'. 

Il-forum ambjentali jismu L-Ambjent: Ġid Komuni propju għaliex konvinti li l-ambjent għandu jkun il-ġid komuni ta’ lkoll kemm aħna. It-trasport, per eżempju, huwa settur ieħor ekonomiku li se naħdmu fuqu sew mill-aspett ekonomiku u anke’ dak ambjentali. Se nkunu qed niffukaw fuq l-ippjanar u kif nirrispettaw l-estetika tal-lokalitajiet tagħna. Irridu policies dwar l-infrastruttura fil-gżejjer tagħna li jirrispettaw ukoll il-protezzjoni ambjentali. Barra minn hekk, irridu niddiskutu proposti li jistgħu jiżguraw kwalità ta’ arja aħjar u provvista u kwalita’ ta’ ilma. 

It-tibdil fil-klima se jingħata l-enfasi li jistħoqlu, b’mod partikolari billi niffukaw fuq transport b’inqas tniġġiz, metodi alternattivi ta’ trasport u ta’ mobilità u proposti dwar afforestazzjoni u enerġija rinovabbli. Dan kollu għaliex irridu ekonomija b’saħħitha, ambjent b’saħħtu imma fuq kollox ċittadini b’saħħithom. 

Li nħarsu saħħitna huwa essenzjali biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja tajba għal kull wieħed u waħda minnha. Il-policy forum Saħħitna se jiffoka fuq policies li jistgħu jagħmlu dan il-qasam aktar reżiljenti milli hu llum. Irridu nieħdu l-perspettiva tal-professjonisti imma anke’ tal-pazjenti, għandhom kemm għandhom żmien. Se nkunu qed niddiskutu l-ħtigijiet tas-saħħa tal-anzjani tagħna u anke’ ta’ tfal li jkunu għaddew minn mard kroniku u t-trawma li dan iġib miegħu.

Li nħarsu saħħitna huwa essenzjali biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja tajba għal kull wieħed u waħda minnha

Irridu niffukaw fuq kif it-tekonoloġija tista’ tkompli ssaħħaħ is-servizz tas-saħħa u kif ir-riċerka tista’ tgħin, b’mod partikolari fejn jidħol mard rari.  Se nkunu qed naħdmu fuq proposti li jindirizzaw l-obeżità, l-isport u l-attivita fiżika. Jorbot ma’ dan l-enfasi fuq is-saħħa mentali, li tibqa’ prijorità. 

Ħerqana biex nilqgħu suġġerimenti dwar l-aċċess għall-mediċini - kwistjoni komuni għal pajjiżi kollha Ewropej iżda aktar predominanti f’pajjiż żgħir bħal Malta. Bl-istess mod rridu nressqu proposti dwar mediċina alternattiva li tista’ tkun ta’ soljev għal ċertu pazjenti u anke’ l-introduzzjoni ta’ servizzi varji li jistghu jghinu lil pazjenti differenti. 

Il-bażi tal-politika li se nkunu qed naħdmu fuqha hija s-sostenibilità, biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Konvinta li dawn it-tliet policy fora, għalkemm distinti, se jkunu qed jaħdmu id f’id biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent b’saħħtu u ekonomija reżiljenti. 

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt sabiex toffri l-ideat tiegħek, tista’ tibgħat e-mail fuq [email protected] jew tħalli messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista.

More in Politika