Editorjal | Issa l-mument li nwieżnu aktar lill-foqra u lill-batuti - li qed jiżdiedu!

Il-gazzetta ILLUM taqbel perfettament mal-Alleanza Kontra l-Faqar li issa wasal iż-żmien - anzi ngħidu li issa ż-żmien opportun - biex tiġi diskussa l-introduzzjoni ta' Living Wage

Din il-ġimgħa ħarġet l-istatistika tar-rapport EU-SILC li jitratta l-qagħda soċjali ta' individwi u familji f'pajjiżna u li wera' illi f'pajjiżna hawn kważi 83,000 persuna li jinsabu f'riskju ta' faqar.  Issa meta ngħidu riskju ta' faqar x'jiġifieri?  Ifisser illi ċerti affarijiet bażiċi ma jistgħux jagħmluhom - ma jifilħux għal spiża mhux mistennija u lanqas jifilħu jieħdu vaganza lilhinn mid-dar.  Inkella f'każi iktar estremi ma jistgħuix isaħħnu djarhom jew lanqas jifilħu jieklu ikla bnina tliet darbiet fil-ġimgħa. 

Il-bniedem komdu minn dan ma tantx jinteressah u ġeneralment min huwa komdu jgħidlek li ħafna minn dawn in-nies jinsabu f'din il-qagħda għax għażżenin, is-soltu preġudizzju soċjali u politiku li jixgħel f'dan il-pajjiż.  Huwa vera fil-fatt li 53% ta' dawk f'riskju ta' faqar huma bla xogħol - u dan sal-2019 meta l-livelli tal-qgħad kienu għadhom baxxi!  Aħseb u ara x'se jkollna fir-raport SILC ta'  din is-sena bil-qgħad jerfa' rasu.  Jeħtieġ naqsmu lil dawn il-53% fi gruppi - għaliex mhux qed isibu xogħol?  Jew għaliex huma bla xogħol?  Liema tip ta' xogħol qed ikun offrut lilhom?  Liema tip ta' kundizzjonijiet għandna fis-suq in ġenerali?  X'ħiliet għandhom?  U kif qed intejbu l-ħiliet tagħhom? 

U fil-każ tal-preżent irridu naraw ukoll f'liema setturi qed jintilfu l-impjiegi u dawk li kienu jaħdmu fihom kif se jsibu xogħol. Waiter li spiċċat bla xogħol, għandha jew qed nagħtuha biżżejjed ħiliet biex issib impjieg ġdid li forsi huwa differenti? Persuna li kellha negozju żgħir b'marġini żgħar ta' profitti (bħal ħafna SMEs f'Malta)  u għaliex magħluq jew miftuħ għalxejn spiċċa jirreġistra, qed nagħtuh it-taħriġ li hemm bżonn biex - per eżempju - niddiversifikaw in-negozju tiegħu?  

Hemm bżonn naraw ukoll x'se jiġri bil-moratorji u s-self...inutli qed jinġemgħu ammonti ta' self pospost biex imbagħad malli l-persuna jerġa jkollha xi forma ta' stabbilità jew jerġa' jkollha paga diċenti issib ma' wiċċha muntanja dejn. Dan itawwal biss it-tbatija tal-ħafna

Ir-rapport SILC tas-sena l-oħra jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tal-preżent, sena illi fiha l-faqar qed jieħu dimensjonijiet ġodda għaliex wara snin ta' "abbundanza" ekonomika, issa irridu nibdew nissikkaw iċ-ċinturin f'ekonomija li qed tiċkien mhux tikber. Għalhekk jeħtieġ nistaqsu:  Il-miżura tajba u fejjieda tal-Gvern li jsostni parti mill-paga tal-ħaddiema għandha tibqa' għal setturi ta' ħaddiema li qed ibatu l-aktar u forsi tiżdied ukoll?  Din il-gazzetta tħoss li l-ammont għandu jkun ikbar u iktar ikkonċentrat fuq ħaddiema li m'għandhomx impjieg, f'kumpaniji li qegħdin f'qagħda prekarja u fuq dawk li kienu foqra qabel il-pandemija u ftqaru iktar issa. 

Hemm bżonn naraw ukoll x'se jiġri bil-moratorji u s-self...inutli qed jinġemgħu ammonti ta' self pospost biex imbagħad malli l-persuna jerġa jkollha xi forma ta' stabbilità jew jerġa' jkollha paga diċenti issib ma' wiċċha muntanja dejn.  Dan itawwal biss it-tbatija tal-ħafna. 

Jekk nieħdu ħsieb saħħitna u nerġgħu niksbu l-kontroll li kellna tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 ikun jaqbel għal saħħitna u għas-saħħa tal-ekonomija tagħna

Il-gazzetta ILLUM taqbel perfettament mal-Alleanza Kontra l-Faqar li issa wasal iż-żmien - anzi ngħidu li issa ż-żmien opportun - biex tiġi diskussa l-introduzzjoni ta' Living Wage - kunċett illi permezz tiegħu jiġi kkalkulat skont il-bżonnijiet bażiċi, kemm huwa dħul diċenti għal persuna jew familja.  Huwa l-mument opportun għax kif nafu b'inqas dħul, inqas opportunitajiet ta' xogħol u allura aktar diffikultajiet ekonomiċi. 

Finalment hemm bżonn ukoll li nieħdu ħsieb saħħitna u din hija responsabilità kollettiva.  Jekk nieħdu ħsieb saħħitna u nerġgħu niksbu l-kontroll li kellna tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 ikun jaqbel għal saħħitna u għas-saħħa tal-ekonomija tagħna - ħalli nerġgħu ndawwru r-rota u jgawdi kulħadd.  U l-Gvern irid jara li jgawdi kulħadd u jaċċerta li ħadd ma jaqa' lura - lanqas fid-diffikultajiet tal-preżent. 

More in Politika