Josianne Cutajar | Sehem il-mara fis-Soċjetà

 Issa hu l-waqt li naraw x’nistghu naghmlu aktar biex insostnu dawn il-passi pożittivi, fosthom permezz ta’ possibiltajiet ta’ ‘remote work’ u ‘flexi-work’

Bħala Membru Parlamentari Ewropew il-ħidma tiegħi tifrex ukoll f’qasam li nħoss li huwa importanti ferm u wkoll hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza u ħidma dwaru – is-sehem tal-mara fis-soċjetà, l-irwol tagħha, u l-ugwaljanza tal-ġeneru.

Meta nħares lejn dan is-suġġett narah ukoll mil-lenti Ewropea. F’dawn l-aħħar snin kien hemm passi tajbin ‘l quddiem fejn tiħdol ugwaljanza tal-ġeneru u tista’ tgħid li dan l-argument qiegħed jingħata prijorità. Imma minkejja dan, għad hemm ħafna x’naqdfu u wkoll għad hemm ħafna xogħol x’isir biex tassew nibdew naraw il-mara fuq l-istess livell tar-raġel fil-prattika. 

Tajjeb pero li nirrikonoxxu il-progress li qed isir anke lokalment. Fil-ġimgħat li għaddew f’pajjiżna rajna nisa ta’ stoffa maħtura f’karigi importanti.  Mhux biss rajna lil Ramona Attard f’kariga importanti bħala President tal-Partit Laburista, imma kellna wkoll l-aħbar tal-ħatra ta’ Norma Saliba bħala Kap tat-Taqsima Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali u ta’ Dr Yvonne Farrugia bħala Prosekutur Ewropew.

Kien sinifikanti d-diskors ta’ Ramona, speċjalment l-istqarrija tagħha li l-Partit Laburista emmen fiha sa mill-bidu u taha l-opportunitajiet kollha biex illum waslet f’dan il-punt. Imma wkoll meta spjegat li kemm-il darba kien hemm min iddubita l-kapaċità tagħha għal dan ir-rwol għax hija omm ta’ tlett itfal. Ir-risposta li niżlet tajjeb ferm kienet “inlaħħaq bi tlett itfal bħalma jlaħħaq kieku hawn raġel minfloki.” Iva,  mara hija kapaċi daqs kull raġel ieħor, u kulħadd għandu jirrikonoxxi dan il-fatt.

Issa hu l-waqt li naraw x’nistghu naghmlu aktar biex insostnu dawn il-passi pożittivi, fosthom permezz ta’ possibiltajiet ta’ ‘remote work’ u ‘flexi-work’

Ħadt gost naqra wkoll l-intervista li tat Lydia Abela lill-ġurnal lokali. Intervista li fiha qalet li kull mara għandha tħares lejha nnifisha bħala individwu b’valur uniku, u wkoll li l-mara għandha ħafna x’toffri, kemm fis-soċjetà, kemm fil-politika u anke fid-dinja tax-xogħol.

Lydia wkoll tat prova li mara kapaċi issib il-bilanċ tajjeb bejn karriera u familja. Filfatt spjegat li qabel Jannar li għadda, meta bdiet rwol importanti bir-raġel tagħha Prim Ministru ta’ pajjiż, kienet ilha tokkupa l-kariga ta’ segretarju tal-eżekuttiv għaxar snin u għalhekk kienet drat tadatta ruħha għall-ħajja pubblika imma wkoll timmaniġġja l-ħin tagħha. 

Tajjeb li nfakkru li Gvern Laburista ntroduċa miżuri effettivi biex iħeġġu aktar parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Miżura pożittiva’ kienet dik tat-twaqqif tal-Fond tal-Maternita’, kif ukoll l-introduzzjoni taċ-Ċentri tal-Kura tat-Tfal b’xejn - miżura li tagħti l-istampa li t-tfal u r-responsabbiltà tal-familja, m'għandhomx ikunu biss, u mhumiex ir-responsabbiltà esklussiva tal-omm.  Issa hu l-waqt li naraw x’nistghu naghmlu aktar biex insostnu dawn il-passi pożittivi, fosthom permezz ta’ possibiltajiet ta’ ‘remote work’ u ‘flexi-work’.

Irridu nintensifikaw il-ħidma tagħna wkoll fejn jidħol sehem il-mara fil-politika u hawn ukoll Gvern Laburista kien protagist billi xpruna riforma biex ikun hemm 'reserved seating mechanism' fil-Parlament Malti. Dan ikun ifisser li mill-Elezzjoni Ġenerali li ġejja s-siġġijiet jimtlew bl-elezzjoni normali kif nafuha u jekk ma jkunx hemm min ta' lanqas 40% ta' dawk eletti mis-sess sottorappreżentat, f’dan il-każ in-nisa, allura jkun hemm ammont limitat ta' siġġijiet addizzjonali li jimtlew mill-kandidati nisa.

Fil-fora Ewropea, l-Istrateġija tal-Ġeneru kienet pass kuraġġuż mill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Tajjeb li nsemmi xi punti, u nagħfas fuq argument li qiegħed fil-quċċata ta’ din id-diskussjoni: il-kwistjoni reali u tanġibbli tal-paga ugwali; li mara fl-istess kariga ta’ raġel ikollha l-istess paga u kundizzjonijiet tal-istess kariga li tkun mimlija minn raġel. U hawn fejn irid ikun hemm aktar diskussjoni u azzjoni b’determinazzjoni bejn dawk kollha nvoluti; l-awtoritajiet, aġenziji, dawk li jħaddmu u wkoll it-trade unions.

Argument ieħor marbut ma’ dan is-suġġett hu propju li r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea jiġu investiti b’mod aktar għaqli u sensittiv lejn il-ġeneru. Jekk dan isir b’mod effettiv, dawn il-fondi jistgħu jikkontribwixxu biex jingħelbu l-ostakli li qed ixekklu l-ugwaljanza. 

Dan kollu jitfa’ responsabbiltà fuqna l-Membri Parlamentari Ewropew. Responsabbiltà bħala ‘policy-makers’ li niżguraw li l-ħidma tagħna twassal biex verament ikollna ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja. Dan irid isir b’ħidma koordinata, b’edukazzjoni, informazzjoni, djalogu u wkoll azzjoni konkreta fil-fora kollha biex naraw li dan li qed naħdmu għalih, u nemmnu fih, isir realtà.

More in Politika