Roberta Metsola | UE: Rabta miegħek dwar standards u drittijiet

Kuntraju għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, il-Partit Nazzjonalista ma jqisx il-fondi ewropej bħala bajtra tax-xewk imma għalqa li għandha tkompli tintela’ b’aktar żerriegħa biex tagħti l-frott

Dawn l-aħħar xhur kienu ġimgħat intensivi ta’ laqgħat u diskussjonijiet dwar il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea. Wara li l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu fuq il-budget u l-għajnuna finanzjarja biex l-ekonomija Ewropea tirkurpra minħabba l-effetti negattivi tal-pandemija, fil-Parlament Ewropew ivvutajna biex dan il-budget jidħol fis-seħħ. 

Kull budget isir f’kuntest partikolari imma dak li ġie approvat għas-seba’ snin li ġejjin sar fi żmien biex iwieġeb ukoll għar-riperkussjonijiet ta’ saħħa, u sfidi ekonomiċi u finanzjarji kbar li l-pandemija ġabet magħha.

Proġetti li jagħmlulek differenza

L-Unjoni Ewropea kienet dejjem strumentali biex Malta u Għawdex ingħatajna għajnuna finanzjarja biex nimmodernizza l-infrastruttura b’toroq aħjar, isiru inizjattivi fil-qasam soċjali fosthom fl-impjiegi, proġetti fis-saħħa bħal bini tal-isptar għall-kura tal-kanċer, inwettqu proġetti ambjenti, u ningħataw għajnuna għal setturi differenti fosthom is-sidien ta’ negozji żgħar u medji, il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala.

Kisba li ġab il-PN li tibqa’ trendi

Fl-istorja politika ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista ġab għall-poplu Malti u Għawdxi kisbiet politiċi kbar biex għamel minn pajjiżna pajjiż modern u Ewropew. Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hi kisba minnhom. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ trendi ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi, u l-budget li ġie approvat mill-Parlament Ewropew hu konferma oħra ta’ dan.

Imma għall-Partit Nazzjonalista, l-Unjoni Ewropea mhix marbuta ma’ budget finanzjarju biss.

Nibqa’ nemmen li s-sħubija ta’ Malta hi rabta ma’ kull ċittadin dwar valuri, drittijiet u standards. Il-politika m’għandiex tinbena fuq in-numri u l-istatistika imma tkun mibnija fuq in-nies – dak li jagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. Għaldaqstant il-mod kif għandu jintuża l-budget tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mibni fuq il-ħtiġiet tan-nies.

Inizjattivi ta’ solidarjetà

Wieħed mill-valuri tal-Unjoni Ewropea hu s-solidarjeta’. Dan hu valur importanti ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Il-programmi finanzjati mill-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mibnija fuq is-solidarjetà u għaldaqstant jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ nies vulnerabbli, li jinsabu l-aktar f’riskju, biex aktar nies jiġu integrati fil-ħajja edukattiva u soċjali, biex aktar nies jidħlu f’impjieg dinjituż u li jirrendi għalihom u għal dawk li jiddependu minnhom. Anki inizjattiva li tagħmel differenza għal persuna waħda biss jew għal ftit nies għandha tkun ikkunsidrata u implimentata. Il-ħajja tan-nies hi aktar importanti min-numri fl-istatistika.

Proġetti li jħarsu saħħitna

Għall-Partit Nazzjonalista, is-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna hi importanti ħafna. Għalhekk anki l-proġetti ambjentali u infrastrutturali li jsiru għandhom jikkunsidraw kif is-saħħa tan-nies tkun aħjar. Fiż-żmien li pajjiżna kien kważi qiegħed f’lockdown u għalhekk l-ammont ta’ karozzi fit-toroq kienu naqsu, kellna titjieb fil-kwalita’ tal-arja. Ħasra li l-arja tjiebet meta n-nies kellhom joqgħodu ġewwa biex jipproteġu b’mod aħjar saħħithom. Kwalita’ ta’ arja aħjar hi dritt ta’ kull ċittadin, daqs kemm bi dritt kull ċittadin jistenna li jsib kura tas-saħħa mill-aqwa b’faċilitajiet u tagħmir sofistikat.

Għaldaqstant inqis li bħala wieħed mill-oġġettivi tal-proġetti u inizjattivi li se jsiru bil-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu proġetti li jtejbu mhux biss id-dehra ta’ pajjiżna, imma li fuq kollox ikunu proġetti ambjentali li jtejbu s-saħħa tagħna. Dan jgħodd minn proġetti miftuħa ta’ spazji pubbliċi għal mod kif isiru n-networks ta’ toroq, mill-mezzi alternattivi ta’ trasport għal għajnuna li tingħata lill-bdiewa, raħħala u sajjieda. Il-bdiewa biex insemmi eżempju wieħed huma fost l-akbar għassiesa u persuni li jindokraw l-ambjent tagħna b’impatt pożittiv fuq saħħitna. Il-bdiewa jkabbru prodotti ġenwini tajbin għal saħħitna waqt li jħarsu l-ambjent. Tkun traġedja għal pajjiżna li l-bdiewa jonqsu. Meta nkun qed inżur diversi lantijiet tax-xogħol napprezza l-fatt meta nara żgħażagħ jagħżlu l-biedja bħala x-xogħol tagħhom. Naf li x-xogħol mhux faċli, stapazzuz, jirrikjedi ħinijiet twal u sagrifiċċji imma l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa li ssir b’ħidmiethom hi kbira. L-ambjent hu konsiderazzjoni importanti fil-budget tal-Unjoni Ewropea. 

Importanza lis-saltna tad-dritt

Aspett ġdid li l-Unjoni Ewropea qed torbot mal-budget hu li l-pajjiżi membri jridu jieħdu inizjattivi fl-ambjent u fis-saltna tad-dritt. Jekk ma jagħmlux hekk ikunu qed jissugraw li jitilfu mill-fondi li hemm allokati.

Id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-liberta’ huma kollha valuri li l-Partit Nazzjonalista jħaddan. Huma wkoll valuri Ewropej. Fuq il-karta faċli tista’ tgħid li taqbel magħhom imma dak li jgħodd hu li tagħmel il-prattika. 

Dan se jkun test ieħor importanti għall-Gvern Laburista. Il-korruzzjoni, il-kriminalita’ minsuġa mal-poter, il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kollha ħallew impatt fuq pajjiżna. Dak li għamlu esponenti tal-Gvern Laburista hu ħażin fih innifsu u l-konsegwenza hu li għarraq il-kredibilita’ ta’ pajjiżna. 

Għall-ewwel darba l-fondi huma marbuta ma’ dak li jagħmlu l-Gvernijiet dwar is-saltna tad-dritt. Għal darb’oħra din hi xhieda li r-rabta għandha tkun fl-interess tan-nies, maċ-ċittadin, miegħek u mhux tal-istituzzjonijiet jew il-gvernijiet.

Fejn tidħol is-saltna tad-dritt hemm inizjattivi li jrid jieħu l-Gvern direttament u jindirizzahom. Oħrajn iridu jsiru mill-istituzzjonijiet li għandna f’pajjiżna fosthom mill-Pulizija. 

Il-lista ta’ x’għandu jsir hi twila. 

Imbagħad hemm inizjattivi oħra li jistgħu joħorġu minn ideat li jiġu waqt laqgħat u proċessi ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku in ġenerali, soċjeta’ ċivili, NGOs, union tal-ħaddiema, għaqdiet ta’ min iħaddem, rappreżentanti ta’ setturi differenti fejn dawn jidentifikaw bl-aħjar mod kif jiġu investiti l-fondi Ewropew biex pajjiżna jgawdi u jagħmlu użu bl-aħjar mod mill-fondi allokati.

Kuntraju għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, il-Partit Nazzjonalista ma jqisx il-fondi ewropej bħala bajtra tax-xewk imma għalqa li għandha tkompli tintela’ b’aktar żerriegħa biex tagħti l-frott, kif diġa saru b’fondi Ewropej li kienu innegozjaw u ġabu għal Malta gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista

More in Politika