Richard Muscat u P. Mifsud Bonnici | L-aqwa għażla: it-tesserati mal-Kunsill Ġenerali jeleġġu Kap tal-Partit

'Aħna lkoll inħobbu ħafna lill-Partit Nazzjonalista li għamel affarijiet kbar għal Malta. Ejja issa nerġgħu nqabbduh it-triq it-tajba biex nerġgħu nrabbu l-kuraġġ u nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna' - Richard Muscat u Paula Mifsud Bonnici

Aħna lkoll inħobbu lill-Partit Nazzjonalista, bla ebda dubju. U min iħobb il-Partit jitkellem ċar, bittama għal dak li hu ġenwinament aħjar.

Il-fatti huma ovvji. Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, imħawwad u qalbu maqtugħa wara laħħar ftit snin. Imma t-triq it-tajba qiegħda wkoll quddiemna: kemm nagħrfu liema hi u naqbduha. B’hekk nibdew it-triq li tagħti lill-Partit ħajja ġdida. Issa, mhux meta jkun tard wisq.

Ma nistgħux nistennew, għax is-sinjali qed jiggravaw

Meta xi ħadd jara organizzazzjoni bi problema, ma joqgħodx jistenna sentejn biex jagħmel xi ħaġa. U s-sinjali tal-problema huma ovvji u qed jaggravaw: it-telf tat-tielet siġġu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’distakk li kiber għal 43,000 vot, it-telf ta' ħafna Kunsilli Lokali (tlifna 49 minn 68) b’distakk ta’ 47,000, appoġġ dejjem nieżel għall-Partit, u fiduċja saħansitra anqas fil-Kap tiegħu, ħaġa li qiegħda ttaqqal u tkompli tniżżel il-fiduċja fil-Partit. U dan meta għandna quddiemna Gvern mgħerreq fil-kriminalità Statali u fit-tixħim. Jiġifieri meta messna qegħdin ħafna aħjar. Dan kollu ngħiduh bl-istess diqa li tħossu intom.

Fi stħarriġ li għadu kemm sar fostkom, tliet kwarti tagħkom il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit għedtu li ma għandkom l-ebda tama għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Din hi fil-fatt ħaġa tal-biża’: li intom, il-qalba tal-Partit, tkunu tant qalbkom maqtugħa inqas minn sentejn qabel elezzjoni ġenerali. Jekk m’aħna se nagħmlu xejn issa, il-Partit li tant inħobbu se jkun qed jaqla’ daqqa enormi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Imma hemm x’nagħmlu biex noħorġu lill-Partit minn dan il-periklu kbir.

Jekk m’aħna se nagħmlu xejn issa, il-Partit li tant inħobbu se jkun qed jaqla’ daqqa enormi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Imma hemm x’nagħmlu biex noħorġu lill-Partit minn dan il-periklu kbir Richard Muscat u Paula Mifsud Bonnici

It-tesserati mal-Kunsill Ġenerali għandhom jingħataw l-għażla li jeleġġu Kap tal-Partit

It-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista hi li jkollu elezzjoni ġdida u sħiħa għal Kap. Fuq dan intom il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit imsejħin tivvutaw għada u s-Sibt li ġej. L-Eżekuttiv tal-Partit qabel unanimament li jagħti għażla sħiħa lilkom u lit-tesserati. U l-Kap tal-Partit stess iddikjara li jekk iddeċiżjoni tagħkom il-Kunsillieri Ġenerali tkun li ssir elezzjoni fostkom u fost it-tesserati, hu joħroġ għal dik l-elezzjoni. Diversi nies oħrajn iddikjaraw li lesti joħorġu għall-elezzjoni ta’ Kap. Mela, f'elezzjoni għal Kap tal-Partit fi ftit ġimgħat, hu ċar li se jkun hemm għażla sabiħa u sħiħa ta' nies ta' talent li lesti jservu lill-Partit, li ħerqana biex jgħaqqdu l-Partit warajhom, li lesti għall-ħidma qawwija biex iġedduh, ħalli jkunu kapaċi jagħtu għażla ġdida u konvinċenti lill-pajjiż fl-elezzjoni li jmiss.

Għażla vera, ġenwina u ċara biex nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna

Id-deċiżjoni li għandkom f’idejkom għada u s-Sibt hi kbira imma tista’ tkun ta’ sodisfazzjon. Intom u tagħtu lill-Kunsill Ġenerali stess u lit-tesserati d-dritt li tivvutaw f’elezzjoni ġdida ta' Kap tal-Partit, tkunu qed tagħtu lilkom infuskom u lill-bqija tat-tesserati l-aqwa għażla, dik li fiha jippreżenta ruħu kull min iħoss li għandu t-talent għas-servizz tal-Partit. B’hekk il-Partit ikollu quddiemu għażla vera, ġenwina u ċara. Din hi l-aqwa għażla, għażla li lkoll nistgħu nagħmlu sewwa. U wara li ssir, fis-snin li ġejjin, ikollkom is-sodisfazzjon li kontu dawk li qabbadtu triq ġdida u rebbieħa lill-Partit.

Aħna lkoll inħobbu ħafna lill-Partit Nazzjonalista li għamel affarijiet kbar għal Malta. Ejja issa nerġgħu nqabbduh it-triq it-tajba biex nerġgħu nrabbu l-kuraġġ u nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna.

More in Politika