Carmel Cacopardo | Pétrus: minn Yorgen għal Joseph: u ejja, b’daqshekk x’ġara?

Meta dawk li jkollhom kariga politika jirċievu rigali li jiswew il-flus ikunu qed joħolqu sitwazzjoni li biha faċilment jikkompromettu l-kariga pubblika li jokkupaw

L-inbid Petrus
L-inbid Petrus

 Il-politiċi għandhom iżommu distanza soċjali min-nies tan-negozju, u dan mhux biss waqt pandemija. Dan kien rappurtat li ntqal minn George Hyzler, il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, iktar kmieni din il-ġimgħa, waqt seduta ta’ kumitat parlamentari li kien qed jiddiskuti r-rapport tiegħu dwar investigazzjoni li għamel fuq Joseph Muscat, ex-Prim Ministru. Ir-rapport ta’ Hyzler hu dwar ir-rigal li Joseph Muscat irċieva mingħand Yorgen Fenech li kien jikkonsisti fi tlett fliexken inbid prim, Château Pétrus, mingħand min hu presentement akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia.

Joseph Muscat mhux l-ewwel politiku li irċieva rigali kompromettenti. L-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech kien aċċetta rikba bla ħlas (bejn Malta u Madrid u lura) fuq jet privat flimkien ma żewġ negozjanti biex jara logħba futbal taċ-Champon’s League (l-Arsenal f’Madrid).  Tonio Fenech, li anke rċieva rigali kontroversjali oħra, dakinhar kien soġġett għal kritika qawwija, avolja l-kariga ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma kinitx teżisti!  Anke kellu l-barka tal-Prim Ministru ta’ dakinnhar, “ir-rett” Lawrence Gonzi. U ejja, b’daqshekk x’ġara?

Fl-2015 kellna ukoll il-każ tal-ex-Ministru tas-Saħħa  Joe Cassar li, kif kien sar magħruf, kien aċċetta numru ta’ rigali mingħand negozjant ieħor kontroversjali: Joseph Gaffarena. Dakinhar ukoll ma kellniex Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, imma  Joe Cassar ħa deċiżjoni korretta u irreżenja wara li ammetta li żbalja. Cassar ma irrealizzax mill-ewwel bil-gravità ta’ dak li ġara. Imma fl-ebda ħin ma qal: u ejja, b’daqshekk x’ġara?

Meta dawk li jkollhom kariga politika jirċievu rigali li jiswew il-flus ikunu qed joħolqu sitwazzjoni li biha faċilment jikkompromettu l-kariga pubblika li jokkupaw. Il-pożizzjoni kompromettenti tkun ferm iktar gravi jekk dak li jġib ir-rigal ikun jiddependi mill-politiku  minħabba deċiżjonijiet li jkunu għadhom pendenti, u ferm agħar jekk ikun jew tkun diġà bbenefika minn deċiżjonijiet li diġa ttieħdu. 

Nifhem li għal uħud mill-politiċi din tista’ tkun sitwazzjoni diffiċli ħafna, b’mod partikolari jekk il-politiku nvolut ma jkunx imdorri jaġixxi b’mod etiku saħansitra f’affarijiet żgħar li niffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum.  L-imġieba etika mhiex switch li tixgħel jew titfi skond jekk tkunx attiv fil-politika jew le.  Il-politiku qiegħed taħt il-lenti pubblika u l-pubbliku, illum jew għada, jiskopri l-imġieba mhux korretta ta’ dak li jkun.  L-attitudni ta’ uħud ġeneralment hi rifless ta’ imġieba mhux etika li saret tant komuni fis-soċjetà tagħna: fil-professjonijiet, fin-negozju (żgħir u kbir), fis-servizzi, fis-settur pubbliku u f’kull qasam tal-ħajja ta’ kuljum. Is-soċjetà tagħna żviluppat attitudni ta’ “u ejja, b’daqshekk x’ġara?”. Kollox, jew kważi kollox jgħaddi.  Allura m’hemmx għalfejn nistgħaġbu jekk din l-attitudni hi riflessa ukoll f’dawk eletti f’karigi pubbliċi!   
Ir-rapport dwar l-inbid Château Pétrus li Yorgen ta’ lil Joseph hu biss każ wieħed li spikka.  Bla dubju hemm kwantità ta’ każijiet ta’ għoti ta’ rigali lil politiċi konnessi ma’ deċiżjonijiet speċifiċi  inkella li kellhom impatt fuq il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.  F’xi każi il-linja li tifred rigal minn  attentat ta’ korruzzjoni hi waħda fina ħafna. Il-parti l-kbira tal-każi imma, diffiċli li jkunu ppruvati.  Huwa għalhekk essenzjali li l-ftit każi li dwarhom hemm il-provi jittieħdu passi dwarhom.

L-uffiċċju tal-Kummissarju tal-iStandards fil-Ħajja Pubblika hu essenzjali fil-bini tal-infrastruttura etika tant meħtieġa biex ikunu regolati dawk f’ħatriet politiċi.  Hu għal din ir-raġuni li kien hemm elf skuża u dewmien sostanzjali biex din il-kariga inħolqot. 
Ir-rapporti tal-Kummissarju dwar l-Standards fil-Ħajja Pubblika dejjem ser ikunu kontroversjali. Waqt li wieħed jirrispetta l-ġudizzju tal-Kummissarju, huwa għandu jifhem li l-konsiderazzjonijiet tiegħu dejjem ser ikunu taħt il-lenti. Bħalissa, f’xi waqtiet jidher li qed joqgħod lura bħalma għamel fl-investigazzjoni riċenti dwar il-vjaġġ ta’ Joseph Muscat f’Dubai.

Dawn huma materji li dwarhom bħalissa għadna qed nitgħallmu. Anke l-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika nnifsu għadu qed isib saqajħ f’mixja li forsi twassalna biex xi darba neliminaw mill-vokabolarju tagħna espressjonijiet bħal “u ejja, b’daqshekk x’ġara?”.
                                             

Kultant, imma, naħseb li diġa qegħdin tard wisq!

 

More in Politika