Editorjal | Il-politika u l-flus: Il-ħbieb sal-bieb!

Hemm bżonn ta' politiċi li m'għandhomx bżonn il-politika biex jgħixu sew u jkollhom dħul xieraq.  Politiċi ta' stoffa li jafu fejn hija l-linja l-ħamra u għandhom l-irġulija, l-onestà u l-ġenwinità biex ma jaqbżuhiex

Fejn tibda u fejn tieqaf ir-relazzjoni bejn politiku u negozjant kbir? Għandu jkun hemm relazzjoni bejn it-tnejn? 

Ir-risposta hija 'iva għandu jkun hemm relazzjoni' għaliex wara kollox dak in-negozjant ħafna drabi jkun tappa importanti, bħal maduma żgħira f'collage ħafna ikbar, li tifforma l-ekonomija.  Jekk fil-ferneżija biex inbiddlu u nagħmlu xi ħaġa quddiem l-oxxenitjiet kollha ħerġin mill-Qorti, se nittimbraw lil kull min irnexxa fil-ħajja u kull minn huwa negozjant kbir bħala 'korrott" se nagħmlu żball kbir. 

Jekk taqbad l-akbar negozji f'pajjiżna  - lukandiera, kuntratturi, negozji fil-qasam finanzjarju u ħafna aktar - dawn iħaddmu eluf u eluf ta' nies.  Huwa naturali u ovvju li kull partit u Gvern jeħtieġ iżomm kuntatt miftuħ ma' dawk kollha fil-privat li huma għajn ta' ġid ekonomiku. 

Imma hemm differenza kbira bejn li tħalli kuntatt miftuħ u diskussjoni matura b'benefiċċju reċiproku li jitrattaw il-benesseri tal-pajjiż u li tiftaħ il-bibien biex in-negozjant mhux biss ikun dieħel u ħiereġ fil-kurituri tal-poter, talli jitpoġġa f'pożizzjoni aktar b'saħħitha minn tal-Prim Ministru u f'idejh ikollu l-assi tal-pajjiż.  Dak li ġara jew allegat li ġara, fil-każ tal-Power Station, fil-każ tal-Wind Farm u fil-ftehim mal-VGH, messna konna ilna li rajnieh u konna nafu li se jiġri - għaliex meta in-negozju ma jibqax qrib il-Gvern, imma jsir il-Gvern, dak li jiġri. 

Din mhux l-ewwel darba li l-assi tal-poplu ntużaw b'mod traskurat.  Mhux sigriet li l-Mid Med Bank inbiegħ biċ-ċiċri.  Mhux xi sigriet li saru ftehim biex individwi jsiru sinjuri bħal fil-każ tal-art fil-Fekruna, il-każ tal-Lowenbrau u anke l-eks Cafè Premier.

Imma mhux biss. 

Hemm bżonn li nsolvu l-akbar dilemma tal-partiti politiċi ta' pajjiżna.  Kif se jġibu l-flus dawn biex jagħmlu l-kampanji u jmexxu l-midja tagħhom li qed tiswa ħafna u ħafna flus u li wara kollox jarawhom ħafna u ħafna nies? Se jibqgħu jiddependu minn donazzjonijiet żgħar tal-ġenwini u kbar ta' min fil-partiti jara fonti ta' flus?  Jew se niddeċiedu li naddottaw sistema li teskludi l-bżonn li l-partiti jmorru jipprostitwixxu lilhom infushom biex ikollhom il-fondi? 

Ma nistgħux inċaħħdu lill-partiti - li llum saru jiswew ħafna flus - mill-flus li għandhom bżonn, imbagħad fl-istess ħin ingergru għax qed ifittxu modi u mezzi illeċti u korrotti. 

It-tielet punt.  Hemm bżonn ta' politiċi b'fibra morali.  Mhux politiċi tal-pedestalli u qaddisin bir-raġġiera  - dawk ma jeżistux u l-qaddisin fil-ġenna u n-niċeċ qegħdin!  Imma politiċi li jafu jagħmlu distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin u politiċi li għandhom - anke jekk jiżbaljaw huma jew ta' madwarhom - imħabba lejn il-pajjiż u lejn il-poplu u lejn l-assi tiegħu.  Li għalihom sptar, triq, università u Power Station huma proġetti li jsiru biex il-poplu jkun aktar komdu, jgħix aħjar, iħallas inqas u jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu.  Mhux politiċi li għalihom kull proġett huwa baqra biex jeħilbuha ħalli jsiru sinjuri huma. 

Politiċi ta' għerf li jafu illi jekk jaċċettaw xi ħaġa mingħand xi ħadd jew ikunu fil-kumpanija ta' xi ħadd se jpoġġu lilhom infushom f'dawl partikolari. U finalment politiċi li ma jintrabu mal-ebda individwu u mal-ebda persuna, imma biss ma' Malta u l-ġid tagħha

Hemm bżonn ta' politiċi li m'għandhomx bżonn il-politika biex jgħixu sew u jkollhom dħul xieraq.  Politiċi ta' stoffa li jafu fejn hija l-linja l-ħamra u għandhom l-irġulija, l-onestà u l-ġenwinità biex ma jaqbżuhiex. 

Politiċi ta' għerf li jafu illi jekk jaċċettaw xi ħaġa mingħand xi ħadd jew ikunu fil-kumpanija ta' xi ħadd se jpoġġu lilhom infushom f'dawl partikolari. U finalment politiċi li ma jintrabu mal-ebda individwu u mal-ebda persuna, imma biss ma' Malta u l-ġid tagħha. 

Lista twila vera.  Imma lista li hija importanti. 

Nieħdu gost naraw nies bħal Daniel Micallef jersaq għal kariga importanti fil-Partit Laburista u l-elevazzjoni ta' nies bħal Aaron Farrugia, Byron Camilleri, Silvio Schembri, Edward Zammit Lewis, Julia Farrugia Portelli, Roderick Galdes, Stefan Zrinzo Azzopardi u oħrajn fil-Kabinett u fil-Gvern.  Kif nieħdu gost naraw nies bħal Bernard Grech u Joe Giglio, jingħataw prominenza mill-Partit Nazzjonalista. Nieħdu gost għax jidher - sa issa - li l-ġenerazzjoni ta' politiċi marbutin mad-dekadenza issa qed jinbidlu b'nies li huma retti u li qegħdin fil-politika biex jagħtu servizz mhux biex jisservew.  Nies li nittamaw minn qiegħ qalbna li mhux se jaqgħu mal-ewwel offerta malizzjuża ta' flus. 

Ħadd mhu anġlu u xempju tal-purità fil-politika.  Imma ejja ma nilludux ruħna li d-dekandenza li qed nisimgħu u li fiċ-ċentru tagħha hemm assasinju ta' persuna, hija "ok"!  Ejja ma nilludux ruħna li kollox sew la għandi sold żejjed fil-but. 

U kif ilna ngħidu, bix-xenarju politiku kif inhu, l-ewwel bidla u l-akbar bidliet jeħtieġ isiru fil-Partit Laburista issa mmexxi minn Robert Abela, ladarba jidher ċar illi se jerġa jirbaħ elezzjoni ġenerali mhux wisq, wisq 'il bogħod. 

U allura biex ngħalqu.  In-negozju u l-flus, fuq naħa u l-politiċi fuq in-naħa l-oħra m'għandhomx u ma jistax ikunu għedewwa, iżda lanqas għandhom ikunu maħbubin - qrib xulxin u fl-istess sodda.  Ħbieb sal-bieb, tkun relazzjoni ħafna aħjar u ħafna inqas riskjuża biex dak li ilu jiġru u ġara issa wkoll ma jerġax jiġri. 

More in Politika